Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Il-whistleblowers jaġixxu fl-aħjar interess pubbliku

08/09/2015 (aġġornat 26 Ottubru 2018)

Il-BĊE huwa impenjat f’superviżjoni bankarja stretta imma ġusta. Bħala parti essenzjali minn dan il-kompitu, il-BĊE jrid jiżgura li l-banek kollha taħt superviżjoni u s-superviżuri bankarji jirrispettaw għalkollox l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, xi drabi dawn l-obbligi ma jiġux osservati u, f’xi każijiet, ġieli jkun hemm min jaġixxi biex jitgħatta għemil ħażin. Il-whistleblowers li jinfurmaw lill-BĊE bil-possibbiltà ta’ mġiba ħażina jkunu qegħdin jaġixxu fl-interess pubbliku meta jirrappurtaw is-suspetti tagħhom.

Tagħrif dwar għemil ħażin x’aktarx li l-ewwel jasal għand l-uffiċjali tal-verifika, l-awdituri jew impjegati oħra ta’ bank. Fost l-aktar ksur komuni li jiġi rrappurtat insibu l-kalkolu inadegwat tal-fondi proprji u tar-rekwiżiti tal-kapital kif ukoll kwistjonijiet ta’ governanza.

“Ir-rapporti dwar ksur tal-liġi huma għodda effikaċi biex jinkixfu każijiet ta’ mġiba amministrattiva ħażina.”

(Danièle Nouy, President tal-Bord Superviżorju, Artiklu b’opinjoni)

Il-BĊE jista’ jinvestiga biss il-ksur ta’ “liġijiet rilevanti tal-UE”. Dawn huma liġijiet li għandhom x’jaqsmu mas-superviżjoni prudenzjali tal-banek, bħal-liġijiet dwar ir-rekwiżiti tal-kapital u l-arranġamenti ta’ governanza. Fejn il-ksur ikollu x’jaqsam ma’ oqsma oħra tas-superviżjoni ta’ bank, pereżempju, il-ħarsien tal-konsumatur jew l-implimentazzjoni ta’ regoli kontra l-ħasil tal-flus, il-BĊE ma jistax isegwi l-każ. Minflok, dan it-tip ta’ ksur għandu jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet nazzjonali.

Kif tibgħat rapport

Kull ksur għandu jiġi rrappurtat permezz tal-formola li tinsab onlajn. Dan jiggarantixxi li r-rapport jintbagħat direttament u mingħajr dewmien lil dawk responsabbli biex jevalwaw il-possibbiltà ta’ ksur. Il-formola fiha wkoll għadd ta’ mistoqsijiet li huma importanti biex il-BĊE jkun jista’ jevalwa r-rapport.

Pjattaforma tal-Whistleblowing

Ħarsien tal-whistleblowers

Kulħadd jista’ juża l-formula onlajn tal-BĊE biex jirrapporta ksur mingħajr ma tiġi żvelata l-identità tagħhom. Min jibgħat xi tagħrif jista’ jafda lill-BĊE li r-rapport tiegħu jiġi evalwat bir-reqqa.

Il-BĊE ikkonsulta lis-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta biex jiżgura li s-salvagwardji neċessarji kollha huma stabbiliti biex jipproteġu lil min jgħaddi l-informazzjoni skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Il-protezzjoni ta’ dawk li jibagħtu l-informazzjoni hija stabbilita ukoll fil-qafas legali li japplika għall-kompiti superviżorji tal-BĊE.

Kif isir l-istħarriġ dwar rapport?

Tim ta’ esperti jirċievi r-rapport u jevalwa jekk ikunx rilevanti għall-BĊE jew għal superviżur bankarju nazzjonali. Wara l-ewwel eżami, it-tim tal-esperti jikkonkludi jekk ir-rapport ikunx rilevanti u jgħaddih lill-qasam responsabbli fi ħdan il-BĊE jew lil superviżur bankarju nazzjonali. Imbagħad tista’ tinbeda azzjoni superviżorja, pereżempju, billi jintalab aktar tagħrif, issir spezzjoni fuq il-post, jittieħdu miżuri superviżorji jew proċeduri ta’ sanzjoni.

Minħabba r-reġim stabbilit ta’ segretezza professjonali, il-BĊE ma jistax jikkomunika l-konklużjoni ta’ rapport lil min ikun għadda t-tagħrif. Madankollu, kull sena jiġi ppubblikat sommarju aggregat u anonimizzat tar-rapporti ta’ ksur u tal-azzjonijiet ta’ segwitu li jkun ħa l-BĊE fir-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)