Spezzjonijiet fuq il-post
L-ispezzjonijiet fuq il-post (OSIs) huma waħda mill-aktar għodod superviżorji b’saħħithom disponibbli għas-superviżuri bankarji. Dawn jikkomplementaw is-superviżjoni mhux fuq il-post billi jagħtuhom stampa diretta u dettaljata tar-riskji, tal-kontrolli interni, tal-mudell tan-negozju u tal-governanza ta’ entità spezzjonata. Dawn iseħħu fi ħdan kamp ta’ applikazzjoni u perjodu ta’ żmien definiti fil-bini tal-entità spezzjonata jew tal-fornituri tas-servizzi ta’ esternalizzazzjoni tagħha.
Qafas għall-OSIs
Il-gwida tal-BĊE għal spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta’ mudell intern tikkjarifika l-qafas ġenerali u l-proċess applikabbli għall-IMIs.
Skop
L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom l-għan li:
- jiġu evalwati r-riskji li tiffaċċja l-entità spezzjonata, filwaqt li titqies il-kultura tar-riskju tagħha
- jiġu vvalutati l-kwalità tal-governanza korporattiva u tal-qafas ta’ kontroll intern tal-entità spezzjonata
- jiġu analizzati s-sistemi ta’ kontroll u l-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskju tal-entità spezzjonata biex tidentifika dgħufijiet jew vulnerabbiltajiet, inklużi dawk li jistgħu jaffettwaw il-fondi proprji tagħha
- jiġu eżaminati l-kwalità tal-partiti tal-karta tal-bilanċ u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-entità spezzjonata
- jiġi stmat il-mudell tan-negozju tal-entità spezzjonata
- jiġi vverifikat jekk l-entità spezzjonata tikkonformax mar-regolamentazzjoni bankarja
Proċess
Il-proċess tal-ippjanar tal-ispezzjonijiet isegwi approċċ integrat li jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati, inkluż il-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv tal-BĊE.
It-tim ta’ spezzjoni jistabbilixxi l-konstatazzjonijiet tiegħu f’rapport ta’ spezzjoni, li jiġi pprovdut lit-Tim Superviżorju Konġunt u lill-entità spezzjonata. Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, it-Tim Superviżorju Konġunt iħejji jew ittra ta’ segwitu, li tikkostitwixxi att operazzjonali u ma hijiex legalment vinkolanti, jew deċiżjoni superviżorja li jkun fiha miżuri superviżorji legalment vinkolanti, u jibgħatha lill-entità. Dan id-dokument jistabbilixxi l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet identifikati matul l-ispezzjoni.