- PRESS RELEASE
Il-BĊE jippubblika l-qafas tad-drittijiet superviżorji rivedut
17 ta’ Diċembru 2019
- Banek inqas sinifikanti b’assi totali taħt il-biljun euro għandhom jibbenefikaw minn tariffi orħos
- Il-piż amministrattiv għal ħafna banek imnaqqas
- Ir-reviżjonijiet isegwu konsultazzjonijiet pubbliċi mal-industrija
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippubblika r-Regolament emendat tiegħu dwar id-drittijiet superviżorji, li huwa l-eżitu ta’ żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi. Huwa aġġorna wkoll id-Deċiżjoni relatata dwar id-dejta użata għall-kalkolu tat-tariffi annwali. Il-qafas rivedut ser japplika mill-perjodu tariffarju 2020 ’il quddiem.
It-tibdil jikkonċerna prinċipalment it-tariffi individwali li l-BĊE jimponi fuq il-banek li jissorvelja u l-ħin tal-ġbir tagħhom. Mill-perjodu tariffarju 2020, il-BĊE ser inaqqas it-tariffa minima għall-istituzzjonijiet inqas sinifikanti iżgħar (LSIs). Biex tkun eliġibbli, LSI għandu jkollha assi totali taħt il-biljun euro. Madwar żewġ terzi tal-LSIs ser jibbenefikaw minn dan it-tibdil.
Tibdil ieħor jinkludi t-trasferiment lejn il-fatturazzjoni ex post, li jfisser li l-banek issa ser jiġu ffatturati fuq il-bażi ta’ spejjeż attwali mġarrba mis-superviżur pjuttost milli l-ispejjeż stmati. Il-BĊE ser juża wkoll mil-ġdid dejta superviżorja għall-kalkolu tat-tariffi, u titneħħa l-ħtieġa għal proċess ta’ ġbir tad-dejta separat għall-maġġornanza tal-banek.
Minn issa ‘l quddiem il-BĊE ser jiġbor it-tariffi fit-tieni trimestru tas-sena ta’ wara għat-12-il xahar li jintemmu f’Dicembru. Għaldaqstant, tariffi għall-perjodu tariffarju 2020 ser jinġabru fit-tieni trimestru tal-2021.
Il-BĊE ser jikkomunika regolarment mal-banek biex jiggwidahom fit-tibdil.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Elizabeth Tepper, tel.: +49 69 1344 3595.
Nota
- Il-BĊE jiċċarġja tariffa annwali lill-banek kollha taħt superviżjoni biex ikopri l-ispejjeż tal-kompiti u r-responsabbiltajiet superviżorji tiegħu. It-tariffa tiġi kkalkulata skont l-importanza u l-profil tar-riskju tal-bank. Bħala prinċipju, il-banek il-kbar bi profil tar-riskju għoli jħallsu tariffi aktar għoljin.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja