Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Organizzazzjoni tas-superviżjoni u s-sorveljanza tal-LSI

Filwaqt li l-BĊE jissorvelja b’mod konġunt istituzzjonijiet sinifikanti (SIs) mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom (ANK), huwa jissorvelja biss is-superviżjoni tal-awtoritajiet rilevanti ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti (LSIs). Aħna nappoġġaw lill-ANK fis-superviżjoni tagħhom ta’ kuljum u nippromwovu l-konsistenza fl-approċċi superviżorji tagħhom filwaqt li nqisu wkoll il-proporzjonalità. Madankollu, il-BĊE għandu għadd ta’ responsabbiltajiet diretti fis-superviżjoni tal-LSIs, bħal fil-qasam tal-awtorizzazzjonijiet.

X’inhuma l-LSIs?

L-entitajiet taħt superviżjoni kollha huma awtomatikament ikklassifikati bħala inqas sinifikanti. Dawn isiru sinifikanti – u għalhekk jaqgħu taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE – biss jekk jissodisfaw mill-inqas wieħed mill-kriterji stabbiliti fir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Il-kriterji ta’ sinifikat jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, id-daqs ta’ bank, l-importanza tiegħu għall-ekonomija ta’ pajjiżu jew l-UE kollha kemm hi, u s-sinifikat tal-attivitajiet transkonfinali tiegħu. Il-biċċa l-kbira tal-LSIs huma banek iżgħar li l-assi tagħhom ma jaqbżux it-EUR 30 biljun.

F’konformità mar-Regolament Qafas tal-MSU, jekk LSI tkun ġiet ikklassifikata bħala istituzzjoni sinifikanti, il-BĊE jispeċifika d-data li fiha għandu jassumi superviżjoni diretta. Il-BĊE għandu jinnotifika lill-entità taħt superviżjoni mill-inqas xahar qabel ma jassumi superviżjoni diretta (ġimgħa fil-każ tal-kriterju tal-assistenza finanzjarja pubblika). Il-BĊE għandu jassumi superviżjoni diretta mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar is-sinifikat.

Fix-xenarju oppost – jiġifieri, jekk SI tkun ġiet ikklassifikata mill-ġdid bħala LSI – il-BĊE għandu jinforma lill-entità bid-deċiżjoni tiegħu li jtemm is-superviżjoni diretta mill-inqas xahar qabel id-data speċifikata. Id-deċiżjonijiet jittieħdu kull sena matul ir-reviżjoni tas-sinifikat, iżda jistgħu wkoll ikunu ad hoc.

F’każ li LSI tkun qed issir SI, jitwettqu Analiżi tal-Kwalità tal-Assi u test tal-istress superviżorju bħala parti minn verifika tas-saħħa finanzjarja għall-banek li jgħaddu għas-superviżjoni diretta tal-BĊE. Dawn iż-żewġ eżerċizzji prudenzjali se jitqiesu bħala żewġ eżerċizzji superviżorji indipendenti.

Ir-rwol tal-BĊE u l-ANK

L-LSIs huma ssorveljati mill-ANK tagħhom, taħt is-sorveljanza tal-BĊE, filwaqt li l-SIs huma taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE. Biex tara jekk bank huwiex ikklassifikat bħala SI jew LSI – u għalhekk min jissorveljah – tista’ tikkonsulta l-lista tal-BĊE ta’ entitajiet taħt superviżjoni. Il-BĊE janalizza s-sinifikat ta’ kull bank mill-inqas darba fis-sena.

Il-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tas-sistema ta’ superviżjoni bankarja Ewropea kollha, li tinkludi l-BĊE u l-ANK tal-pajjiżi parteċipanti. Fil-funzjoni ta’ sorveljanza tiegħu, il-BĊE jaħdem mill-qrib mal-ANK biex ikompli jarmonizza l-implimentazzjoni tar-regoli li jirregolaw is-superviżjoni bankarja, filwaqt li jiżgura wkoll li l-istandards superviżorji jiġu applikati b’mod konsistenti fis-sistema kollha. Dan jgħin biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-banek kollha. F’każijiet eċċezzjonali, il-BĊE jista’ jieħu f’idejh is-superviżjoni diretta tal-LSIs biex jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

Awtorizzazzjonijiet

Il-BĊE huwa esklussivament responsabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet bankarji lill-banek fil-pajjiżi parteċipanti fil-MSU.

Aħna nwettqu din ir-responsabbiltà f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ANK, u irrispettivament minn jekk il-banek għandhomx jiġu kklassifikati bħala sinifikanti jew inqas sinifikanti. Il-BĊE u l-AKN rilevanti jaħdmu wkoll flimkien biex jivvalutaw u jiddeċiedu dwar l-akkwiżizzjonijiet proposti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti fil-banek, u t-tnejn għandhom id-dritt li jibdew l-irtirar ta’ liċenzja bankarja.

Il-BĊE huwa responsabbli wkoll għall-approvazzjoni jew l-eżenzjoni ta’ kumpaniji holding finanzjarji prinċipali, jew imħallta, fil-kuntest ta’ SIs, filwaqt li l-ANK rilevanti twettaq dan il-kompitu meta tapplika għal-LSIs.

Fl-aħħar nett, il-BĊE jikkollabora mal-ANK rilevanti dwar il-forniment ta’ notifiki ta’ passaport għal SIs u LSIs. Jekk il-BĊE jew l-ANK jiħdux id-deċiżjoni finali tal-passaportar jiddependi fuq jekk l-entità inkwistjoni hijiex SI jew LSI.

Aktar informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tista’ tinstab fuq il-paġna web iddedikata tal-Awtorizzazzjonijiet.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)