- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Pass ieħor lejn Ewropa aħjar: insaħħu s-superviżjoni bankarja
Il-fehma taʼ Danièle Nouy, President tal-Bord Superviżorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU),
ippubblikata fʼdiversi gazzetti Ewropej fit-30 taʼ Settembru 2014
Fi ftit ġimgħat oħra, bħala parti mit-twaqqif tal-unjoni bankarja, l-Ewropa se tidħol fʼera ġdida taʼ superviżjoni bankarja: fl-4 taʼ Novembru, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) se jibda jagħmel superviżjoni diretta fuq l-akbar 120 grupp bankarju taż-żona tal-euro, li jkopru aktar minn 85% tal-assi bankarji, kif ukoll superviżjoni indiretta fuq madwar 3,400 istituzzjoni iżgħar minnhom. Permezz taʼ ħidma flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bħala parti minn Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, l-għan tagħna huwa li tikber il-fiduċja taċ-ċittadini u s-swieq fis-saħħa tal-banek taħt is-superviżjoni tagħna. Aħna rridu ngħinu wkoll lis-settur finanzjarju biex jaqdi l-aktar sehem importanti tiegħu fʼsoċjetà moderna: dak li jiffinanzja l-ekonomija reali, li jiffinanzja t-tkabbir u fl-aħħar mill-aħħar li jkattar il-ħolqien tal-impjiegi. Dan is-sehem jistgħu jaqduh kif jixraq biss banek fʼsaħħithom li jgawdu l-fiduċja tal-poplu u tas-swieq.
Aħna fil-BĊE nafu li nistgħu ngħinu biex intejbu l-fiduċja taċ-ċittadini u s-swieq fil-banek jekk kulħadd jifhem kif naħdmu u xʼjiggwida l-ħidma tagħna. Għalhekk ippubblikajna gwida li tispjega bid-dettalji l-prinċipji u l-proċeduri għat-twettiq tas-superviżjoni bankarja. Ippermettuli nsemmi fil-qosor uħud mill-elementi ewlenin tal-gwida.
Personalment, inwegħedkom li s-superviżjoni tagħna se tkun iebsa u ġusta. U mʼaħniex se noqogħdu lura milli nindaħlu jekk inħossu li dan ikun meħtieġ. Se nkunu tassew superviżur pan-Ewropew li jaħdem mingħajr influwenza jew preġudizzju nazzjonali. Se “ngħixu” dan l-ispirtu fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni tagħna, iżda l-aktar fil-qalba tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku l-ġdid, it-Timijiet Superviżorji Konġunti (TSK). Dawn it-timijiet se jagħmlu superviżjoni ta’ kuljum fuq il-banek. Kull tim huwa mmexxi minn koordinatur tal-BĊE li, bħala regola, ma jistax ikun mill-pajjiż fejn il-bank partikolari jkollu s-sede tiegħu. Ngħidu aħna, is-superviżur ewlieni ta’ Crédit Agricole se jkun Ġermaniż, ta’ Unicredit se jkun Franċiż u ta’ ABN AMRO Spanjol. Dan sabiex il-kwistjonijiet ikunu jistgħu jiġu indirizzati minn angolu ġdid u tiġi evitata l-influwenza nazzjonali. Kollox maʼ kollox, it-TSK se jlaqqgħu flimkien il-persunal u l-kompetenza tas-superviżuri nazzjonali, magħrufin ukoll bħala l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u l-BĊE. Dan ifisser li se jibbenefikaw mill-esperjenza tat-18-il pajjiż, li dalwaqt se jsiru 19, taż-żona tal-euro. Maż-żmien, il-membri tat-TSK se jaħdmu fʼtimijiet differenti, u din hija miżura oħra biex jiġi żgurat li kull bank jiġi ttrattat bl-istess mod u li naqsmu l-esperjenzi mill-Istati Membri kollha.
It-timijiet indipendenti taʼ verifika, li jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post, se jgħinu l-ħidma tat-TSK billi jiġbru informazzjoni dettaljata direttament mill-uffiċċji u l-fergħat tal-banek. Il-BĊE se jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu taʼ rappurtar sabiex iħeġġeġ u jawtorizza persuni li jsiru jafu bʼxi ksur potenzjali tal-liġijiet rilevanti tal-UE min-naħa tal-banek, biex jirrappurtaw dan il-ksur lill-BĊE. Dawn ir-rapporti dwar ksur tal-liġi huma għodda effikaċi biex jinkixfu każijiet taʼ amministrazzjoni ħażina.
L-esperti tagħna tal-infurzar u s-sanzjonijiet se jinvestigaw, fl-ispirtu tal-istħarriġ u t-teħid taʼ deċiżjonijiet trasparenti, kull ksur allegat li jsir minn banek taʼ liġijiet tal-UE li japplikaw direttament, taʼ liġijiet nazzjonali li jittrasponu direttivi tal-UE jew taʼ regolamenti u deċiżjonijiet tal-BĊE, u li jkunu ġew osservati minn TSK fis-superviżjoni li jagħmlu minn jum għall-ieħor. Jekk jinstab li jkunu nkisru rekwiżiti regolatorji u li l‑istituzzjonijiet taʼ kreditu jew l-amministrazzjoni tagħhom ikollhom jiġu ppenalizzati, nistgħu nimponu penalitajiet amministrattivi fuq il-banek taʼ sa 10% tat-total tal-fatturat annwali tagħhom tas-sena tan-negozju preċedenti.
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha tal-Istati Membri kollha għandhom siġġu u vot fil-Bord Superviżorju. Il-voti kollha għandhom l-istess saħħa. Dan jiżgura wkoll l-istess trattament għall-banek kollha fis-sistema skont ġabra unika taʼ regoli u mingħajr influwenza nazzjonali. Għalhekk, minħabba li jkunu parti mis-sistema superviżorja pan-Ewropea, is-superviżuri nazzjonali jistgħu jinfluwenzaw is-superviżjoni tal-banek fʼpajjiżi oħra u jaffettwaw id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv. Iktar importanti minn hekk, se jkunu minn tal-ewwel li jsiru jafu bl-iżviluppi u x-xejriet fil-banek taʼ pajjiżi oħra qabel ma dawn jaslu fis-suq domestiku. Fil-BĊE fi Frankfurt, għandna timijiet apposta li xogħolhom huwa biss li janalizzaw din id-dejta orizzontali, u dan jippermettilna nħaddmu sistema taʼ twissija bikrija.
Dan huwa wieħed mill-benefiċċji tas-superviżjoni unika li diġà qiegħed iħalli l-frott. Fl-evalwazzjoni komprensiva, li hija l-verifika tal-karta tal-bilanċ u t-test tal-istress li qegħdin nagħmlu bi tħejjija għall-4 taʼ Novembru, qegħdin insiru nafu mill-ewwel xʼinhuma x-xejriet transkonfinali fi ħdan is-sistema bankarja Ewropea kollha kemm hi. Dawn ikunu aktar diffiċli biex jiġu osservati minn superviżur nazzjonali wieħed li, skont id-definizzjoni stess, iħares lejn sett taʼ dejta aktar dejjaq.
Diġà rajna sinjali inkoraġġanti minn bosta pajjiżi li mʼgħandhomx l-euro bħala l-munita tagħhom u li qegħdin jikkunsidraw jitolbux li l-banek tagħhom ikunu wkoll taħt is-superviżjoni tal-BĊE, li hija possibbiltà prevista mir-Regolament MSU. Għalkemm jinsab fʼfażi bikrija ħafna, dan l-iżvilupp juri li diġà qegħdin fil-proċess li nirbħu l-fiduċja tal-partijiet konċernati fl-Ewropa kollha.
Nistaʼ nwiegħed li l-BĊE se jelimina darba għal dejjem ir-riskju taʼ kriżi finanzjarja oħra? Sfortunatament, le. Iżda nemmen bil-qawwa li qatt qabel ma kien hemm istituzzjoni Ewropea mgħammra aħjar biex tnaqqas sewwa dan ir-riskju. Bħala parti mill-BĊE, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku jipprovdi għal forza bʼsaħħitha u indipendenti fiċ-ċentru tas-sistema bankarja Ewropea. U meta nara superviżuri minn 28 pajjiż differenti jaħdmu flimkien biex iwaqqfu din l-organizzazzjoni, inkompli nsaħħaħ fehmti li qegħdin nibnu xi ħaġa storika li se tagħmel mill-Ewropa post aqwa għan-negozju, post li jkattar is-suċċess.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja