Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Xi jfisser meta bank ikun “qed jfalli jew aktarx se jfalli”?

Aġġornat l-aħħar fl-20 ta’ Frar 2026 

Il-banek għandhom rwol importanti fl-ekonomija. Dawn jipprovdu servizzi kritiċi lill-persuni u lill-kumpaniji bħall-għoti ta’ self, it-teħid ta’ depożiti u l-iffaċilitar tal-pagamenti, u dawn is-servizzi jridu jkomplu anke jekk bank ifalli. Is-sistema finanzjarja hija wkoll konnessa ħafna, u l-kriżijiet finanzjarji tal-passat urew kemm il-problemi jistgħu jinfirxu malajr jekk ma jiġux indirizzati b’mod effettiv.

Meta bank ikun “qed ifalli jew aktarx se jfalli”, dan ifisser li ma jibqax jitqies bħala finanzjarjament sod u jista’ jkun jeħtieġ riżoluzzjoni jew likwidazzjoni.

Is-superviżuri tagħna huma responsabbli biex jivvalutaw jekk il-banek akbar taħt is-superviżjoni diretta tagħhom humiex qed ifallu jew humiex aktarx se jfallu, filwaqt li s-superviżuri nazzjonali jagħmlu dan għall-banek iżgħar. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bħall-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jistgħu jiddeterminaw ukoll li bank qed ifalli jew aktarx se jfalli.

X’jiġri jekk ikolli depożitu ma’ bank li jiġi ddikjarat li qed ifalli jew aktarx se jfalli?

L-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti huma sistemi f’kull Stat Membru tal-UE li jirrimborżaw lid-depożitanti jekk il-bank tagħhom ma jkunx jista’ jħallas id-depożiti. Id-depożiti sa limitu garantit ta' €100,000 huma protetti. Il-banek kollha jridu jkunu membri ta’ skemi bħal dawn u jħallsu kontribuzzjonijiet fil-fond ta’ garanzija tad-depożiti tal-iskema.

Għaliex bank jiġi ddikjarat li qed ifalli jew li x’aktarx se jfalli?

Fi kliem sempliċi, hemm bosta raġunijiet għaliex bank jista’ jiġi ddikjarat li jkun qed ifalli jew aktarx se jfalli:

Ksur serju tar-rekwiżiti regolatorji

Il-bank qed jikser – jew x’aktarx se jikser – rekwiżiti regolatorji importanti bħal-limiti minimi tal-kapital. Dan il-ksur irid ikun serju biżżejjed biex jiġġustifika l-irtirar tal-liċenzja tal-bank.

Insolvenza jew likwidità insuffiċjenti

Il-bank ma jistax, jew aktarx li mhux se jkun kapaċi, għal kwalunkwe raġuni, iħallas id-djun tiegħu hekk kif isiru dovuti, jew il-bank għandu aktar obbligazzjonijiet minn assi.

Jirrikjedi appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju

Il-bank jeħtieġ għajnuna mill-Istat mhux awtorizzata biex ikompli jopera.

Il-valutazzjonijiet ta’ falliment jew ta’ probabbiltà ta’ falliment jiddependu fuq diversi indikaturi rilevanti. Iżda l-ġudizzju superviżorju huwa aspett kruċjali meta tiġi vvalutata l-probabbiltà li bank jirkupra.

X’jiġri meta bank jiġi ddikjarat li qed ifalli jew aktarx se jfalli?

Ir-riżoluzzjoni hija proċess użat biex tiġi restawrata l-kapaċità ta’ bank li jibqa’ jopera. Valutazzjoni ta’ falliment jew ta’ probabbiltà ta’ falliment ma twassalx awtomatikament għal riżoluzzjoni.

Ladarba bank jiġi vvalutat bħala li qed ifalli jew li x’aktarx se jfalli, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jrid jivvaluta jekk miżuri alternattivi jistgħux jipprevjenu l-falliment fi żmien raġonevoli u, jekk le, jekk ir-riżoluzzjoni hijiex fl-interess pubbliku. Ir-riżoluzzjoni titqies li hija fl-interess pubbliku jekk tkun meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

  • il-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u l-evitar tal-kontaġju lil istituzzjonijiet oħra
  • il-protezzjoni tad-depożitanti u tal-funzjonijiet bankarji kritiċi
  • l-imminimizzar tal-użu tal-fondi pubbliċi

Jekk il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jiddeċiedi li r-riżoluzzjoni ma tkunx fl-interess pubbliku, il-bank jiġi stralċjat skont proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza.

Xi tfisser riżoluzzjoni għall-banek u s-sistema finanzjarja?

Il-proċedura ta' riżoluzzjoni taġixxi bħala salvagwardja għas-sistema finanzjarja billi tiżgura li l-banek li qed ifallu jiġu ttrattati b'mod strutturat u ordnat.

Il-possibbiltà li jiġu ddikjarati li qed ifallu jew li x’aktarx se jfallu tħeġġeġ ukoll lill-banek biex jaraw l-importanza ta’ ġestjoni xierqa tar-riskju, ta' governanza interna u ta' ppjanar tal-kapital, kif ukoll ta’ pjanijiet ta’ rkupru kredibbli li jistgħu jgħinuhom jevitaw li jsibu ruħhom f’inkwiet serju.

Il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, li d-dikjarazzjoni ta' falliment jew li x’aktarx ikun hemm falliment hija parti minnha, issaħħaħ ir-reżiljenza fis-sistema finanzjarja usa’ kollha. Dan jippermetti lill-banek ifallu mingħajr ma jiskattaw kriżijiet u jipprovdi lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bl-għodod biex jimmaniġġjaw dawn il-fallimenti b’mod effettiv.

ARA WKOLL

Sir af aktar dwar kontenut relatat

Tagħrif ieħor

Ġestjoni tal-kriżijiet