Valutazzjoni ta’ 130 banek taż-żona tal-euro fl-2014
Il-valutazzjoni komprensiva tal-2014 kienet eżerċizzju ta' kontroll tas-saħħa finanzjarja ta' 130 bank fiż-żona tal-euro (inkluża l-Litwanja), li tkopri madwar 82% tal-assi totali tal-banek.
Din twettqet mill-BĊE flimkien mas-superviżuri nazzjonali bejn Novembru 2013 u Ottubru 2014 u kienet pass importanti fit-tħejjija biex isir operattiv għal kollox il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku .
Numru ta' banek koperti | 130 (fosthom tliet gruppi bankarji Litwani) |
---|---|
Tul ta' żmien | 12-il xahar |
Assi bankarji koperti (%) | madwar 82% |
Numru ta’ superviżuri nazzjonali involuti | 26 |
Numru ta’ persuni involuti | Madwar 6,000 |
Il-valutazzjoni komprensiva ntemmet bi żvelar aggregat tal-eżiti ġenerali kif ukoll ta' dejta dwar il-banek individwali, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet għal miżuri superviżorji.
Preżentazzjoni tar-riżultati
Riżultati dettaljati
Ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati ta' kull pajjiżImbagħad x’jiġri?
In-nuqqasijiet identifikati fl-Analiżi tal-Kwalità tal-Assi jew taħt ix-xenarju ta’ test tal-istress bażi għandhom jiġu koperti sal-aħħar ta' April 2015; dawk identifikati taħt ix-xenarju tat-test tal-istress avvers sal-aħħar ta’ Lulju 2015.
Ir-riżultati huma kkunsidrati fis-superviżjoni ta’ kuljum mill-BĊE minn Novembru 'l quddiem. B'mod partikolari, ir-riżultati huma kkunsidrati fil-valutazzjoni kontinwa tar-riskji tal-banek, l-arranġamenti ta’ governanza tagħhom u s-sitwazzjoni tal-kapital u l-likwidità tagħhom bħala parti mill-Proċess ta' Rieżami u Valutazzjoni Superviżorja (SREP).
L-evalwazzjoni komprensiva kienet magħmula minn żewġ pilastri ewlenin:
- analiżi tal-kwalità tal-assi (AQR) – biex titjieb it-trasparenza tal-iskoperturi tal-banek, fosthom l-adegwatezza tal-valutazzjoni tal-assi u l-kollateral u provedimenti relatati magħhom
- test tal-istress – biex tiġi ttestjata s-saħħa tal-karti tal-bilanċ tal-banek, li sar b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE).
Ir-riżultati tat-test tal-istress assigurat fil-kwalità ġew integrati mar-riżultati tal-AQR fi proċess magħruf bħala "join-up".
Il-join-up huwa dak li jiddistingwi l-valutazzjoni komprensiva minn kwalunkwe eżerċizzju preċedenti Ewropew. Huwa għaqqad u saħħaħ l-AQR point-in-time u t-test tal-istress li jħares 'il quddiem, u saħħaħ l-eżerċizzju ġenerali.
Ir-riżultati sħaħ tal-AQR ġew inkorporati fir-riżultati tat-test tal-istress għall-banek kollha billi ġew aġġustati l-pożizzjonijiet tal-bidu tal-karta tal-bilanċ.
Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq punt ta' referenza ta' kapital ta’ 8% Ekwità Komuni Grad 1, skont id-definizzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital IV/Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital, inklużi dispożizzjonijiet tranżitorji, kemm għall-AQR kif ukoll għas-sitwazzjoni bażika tat-test tal-istress.
It-test tal-istress intuża biex jittestja s-saħħa tal-banek f'sitwazzjonijiet ta' stress kemm bażiċi kif ukoll negattivi. Fis-sitwazzjoni bażika, l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea tiżviluppa skont it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea sal-2016; fis-sitwazzjoni negattiva, l-iżviluppi makroekonomiċi jeħżienu b'mod evidenti.
Il-BĊE kkollabora mill-qrib mal-ABE għall-metodoloġija tat-test tal-istress kif ukoll mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, li fassal is-sitwazzjoni negattiva. Is-sitwazzjoni bażika tfasslet mill-Kummissjoni Ewropea.
ABE: Stqarrija għall-istampaIl-valutazzjoni komprensiva saret mill-BĊE flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti, bl-għajnuna ta' partijiet terzi indipendenti.
Il-BĊE kien responsabbli:
- għall-ġestjoni tal-eżerċizzju
- għall-ippjanar tal-mudell u l-istrateġija
- għall-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mas-superviżuri nazzjonali
- biex issir l-assigurazzjoni kontinwa tal-kwalità
- għall-ġbir, ikkonsolidar u pubblikazzjoni tar-riżultati
- għall-iffinalizzar u x-xandir tal-evalwazzjoni globali
Is-superviżuri nazzjonali kompetenti kienu responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-eżerċizzju fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, biex seta' jsir l-aħjar użu tal-għarfien u l-kompetenza lokali.
Ġew stabbiliti miżuri għall-assigurazzjoni tal-kwalità sabiex ikun hemm konsistenza fost il-pajjiżi u l-banek.