Nifhmu l-unjoni bankarja u l-SESF
FUQ DIN IL-PAĠNA
Unjoni bankarja
L-unjoni bankarja hija pass importanti lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina. Tippermetti l-applikazzjoni tar-regoli bankarji tal-Unjoni Ewropea (UE) b'mod konsistenti fil-pajjiżi parteċipanti. Il-proċeduri u l-għodod deċiżjonali l-ġodda jgħinu biex jinħoloq suq aktar trasparenti, magħqud u sigur għall-banek.
Għaliex l-unjoni bankarja?
Il-ħtieġa ta' unjoni bankarja ħarġet mill-kriżi finanzjarja tal-2008 u mill-kriżi sussegwenti tad-dejn. F'unjoni monetarja bħalma hija ż-żona tal-euro, deher ċar li l-problemi kkawżati mir-rabtiet mill-qrib bejn il-finanzi pubbliċi u s-settur bankarju jistgħu faċilment jinfirxu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u joħolqu problemi finanzjarji f'pajjiżi oħra tal-UE.
L-għan tal-unjoni bankarja huwa li l-banek Ewropej ikunu
aktar trasparenti | billi r-regoli komuni u l-istandards amministrattivi għas-superviżjoni, l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek jiġu applikati b'mod konsistenti |
---|---|
magħqudin | billi l-attivitajiet bankarji nazzjonali u transkonfinali jiġu ttrattati bl-istess mod u billi s-saħħa finanzjarja tal-banek ma tibqax marbuta mal-pajjiżi fejn ikunu lokalizzati |
aktar siguri | billi, jekk ikollhom problemi, isir intervent bikri sabiex jiġi evitat falliment u, jekk ikun meħtieġ, issir riżoluzzjoni b'mod effiċjenti |
L-elementi tal-unjoni bankarja
L-unjoni bankarja għandha żewġ pilastri:
- Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU)
- Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (MUR)
Iż-żewġ pilastri huma bbażati fuq il-ġabra unika tar-regoli, li tapplika għall-pajjiżi kollha tal-UE.
Mekkaniżmu Superviżorju Uniku
Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku huwa sistema ġdida ta' superviżjoni bankarja għall-Ewropa li tiġbor fiha l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti.
Mekkaniżmu Superviżorju UnikuMekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni
L-għan ewlieni tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni huwa li jiżgura r-riżoluzzjoni effiċjenti ta' banek li jkunu fit-triq tal-falliment bl-inqas spejjeż għall-kontribwenti tat-taxxa u għall-ekonomija reali. Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni se jiżgura li l-proċeduri deċiżjonali jsiru malajr sabiex ir-riżoluzzjoni ta' bank tkun tista' sseħħ matul tmiem il-ġimgħa. Bħala superviżur, il-BĊE se jkollu sehem importanti billi jrid jieħu deċiżjoni fuq jekk bank ikunx fit-triq tal-falliment jew x'aktarx li jaqbad it-triq tal-falliment.
Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-banek, se jkun disponibbli biex iħallas l-ispejjeż tal-miżuri ta' riżoluzzjoni.
Mekkaniżmu Uniku ta' RiżoluzzjoniĠabra unika tar-regoli
Dan is-sett ta' regoli jipprovdi standards legali u amministrattivi li jikkontrollaw, jissorveljaw u jirregolaw b'mod iżjed effiċjenti s-settur finanzjarju fil-pajjiżi kollha tal-UE. Il-ġabra fiha regoli dwar ir-rekwiżiti tal-kapital, il-proċessi tal-irkupru u r-riżoluzzjoni kif ukoll sistema ta' Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti nazzjonali armonizzati.
Il-pakkett ta' liġijiet tal-UE fil-ġabra unika tar-regoli japplika għall-pajjiżi kollha tal-UE. L-unjoni bankarja tiżgura li dawn ir-regoli jiġu implimentati b'mod konsistenti fiż-żona tal-euro kollha kemm hi u f'pajjiżi parteċipanti oħra.
Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja
Is-Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja (SESF) hija netwerk li jiġbor fih tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u s-superviżuri nazzjonali. Il-kompitu ewlieni tagħha huwa li tiżgura li ssir superviżjoni finanzjarja konsistenti u xierqa fl-Unjoni Ewropea (UE).
Bħala superviżur bankarju Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji Ewropej, u speċjalment mal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE).
Is-SESF tkopri kemm is-superviżjoni makroprudenzjali kif ukoll dik mikroprudenzjali.
Superviżjoni makroprudenzjali
Is-superviżjoni makroprudenzjali tinvolvi s-sorveljanza tas-sistema finanzjarja kollha. L-għan ewlieni tagħha huwa li tevita jew li ttaffi r-riskji għas-sistema finanzjarja.
Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku
Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) huwa responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-UE.
Għalkemm ma jagħmilx parti mill-BĊE, il-BERS għandu s-sede tiegħu fl-uffiċċji tal-BĊE fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja, u l-BĊE jipprovdilu s-Segretarjat.
Kompiti
Il-kompiti ewlenin tal-BERS huma li:
- jiġbor u janalizza informazzjoni rilevanti biex jidentifika r-riskji sistemiċi
- joħroġ twissijiet meta jitqies li r-riskji sistemiċi jkunu sinifikanti
- joħroġ rakkomandazzjonijiet għall-azzjoni bi tweġiba għar-riskji identifikati
- jissorvelja l-azzjoni li tittieħed wara t-twiddib u r-rakkomandazzjonijiet
- jikkoopera u jikkollabora mal-awtoritajiet superviżorji Ewropej u forums internazzjonali
Kompożizzjoni
Il-President tal-BĊE huwa wkoll il-President tal-BERS.
Il-BERS ilaqqa' flimkien ir-rappreżentanti tal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE u l-Presidenti tat-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej.
Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju SistemikuSuperviżjoni mikroprudenzjali
Is-superviżjoni mikroprudenzjali tirreferi għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet individwali, bħal banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni jew fondi tal-pensjoni.
Awtoritajiet Superviżorji Ewropej
L-ASEs huma:
- L-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE)
- L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX)
- L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS)
Kompiti
L-awtoritajiet superviżorji Ewropej jaħdmu primarjament biex jarmonizzaw is-superviżjoni finanzjarja fl-UE billi jiżviluppaw il-ġabra unika tar-regoli, sett ta' standards prudenzjali għal istituzzjonijiet finanzjarji individwali. L-awtoritajiet superviżorji jgħinu biex jiġi żgurat li l-ġabra tar-regoli tiġi applikata b'mod konsistenti biex ikun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd. Għandhom ukoll il-mandat biex jevalwaw ir-riskji u d-dgħufijiet fis-settur finanzjarju.
Kompożizzjoni
Kull awtorità għandha President li jirrappreżenta l-organizzazzjoni. Madankollu, id-deċiżjonijiet dwar l-operat jittieħdu mill-Bord tas-Superviżuri rispettivi tagħhom, li huwa magħmul mir-rappreżentanti tas-superviżuri nazzjonali.
Korpi konġunti
Bord tal-Appell
Il-Bord tal-Appell huwa korp indipendenti responsabbli għall-appelli li jsiru minn dawk li jintlaqtu mid-deċiżjonijiet tat-tliet awtoritajiet superviżorji.
Huwa magħmul minn sitt membri u minn sitt supplenti, maħturin mill-awtoritajiet superviżorji.
Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt tal-awtoritajiet superviżorji jiżgura l-konsistenza bejn is-setturi kollha fl-iżvilupp u fl-applikazzjoni tal-ġabra unika tar-regoli.
Rappreżentanti ta' kull waħda mit-tliet awtoritajiet superviżorji jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, biex hekk jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni u skambju regolari tal-informzzjoni.