Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Il-verżjoni bl-Ingliż ta’ din il-paġna fiha informazzjoni iżjed aġġornata.

Dokumenti tal-politika superviżorja

Meta neżerċitaw il-kompiti tagħna fi ħdan il-Qafas legali superviżorju, nużaw għodod u strumenti differenti biex nikkomunikaw l-approċċ superviżorju, l-aspettattivi, is-suppożizzjonijiet analitiċi u l-metodoloġiji tagħna, kif ukoll il-prattiki tajbin li nosservaw. 

Żid intestatura hawn...
Tip ta’ pubblikazzjoni Għan Natura tal-kontenut Rwol superviżorju
Gwida Spjega kif il-BĊE jwettaq is-superviżjoni u x’qed jistenna Kriterji, proċessi, approċċi u aspettattivi superviżorji – jista’ jkun fihom eżempji ta’ prattika tajba Gwida li tħares ’il quddiem u li ma hijiex vinkolanti
Ittra Komunikazzjoni tal-aspettattivi superviżorji dwar suġġetti speċifiċi jew tħassib emerġenti direttament u malajr Messaġġi ffukati fuq riskji jew prijoritajiet speċifiċi Komunikazzjoni superviżorja mmirata
Metodoloġija Spjega kif jitwettqu l-valutazzjonijiet jew l-analiżijiet f’qasam superviżorju Oqfsa tekniċi, metodi u proċessi Trasparenza u responsabbiltà
Rapport Enfasi u fokus fuq prattiki effettivi osservati fil-banek f’qasam superviżorju
Ippreżenta r-riżultati ta’ rieżami superviżorju mmirat
Eżempji illustrattivi ta’ prattiki tajbin u/jew sejbiet u analiżi minn eżerċizzju speċifiku Valutazzjoni komparattiva u apprendiment, rappurtar analitiku ex post

Gwidi

Il-gwidi superviżorji jiġu żviluppati u ppubblikati meta l-BĊE jkollu l-ħsieb li jikkomunika l-aspettattivi superviżorji lill-industrija bankarja.

Dawn l-aspettattivi huma dikjarazzjonijiet mhux vinkolanti maħruġa mill-BĊE biex jgħinu lill-banek japplikaw il-qafas regolatorju rilevanti. Huma għandhom l-għan li jtejbu s-sikurezza u r-robustezza tal-banek billi jippromwovu ġestjoni tar-riskju xierqa u kopertura tar-riskju adegwata, u jservu bħala bażi għal djalogu superviżorju. L-objettiv tal-BĊE meta joħroġ gwidi huwa li jrawwem it-trasparenza u jagħmel l-azzjonijiet superviżorji tagħna aktar prevedibbli.

Il-gwidi superviżorji jistgħu jipprovdu trasparenza dwar:

  • il-proċessi applikati mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu, sal-punt li dawn il-proċessi jkunu rilevanti għall-banek jew għall-pubbliku meta jkollhom bżonn jinteraġixxu mal-BĊE (pereżempju fir-rigward tal-liċenzjar, il-mudelli interni jew il-ġestjoni tar-riskju)
  • kif il-BĊE biħsiebu japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (pereżempju, dwar suġġetti superviżorji ewlenin jew fis-suq kollu, bħat-trattament ta’ self improduttiv jew il-governanza bankarja), fid-dawl tal-Linji Gwida applikabbli tal-Awtorità Bankarja Ewropea u skont l-interpretazzjoni definittiva mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn disponibbli
  • dak li l-BĊE jistenna mill-banek taħt superviżjoni meta japplika dawk id-dispożizzjonijiet

Il-gwidi superviżorji ma jistabbilixxux obbligi vinkolanti; dawn jinħolqu biss mil-leġiżlatur. Madankollu, huwa komuni li l-gwidi superviżorji jirreferu għal obbligi leġiżlattivi vinkolanti. L-għan ta’ dan l-approċċ huwa li jiġbor flimkien f’dokument wieħed ir-regoli rilevanti u l-mod li bih il-BĊE biħsiebu japplika dawk ir-regoli meta jeżerċita l-kompiti superviżorji tiegħu, u b’hekk jagħmilha aktar faċli għall-qarrejja biex jaċċessaw il-qafas rilevanti.

L-aspettattivi superviżorji inklużi fil-gwidi tal-BĊE lanqas ma huma vinkolanti. Minflok, jistgħu jitqiesu bħala punt tat-tluq għall-interazzjoni u d-djalogu mal-banek. Dan id-djalogu dejjem isir fuq bażi ta’ każ b’każ u f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Għalhekk, il-gwidi ma jeskludux il-possibbiltà ta’ approċċ differenti f’każijiet speċifiċi.

Ittri

L-ittri superviżorji jistgħu jiġu indirizzati lill-maniġment ta’ banek taħt superviżjoni u ppubblikati fuq is-sit web tagħna meta l-BĊE jkollu l-ħsieb li jwassal gwida jew aspettattivi superviżorji mhux vinkolanti dwar kwistjonijiet limitati speċifiċi u li jiċċara l-fehmiet, il-proċessi jew it-tħassib superviżorji dwar dawn il-kwistjonijiet. Dan spiss iseħħ b’reazzjoni għal riskji emerġenti jew għal żviluppi tas-suq li jeħtieġu gwida rapida.

Metodoloġiji

Il-metodoloġiji pubbliċi jistgħu jintużaw biex jispjegaw il-metodi, l-oqfsa u l-approċċi tekniċi użati mill-BĊE, b’mod partikolari f’oqsma bħall-valutazzjonijiet superviżorji (eż. il-metodoloġija tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP), il-kompilazzjoni tal-istatistika u l-produzzjoni tad-data. Huma jiddeskrivu kif jitwettqu l-valutazzjonijiet, il-produzzjoni tad-data jew l-analiżijiet, u jispjegaw il-bażi teknika li tirfed l-outputs jew il-proċessi superviżorji tal-BĊE. Ma jinkludux aspettattivi superviżorji.

Rapporti

Ir-rapporti superviżorji jipprovdu trasparenza lill-banek taħt superviżjoni u lill-pubbliku dwar il-prattiki superviżorji osservati u/jew l-eżitu tar-rieżamijiet superviżorji mmirati. Ir-rapporti ma jinkludu l-ebda aspettattiva superviżorja ġdida jew li tħares ’il quddiem iżda jistgħu jirreferu għal dawk eżistenti.

Rapporti ta’ prattika tajba

Dawn ir-rapporti jidentifikaw, jiddeskrivu u juru prattiki osservati mis-superviżuri li huma kkunsidrati effettivi jew robusti. Huma bbażati fuq osservazzjonijiet minn xogħol superviżorju, paraguni bejn il-pari jew evalwazzjonijiet tematiċi għal skopijiet informattivi. L-għan tagħhom huwa li jgħinu lill-banek jirriflettu dwar modi possibbli biex isaħħu l-ġestjoni tar-riskju u l-oqfsa ta’ governanza tagħhom stess. Prattiki tajbin jiddependu fuq il-kuntest ta’ kull bank, u mhux il-prattiki tajbin kollha huma rilevanti għall-banek kollha.

Rapporti tematiċi

Dawn huma pubblikazzjonijiet ta’ darba li jippreżentaw l-eżiti ta’ rieżamijiet superviżorji mmirati. Dawn tipikament jiffukaw fuq riskju speċifiku, prattika jew tema superviżorja (eż. standards ta’ sottoskrizzjoni tal-kreditu, pjanijiet ta’ rkupru, aggregazzjoni tad-data dwar ir-riskju) u jiġbru fil-qosor is-sejbiet ta’ eżerċizzju superviżorju definit imwettaq fi grupp ta’ istituzzjonijiet taħt superviżjoni (eż. rapport SREP). Dawn huma outputs analitiċi bbażati fuq ħidma superviżorja kompluta u valutazzjonijiet sistemiċi tal-konformità jew tan-nuqqasijiet.

Mezzi oħra ta’ komunikazzjoni

Il-BĊE u t-tmexxija tiegħu jistgħu jinfurmaw, jispjegaw u jamplifikaw fehmiet ta’ politika, ħsieb superviżorju u kuntest b’diversi mezzi (bħal diskorsi, intervisti, blog posts, bullettini, stqarrijiet għall-istampa jew pubblikazzjonijiet oħra). Dawn it-tipi ta’ komunikazzjonijiet mhumiex maħsuba biex jesprimu aspettattivi jew gwida superviżorja ġdida iżda jistgħu jirreferu għal dawk eżistenti u jipprovdu spjegazzjonijiet u kuntest addizzjonali.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima