Responsabbiltà
Bħala l-awtorità ewlenija għas-superviżjoni bankarja Ewropea, irridu nkunu nistgħu nispjegaw id-deċiżjonijiet superviżorji tagħna. Qafas komprensiv ta’ responsabbiltà jiżgura li dawn id-deċiżjonijiet ikunu trasparenti, leġittimi, indipendenti u soġġetti għal skrutinju xieraq.
Aħna responsabbli għall-mod kif inwettqu l-kompiti superviżorji tagħna taħt il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), is-sistema ta' superviżjoni bankarja fl-Ewropa.
Il-qafas tar-responsabbiltà tagħna
Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament MSU, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE hija responsabbli lejn il-Parlament Ewropew, fejn l-interessi taċ-ċittadini tal-UE huma rrappreżentati, u lejn il-Kunsill tal-UE, li jirrappreżenta lill-gvernijiet tal-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll permezz ta’ diversi mezzi oħra.
Aħna nagħtu importanza kbira liż-żamma u l-applikazzjoni sħiħa tal-qafas ta’ responsabbiltà, li huwa stabbilit f’aktar dettall fi:
- Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-BĊE
- Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kunsill tal-UE u l-BĊE
- Memorandum ta' Ftehim bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-BĊE
Matul is-snin, wessajna l-interazzjonijiet tagħna mal-Parlament Ewropew lil hinn mir-rekwiżiti tal-Ftehim Interistituzzjonali, u dan juri l-impenn tagħna għall-obbligu ta’ responsabbiltà.
Dikjarazzjonijiet tal-membri tal-Bord Superviżorju
Il-membri tal-Bord Superviżorju jiddikjaraw l-interessi tagħhom fuq bażi annwali. Dawn id-dikjarazzjonijiet jinkludu informazzjoni dwar l-attività okkupazzjonali preċedenti tagħhom, l-attivitajiet privati, il-mandati uffiċjali u l-interessi finanzjarji, kif ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe attività okkupazzjonali bi qligħ tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba tagħhom li tista’ tqajjem tħassib ta’ kunflitt ta’ interess.