Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Self improduttiv (non-performing loans)

Ir-riskju tal-kreditu huwa inerenti fin-negozju bankarju: l-għoti ta’ self dejjem jinvolvi r-riskju li ma jitħallasx lura. Għall-istess raġuni, ir-riskju tal-kreditu huwa l-punt fokali tax-xogħol superviżorju tal-BĊE, li fih nagħtu attenzjoni partikolari lil self improduttiv (NPLs).

Superviżjoni. Xi tkun: X’inhu self improduttiv?

Il-livell ta’ self improduttiv hu importanti għall-ekonomija billi dan is-self hu piż fuq il-qligħ tal-banek u jassorbi riżorsi prezzjużi, u b'hekk jillimita l-kapaċità tagħhom biex joħorġu self ġdid. Problemi fis-settur bankarju jistgħu jinxterdu malajr għal partijiet oħrajn tal-ekonomija, u b’hekk jagħmlu ħsara lill-prospetti għall-impjiegi u t-tkabbir. Għalhekk il-BĊE jappoġġa lill-banek biex jindirizzaw din il-kwistjoni biex b’hekk jiġu żgurati s-sigurtà u s-solidità tas-sistema bankarja Ewropea.

L-istatistika bankarja superviżorja trimestrali tal-BĊE tipprovdi aktar dettalji dwar il-livell ta’ self improduttiv.

Statistika bankarja superviżorja tal-BĊE

Punt fokali superviżorju

Self improduttiv jista’ jkollu impatt kbir fuq is-saħħa ta’ bank. Is-superviżuri tal-BĊE għalhekk jissorveljaw mill-qrib il-livell ta’ self improduttiv bejn il-banek. Jivverifikaw ukoll jekk il-banek ikunux qegħdin jamministraw b’mod adegwat ir-riskji tas-self tagħhom u jekk ikollhomx strateġiji, strutturi ta’ governanza u proċessi xierqa. Din hija parti mill-proċess superviżorju ta’ rieżami u evalwazzjoni (SREP) li jsir kull sena għall-banek kollha.

Standards adegwati ta’ self u l-immaniġġjar tar-riskju tal-kreditu huma kruċjali biex jitnaqqas ir-riskju li s-self isir improduttiv u l-banek jakkumulaw self mitluf. Biex jimminimizzaw dan ir-riskju, il-banek għandhom:

  • jisilfu biss lil klijenti li x’aktarx iħallsu lura
  • jimmonitorjaw l-informazzjoni dwar is-self biex jiġu identifikati minn kmieni dawk li jissellfu li qegħdin f'diffikultà u biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni
  • jikkomunikaw sew ma dawk li jissellfu li qegħdin f'diffikultà biex s-self tagħhom jiġi rristrutturat
  • jibbukkjaw provvedimenti kmieni biżżejjed biex tiġi żgurata kopertura xierqa tat-telf
  • jaħdmu biex inaqqsu l-bilanċi tagħhom ta’ self improduttiv

Standards ta’ self sodi, immaniġġjar xieraq tar-riskju u mmaniġġjar proattiv ta’ self improduttiv huma partikolarment importanti fil-kuntest tal-kriżi tal-koronavirus, peress li d-delinkwenzi fil-ħlas aktarx jiżdiedu sew meta jiġu rtirati l-miżuri meħuda biex tiġi miġġielda.

Sabiex jgħin lill-banek ilaħħqu mal-kriżi u jkomplu jsellfu l-BĊE tahom ftit flessibilità, inkluż fil-klassifikazzjoni ta’ self lil dawk li jissellfu vijabbli li huma biss temporanjament f'diffikultà. Iżda l-viġilanza hija meħtieġa biex tiżgura li din il-flessibilità ma tirriżultax f'appoġġ għal dawk li jissellfu li mhumiex vijabbli u dewmien fil-klassifikazzjoni tas-self tagħhom bħala improduttiv.

Il-BĊE ipprovda lill-banek bi gwida dwar kif jittrattaw self mitluf, kif ukoll dwar provvediment xieraq.

Sforz konġunt

Minbarra azzjoni superviżorja, hi meħtieġa azzjoni f'żewġ oqsma oħra biex jiġi indirizzat l-ammont kbir ta' NPLs. L-ewwel waħda hi azzjoni legali: f'xi pajjiżi Ewropej, jista' jkun li l-istrumenti legali disponibbli mhumiex biżżejjed jew ma jippermettux ir-riżoluzzjoni f'waqtha tas-self improduttiv.

It-tieni waħda hi azzjoni fis-swieq sekondarji: filwaqt li l-banek jistgħu jużaw dawn is-swieq sabiex jittrasferixxu r-riskju taż-żamma ta’ self improduttiv lil investituri mhux bankarji, is-swieq spiss ikunu sottożviluppati. Dan isir aktar importanti fil-kuntest tal-kriżi tal-koronavirus u ż-żieda mistennija fil-livell ta’ self improduttiv.

Il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, Andrea Enria, issuġġerixxa wkoll li kumpanija Ewropea tal-ġestjoni tal-assi, jew netwerk ta’ kumpaniji tal-ġestjoni tal-assi, tista’ tkun parti mis-soluzzjoni għal din il-kwistjoni.

Biex jittratta l-kwistjoni ta’ self improduttiv fil-livell Ewropew, il-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-UE stabbilixxa pjan ta’ azzjoni fl-2017, li jinkludi azzjonijiet fit-tliet oqsma kollha: superviżjoni bankarja, riformi fl-insolvenza u oqfsa ta’ rkupru ta’ dejn, u l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji. Il-Kummissjoni Ewropea qed tissorvelja l-progress fit-tnaqqis ta’ self improduttiv. F’Diċembru 2020 ippreżentat ukoll strateġija biex tipprevjeni akkumulazzjoni futura ta’ self improduttiv bħala riżultat tal-kriżi tal-koronavirus.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)