X’inhi rikapitalizzazzjoni prekawzjonali u kif tiffunzjona?
23 ta’ Diċembru 2016 (updated 2 May 2018)
X’inhi rikapitalizzazzjoni prekawzjonali?
Rikapitalizzazzjoni prekawzjonali tiddeskrivi l-injezzjoni ta’ fondi proprji mill-istat f’bank solventi meta jkun meħtieġ biex jiġi provdut rimedju għal taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja. Din hija miżura eċċezzjonali li tiddependi minn approvazzjoni finali skont il-qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-istat. Din ma tattivax ir-riżoluzzjoni tal-bank.
X’inhu sehem il-BĊE f’rikapitalizzazzjoni prekawzjonali?
Miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonali huma disponibbli biss għal banek solventi. Fi ħdan il-proċess ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonali, il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti għall-banek sinifikanti, jintalab jikkonferma s-solvenza ta’ banek taħt is-superviżjoni diretta tiegħu.
Barra minn hekk, ir-rikapitalizzazzjoni prekawzjonali hija limitata għall-injezzjonijiet ta’ kapital meħtieġa biex jiġi indirizzat nuqqas fil-kapital f’sitwazzjoni mistħajla negattiva tat-test tal-istress. Il-BĊE jintalab jikkonferma li l-bank għandu nuqqas ta’ kapital – u jistabbilixxi l-ammont tan-nuqqas – f’sitwazzjoni mistħajla negattiva tal-iżjed test tal-istress rilevanti tal-Awtorità Bankarja Ewropea jew tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni, filwaqt li jikkonferma wkoll li l-bank m’għandu ebda nuqqas ta’ kapital f’sitwazzjoni mistħajla ta’ bażi.
Kif jista’ bank jakkwista rikapitalizzazzjoni prekawzjonali?
Il-bank japplika għal rikapitalizzazzjoni prekawzjonali mingħand l-awtoritajiet tal-gvern.
Il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti, jiġi infurmat u jintalab jikkonferma li l-bank huwa solventi. Il-BĊE jintalab ukoll jistabbilixxi l-ammont tan-nuqqas fil-kapital fis-sitwazzjoni mistħajla negattiva tat-test tal-istress rilevanti.
Ladarba tasal din il-konferma, l-awtoritajiet jistgħu jipproċedu bir-rikapitalizzazzjoni prekawzjonali. Il-miżuri tar-rikapitalizzazzjoni prekawzjonali jiddependu mill-approvazzjoni finali tal-Kummissjoni Ewropea (Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni) skont ir-regoli tal-għajnuna mill-istat.