Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhu self improduttiv (non-performing loans)?

12 ta’ Settembru 2016 (aġġornat fl-14 ta’ Jannar 2021)

Waħda mill-prijoritajiet tal-ħidma superviżorja tal-BĊE hija li tipprevjeni u tindirizza is-self improduttiv fi ħdan is-sistema bankarja Ewropea. X'inhu dan is-self, u għaliex huwa ħażin?

Ejja l-ewwel inħarsu lejn x’inhu n-negozju bankarju. Wieħed mill-kompiti ewlenin ta’ bank huwa li jipprovdi self biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jinvestu u joħolqu l-impjiegi, u individwi jixtru affarijiet bħal karozzi jew djar. Il-bank imbagħad jaqla’ l-flus mill-imgħax li jdaħħal fuq is-self li joħroġ.

Meta min jissellef jibqa’ b’saħħtu finanzjarjament u jħallas il-pagamenti u l-imgħax miftiehma kif skedat, is-self jingħad li huwa produttiv. Iżda dejjem hemm ir-riskju li l-kumpanija jew l-individwu ma jkunux jistgħu jħallsu lura fit-terminu miftiehem. Jekk jiġri dan jew jidher li x'aktarx jiġri, il-bank għandu jikklassifika s-self bħala "improduttiv". Is-self improduttiv huwa magħruf ukoll bħala “dejn mitluf”.

Meta jsir improduttiv self?

Self isir improduttiv meta jkun hemm indikazzjonijiet li min jissellef mhux probabbli li jħallas lura s-self, jew jekk għaddew aktar minn 90 jum mingħajr ma min jissellef iħallas il-pagamenti miftiehma. Dan jista’ jiġri meta min jissellef jitlef ix-xogħol u għalhekk ma jkunx jista’ jħallas l-ipoteka kif miftiehem, jew meta kumpanija tgħaddi minn diffikultajiet finanzjarji.

Il-banek għandhom bżonn iħarsu mill-qrib lejn is-self li jkunu taw u jidentifikaw fi stadju bikri dak is-self li huwa f’riskju li jsir improduttivi. Dan jissejjaħ “għarfien ta’ self improduttiv”.

Għaliex huwa ħażin is-self improduttiv?

Is-self improduttiv huwa fatt tal-ħajja għall-banek, billi sikwit jiġri li n-nies jitilfu x-xogħol jew li l-kumpaniji jkollhom inkwiet finanzjarju. Iżda dejjem jinvolvi spejjeż għall-bank, u għalhekk il-banek għandhom iżommu l-livell ta’ self mitluf f'minimu.

Self improduttiv huwa ta’ piż fuq il-banek b’żewġ modi. Huwa jdgħajjef il-profittabilità tal-banek minħabba li jiġġenera telf li jnaqqas l-ammont ta’ flus li l-banek jaqilgħu min-negozju tal-kreditu tagħhom. Biex jippreparaw għal dan it-telf, il-banek jeħtieġu wkoll jibbukkjaw il-provvedimenti. Dan ifisser li għandhom iwarrbu l-flus biex ikopru t-telf li jistennew li jġarrbu. Il-flus imbagħad m'għadhomx disponibbli biex jipprovdu self ġdid jew biex jassorbu telf ieħor. Dan ikompli jnaqqas il-qligħ tal-banek u jdgħajjef il-kundizzjoni tagħhom.

Bank li jkollu ħafna self improduttiv ma jistax jipprovdi sew lill-kumpaniji bil-kreditu li jkollhom bżonn biex jinvestu u joħolqu l-impjiegi. Jekk dan jiġri lil bosta banek fuq skala kbira tintlaqat l-ekonomija kollha kemm hi.

Bank kif jista' jevita li jakkumula self improduttiv?

L-ewwel u qabel kollox, il-banek għandhom jevitaw li jidħlu biex jagħtu self riskjuż iżżejjed mill-bidu nett. Għandhom isegwu kriterji sodi tas-self u jivvalutaw sewwa l-affidabbiltà kreditizja ta' dawk li jissellfu biex jiżguraw li s-self jingħata biss lil klijenti li x’aktarx iħallsuhom lura.

Huwa importanti wkoll li l-bank ikollu sistema ta’ monitoraġġ tajba biex ikun jista’ jidentifika mill-ewwel dawk li jkunu ssellfu li jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet finanzjarji. Imbagħad il-bank xorta jkollu għodod disponibbli biex jirrimedja s-sitwazzjoni. F’xi każijiet, il-parir ta’ bank lill-klijent tiegħu dwar il-finanzi tiegħu jew tagħha jkun biżżejjed biex is-self ma jsirx improduttiv.

Il-banek għandhom ukoll jibbukkjaw provvedimenti kmieni biżżejjed.

Il-kriżi tal-koronavirus se twassal għal aktar self improduttiv?

Il-kriżi tal-koronavirus kienet xokk bla preċedent għall-ekonomija, u bosta kumpaniji qed ibatu biex jibqgħu joperaw. Mhux dawn il-kumpaniji kollha ser jgħaddu b’wiċċ il-ġid mill-kriżi, u mhux il-familji kollha se jkunu jistgħu jħallsu lura s-self li ħadu qabel jew matul il-pandemija. Dan ifisser li żieda fis-self improduttiv hija inevitabbli billi mhux is-self kollu ser jitħallas lura.

Biex tiġi mminimizzata din iż-żieda, il-BĊE enfasizza ripetutament li, anki fi żminijiet diffiċli, il-banek għandhom isellfu biss lil klijenti li x'aktarx iħallsu lura. Fakkar ukoll lill-banek biex iżommu għajnejhom bir-reqqa fuq ir-riskji biex jidentifikaw u jindirizzaw self improduttiv minn kmieni.

Superviżjoni. Xi tkun: Il-miżuri ta’ għajnuna għall-pandemija qed joħolqu impriżi żombi?

X’jista’ jagħmel bank biex inaqqas l-akkumulazzjoni ta’ self improduttiv tiegħu?

Minbarra li jibbukkjaw provvedimenti suffiċjenti, il-banek għandhom jippruvaw b’mod attiv isolvu s-self improduttiv.

Possibbiltà waħda hija li jiġu nnegozjati mill-ġdid it-termini tas-self, pereżempju billi jingħata lil min jissellef aktar ħin biex iħallas lura. Dan jippermetti li individwu jew negozju bi problemi temporanji biex jissopravvivu finanzjarjament u, fl-aħħar mill-aħħar, iroddu lura s-self.

Bank jista’ wkoll jiddeċiedi li jbigħ is-self mitluf tiegħu lil investituri, li normalment jitolbu skont fuq il-valur. Il-bank jista’ jagħmel telf minn tranżazzjoni bħal din iżda, min-naħa l-oħra, jekk is-self jitħassar għalkollox, it-telf ikun akbar.

Jekk tibqa’ ma tinstabx soluzzjoni, ngħidu aħna minħabba li dak li ssellef ikun insolventi, il-bank jista’ jieħu passi legali biex jipprova jirkupra għall-inqas ftit minn flusu.

F’xi każijiet il-banek jistgħu jgħaddu wkoll is-self improduttiv tagħhom lil “bank tal-assi ħżiena”. Banek tal-assi ħżiena huma kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi, tipikament stabbiliti mill-gvern, għall-iskop speċifiku li jieħdu ħsieb is-self improduttiv. Jippermettu lill-banek ineħħu mill-karti tal-bilanċ tagħhom self improduttiv u jirrestitwixxu l-kapaċità ta' self tagħhom aktar malajr. Il-bank tal-assi ħżiena mbagħad jieħu ħsieb jirkupra l-flus mislufin billi jbiegħ self lil investituri, jew azzjonijiet oħra.

X’jista’ jagħmel is-superviżur?

Is-superviżuri għandhom interess qawwi f’li jiġi indirizzat self improduttiv minħabba li jdgħajjef lill-banek u huwa ta’ riskju għas-saħħa tagħhom. Il-BĊE għamel din il-kwistjoni waħda mill-oqsma ta’ attenzjoni tax-xogħol superviżorju tiegħu u pprovda lill-banek bi gwida estensiva dwar self improduttiv u l-aspettattivi tiegħu.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)