- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Ir-rieżami bir-reqqa tal-BĊE juri li l-banek jeħtiġilhom jieħdu aktar azzjonijiet
Riżultati ewlenin tal-evalwazzjoni komprensiva tal-akbar 130 bank taż-żona tal-euro:
-
Instab nuqqas ta’ kapital ta’ €25 biljun f’25 bank parteċipanti
-
Il-valuri tal-assi bankarji jeħtiġilhom aġġustament ta’ €48 biljun, li minnhom €37 biljun ma ġġenerawx nuqqas ta’ kapital
-
In-nuqqas ta’ kapital ta’ €25 biljun u l-aġġustament ta’ €37 biljun fil-valur tal-assi jfissru impatt totali ta’ €62 biljun fuq il-banek
-
Instabu €136 biljun addizzjonali fi skoperturi improduttivi
-
Sitwazzjoni negattiva ta’ stress iddgħajjef il-kapital tal-banek b’€263 biljun, u l-proporzjon CET1 medjan jonqos b’4 punti perċentwali minn 12.4% għal 8.3%
L-eżerċizzju huwa wieħed ta’ livell għoli ta’ trasparenza, konsistenza u trattament indaqs
L-eżerċizzju rigoruż huwa ġrajja importanti għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku li jibda f’Novembru
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippubblika r-riżultati ta’ eżami bir-reqqa ta’ sena fir-rigward tas-saħħa u l-pożizzjonijiet tal-akbar 130 bank fiż-żona tal-euro fil-31 ta’ Diċembru 2013.
“Dan l-eżerċizzju uniku u rigoruż huwa ġrajja importanti fit-tħejjija għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, li se jsir operattiv bis-sħiħ f’Novembru,” qal Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE. “Dan ir-rieżami profond bla preċedenti tal-pożizzjonijiet tal-akbar banek se jkattar il-fiduċja tal-pubbliku fis-settur bankarju. L-identifikazzjoni tal-problemi u r-riskji se tgħin fit-tiswija tal-karti tal-bilanċ biex hekk il-banek isiru aktar b’saħħithom u robusti. Dan għandu jiffaċilita aktar self fl-Ewropa u b’hekk jgħin it-tkabbir ekonomiku.”
L-evalwazzjoni komprensiva, li kienet tikkonsisti fl-analiżi tal-kwalità tal-assi (AQR) u test tal-istress tal‑banek li jħares ’il quddiem, sabet nuqqas ta’ kapital ta’ €25 biljun f’25 bank. Tnax mill-25 bank diġà koprew in-nuqqas ta’ kapital li kellhom billi żiedu l-kapital tagħhom bi €15-il biljun fl-2014. Il-banek b’nuqqas ta’ kapital għandhom iħejju skemi tal-kapital fi żmien ġimagħtejn mit-tħabbir tar-riżultati. Il-banek se jkollhom sa disa’ xhur biex ikopru n-nuqqas ta’ kapital.
L-AQR wera li mill-aħħar tal-2013 il-valuri riportati, jew il-valuri kontabilistiċi, tal-assi bankarji jeħtiġilhom jiġu aġġustati bi €48 biljun, li se jiġu riflessi fil-kontijiet tal-banek jew fir-rekwiżiti prudenzjali. Barra dan, bl-użu ta’ definizzjoni standard għall-iskoperturi improduttivi (l-obbligi li jiskadu b’90 jum, jew li jkunu indeboliti jew inadempjenti), ir-rieżami sab li l-iskoperturi improduttivi tal-banek żdiedu b’€136 biljun għal total ta’ €879 biljun.
L-evalwazzjoni komprensiva wriet ukoll li sitwazzjoni negattiva ddgħajjef il-kapital tal-banek ta’ Ekwità Komuni tal-Grad 1 (CET1), li huwa tal-aqwa kwalità, jassorbi t-telf u jkejjel is-saħħa finanzjarja ta’ bank, b’madwar €263 biljun. Dan iwassal biex il-proporzjon CET1 medjan tal-banek jonqos b’4 punti perċentwali minn 12.4% għal 8.3%. Dan it-tnaqqis huwa akbar minn dak li ħareġ minn eżerċizzji simili preċedenti u huwa kejl tan-natura rigoruża tal-eżerċizzju.
“Dan l-eżerċizzju huwa bidu eċċellenti fid-direzzjoni t-tajba. Kien jeħtieġlu sforzi straordinarji u riżorsi sostanzjali mill-partijiet kollha involuti, fosthom l-awtoritajiet nazzjonali taż-żona tal-euro u l-BĊE. Saħħaħ it-trasparenza fis-settur bankarju u kixef l-oqsma fil-banek u fis-sistema li jeħtiġilhom titjib,” qalet Danièle Nouy, President tal-Bord Superviżorju. “L-evalwazzjoni komprensiva ppermettitilna nqabblu l-banek lil hinn mill-fruntieri u l-mudelli tan-negozju, u r-riżultati se jwassluna biex niġbdu konklużjonijiet sabiex is-superviżjoni timxi ’l quddiem.”
Sa minn meta tħabbar l-eżerċizzju f’Lulju 2013, l-akbar 30 bank parteċipanti ħadu diversi miżuri, fosthom il-ġbir ta’ kapital f’amont ta’ €60 biljun, sabiex isaħħu l-karti tal-bilanċ tagħhom b’total ta’ aktar minn €200 biljun. Dawn il-miżuri li ttieħdu bil-quddiem huma parti mir-riżultat tal-eżerċizzju li kien suċċess ġenerali. Uħud mill-miżuri li ttieħdu fl-2013 naqqsu l-insuffiċjenzi li nstabu mill-evalwazzjoni komprensiva. Xi miżuri li ġew adottati fl-2014 jista’ jkollhom sehem biex ikopru n-nuqqas ta’ kapital.
Evalwazzjoni komprensiva
L-evalwazzjoni komprensiva, li għaqqdet il-komponenti tal-AQR u t-test tal-istress, kellha l-għan li ssaħħaħ il-karti tal-bilanċ tal-banek billi ttejjeb it-trasparenza u tibni l-fiduċja mill-ġdid. Il-130 bank li ġew eżaminati kellhom assi ta’ €22 triljun, li jirrappreżentaw 82% tal-assi bankarji totali fiż-żona tal-euro. L-evalwazzjoni saret skont ir-Regolament u d-Direttiva attwali dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRR/CRDIV), li jinkludu ċerti diskrezzjonijiet nazzjonali. Dawn id-diskrezzjonijiet nazzjonali jistgħu jwasslu għal differenzi, pereżempju, fid-definizzjoni ta’ kapital. Dawn id-differenzi se jonqsu gradwalment fis-snin li ġejjin hekk kif id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali fir-regolament rilevanti jitneħħew ftit ftit. Il-BĊE jirrikonoxxi l-ħtieġa li titjieb il-konsistenza tad-definizzjoni ta’ kapital u tal-kwalità relatata tal-kapital. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tindirizza din il-kwistjoni bi prijorità.
L-AQR
L-AQR li sar mill-BĊE u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti eżamina jekk l-assi kinux ivvalutati kif jixraq fil-karti tal-bilanċ tal-banek fil‑31 ta’ Diċembru 2013. Permezz tal-AQR, il-banek saru komparabbli lil hinn mill-fruntieri nazzjonali bl-applikazzjoni ta’ definizzjonijiet komuni għal kunċetti li qabel kienu diverġenti kif ukoll ta’ metodoloġija uniformi għall-evalwazzjoni tal-karti tal-bilanċ. Aktar minn 6,000 espert imxerrdin fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku eżaminaw fid-dettalji aktar minn 800 portafoll individwali, billi fost affarijiet oħra analizzaw bir-reqqa l-kwalità tal-kreditu ta’ 119,000 debitur tal-banek. Ir-rieżami jipprovdi lill-BĊE b’tagħrif sostanzjali dwar il-banek li se jkunu suġġetti għas-superviżjoni diretta tiegħu u se jgħinu l-isforzi biex jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għas-superviżjoni fil-ġejjieni.
It-test tal-istress
It-test tal-istress sar mill-banek parteċipanti, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’kooperazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE). L-ABE fasslet ukoll il-metodoloġija tat-test tal-istress, filwaqt li s-sitwazzjoni negattiva ġiet żviluppata mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-ABE u l-BĊE. Il-banek kellhom iżommu proporzjon CET1 minimu ta’ 8% fis-sitwazzjoni ta’ bażi (bħal fil-każ tal-AQR) u proporzjon CET1 minimu ta’ 5.5% fis-sitwazzjoni negattiva. It-test tal-istress mhuwiex tbassir għal dak li jista’ jiġri fil-ġejjieni iżda eżerċizzju prudenzjali li jittestja kemm il-banek huma kapaċi jifilħu għal kundizzjonijiet ekonomiċi dgħajfin. Il-banek parteċipanti tħeġġu jagħmlu previżjonijiet konservattivi, li ġew ikkontestati skont ir-rekwiżiti stretti tal-assigurazzjoni tal-kwalità. Element ġdid kien li t-tagħrif li nġabar mill-AQR ġie inkorporat fil-punt tat-tluq tal-karta tal-bilanċ tal-banek u fil-previżjonijiet relatati tat-test tal-istress.
Informazzjoni dwar banek individwali
Fil-130 formola b’tagħrif dwar il-banek individwali, il-BĊE ddistingwa bejn in-nuqqas ta’ kapital identifikat fl-AQR u dak identifikat fis-sitwazzjoni ta’ bażi u fis-sitwazzjoni negattiva tat-test tal-istress. Fl-evalwazzjoni komprensiva, iż-żewġ komponenti huma magħqudin. Il-formoli jipprovdu wkoll tagħrif ieħor importanti dwar kull bank, bħall-ħruġ ta’ strumenti tal-kapital li diġà sar fl-2014. Ir-riżultati sħaħ tat-test tal-istress jiġu ppubblikati wkoll mill-ABE. Ir-rapport aggregat dwar ir-riżultati kollha tal-eżerċizzju għall-banek kollha jinsabu hawn: http://www.ecb.europa.eu/ssm/assessment/html/index.en.html.
Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jċempel lil Uta Harnischfeger (+49 69 1344 6321) jew lil Ronan Sheridan (+49 69 1344 7416).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja