Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Il-BĊE kif jissorvelja banek li jużaw il-fintech?

27 ta’ Marzu 2018 (aġġornat fit-13 ta’ Novembru 2019)

Għal ħafna minna, issa huwa pjuttost normali li nħallsu għal kafè jew li nittrasferixxu flusna bl-użu tal-ismartphones tagħna. Biex jipprovdu dawn is-servizzi innovattivi, il-banek jużaw il-fintech.

X'inhu l-fintech?

Fintech – taqsira ta' teknoloġija finanzjarja – hu terminu ġenerali għal kull xorta ta’ innovazzjoni teknoloġika użata biex issostni jew tipprovdi servizzi finanzjarji. Qed twassal għal ħafna bidliet fis-settur finanzjarju u qed toħloq firxa ta' mudelli, applikazzjonijiet, proċessi u prodotti ġodda tan-negozju.

Id-ditti Fintech iqiegħdu l-innovazzjoni xprunata mit-teknoloġija fil-qalba tan-negozju tagħhom. Jistgħu jkunu attivi b’mod partikolari f’oqsma bħall-ħlas ta servizzi, klassifikazzjoni tal-kreditu u pariri awtomatizzati dwar l-investimenti, bl-użu ta’ intelliġenza artifiċjali, dejta kbira u blockchain.

Il-banek kif jużaw il-fintech?

Ċerti banek ġodda għandhom mudelli tan-negozju li jiddependu ħafna fuq il-fintech. Dak li jiddistingwi lil dawn il-banek minn banek tradizzjonali huwa r-rwol ċentrali tat-teknoloġija, il-fatt li spiss ikollhom biss preżenza diġitali u l-modi innovattivi tagħhom biex jilħqu u jinteraġixxu mal-klijenti. Approvazzjoni awtomatizzata tas-self, apps mobbli faċli biex jintużaw, disinji moderni u preżenza qawwija fil-midja soċjali huma wħud mill-għodod li jużaw dawn il-banek.

Fl-istess ħin , ħafna banek eżistenti qed jesploraw ukoll kif jistgħu jużaw il-fintech. F'xi każijiet, qed jissieħbu ma’ – jew saħansitra jakkwistaw – ditti fintech biex jittrasformaw il-profil tagħhom u jipprovdu servizzi u prodotti innovattivi.

Bil-fintech, il-banek għandhom l-għan li jtejbu l-esperjenza tal-konsumatur billi jipprovdu prodotti u servizzi mtejba. Il-Fintech tista’ tgħin ukoll lill-banek jtejbu l-proċessi interni tagħhom.

B'daqstant teknoloġija involuta, il-banek li jużaw il-fintech huma siguri?

Il-banek kollha – dawk tradizzjonali u dawk li jużaw il-fintech – huma esposti għal diversi forom ta’ riskju. Bħala prinċipju, it-teknoloġiji ġodda jistgħu jtejbu l-effiċjenza u r-reżiljenza tal-infrastrutturi, kemm ta' banek ġodda kif ukoll ta' dawk aktar stabbiliti, billi joffru prodotti u servizzi varjati lil firxa usa’ ta’ kosumaturi. Madankollu, jistgħu jħarrxu ċerti riskji eżistenti.

Hi r-responsabbiltà tal-banek innifishom – irrispettivament mill-mudell tan-negozju – li jimplimentaw proċessi adegwati ta' ġestjoni tar-riskju biex jindirizzaw ir-riskji li jħabbtu wiċċhom magħhom. Dan jinkludi riskji emerġenti relatati mal-fintech. Is-superviżuri mbagħad jieħdu dawn inkunsiderazzjoni meta jivvalutaw il-banek.

X’inhu l-approċċ tal-BĊE għas-superviżjoni ta’ banek li jużaw il-fintech?

Il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali jsegwu prinċipju wieħed globali: “l-istess negozju, l-istess riskji, l-istess superviżjoni”. Fi kliem ieħor, aħna nissorveljaw il-banek li jużaw il-fintech bl-istess mod bħall-banek tradizzjonali. Aħna newtrali dwar it-teknoloġija użata mill-banek, u niffokaw minflok fuq riskji speċifiċi involuti.

Il-BĊE qed isegwi mill-qrib l-innovazzjoni teknoloġika fis-settur finanzjarju u kwalunkwe implikazzjoni għas-superviżjoni bankarja. F’dan il-kuntest, qegħdin nivvalutaw l-impatt tal-fintech u tal-kompetizzjoni minn entitajiet li mhumiex banek fuq il-mudelli tan-negozju tal-banek.

Il-banek li jużaw il-fintech kif inhuma liċenzjati?

Kwalunkwe entità li tixtieq toffri sevizzi bankarji, immaterjalment mill-mudell tan-negozju, għandha tapplika għal liċenzja bankarja. Fis-superviżjoni bankarja Ewropea l-liċenzji bankarji jingħataw mill-BĊE.

Minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ ditti fintech li japplikaw għal-liċenzji, fl-2018 il-BĊE ppubblika gwida għall-evalwazzjonijiet tal-applikazzjonijiet tal-liċenzji bankarji fintech. Il-gwida tispjega b’mod ċar kif jiġu vvalutati l-liċenzji u tgħin lis-superviżuri biex jevalwaw aspetti speċifiċi tal-mudelli ta’ negozju fintech. Għandha tinqara flimkien mal-gwidi ġenerali tal-BĊE għall-evalwazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji u għall-evalwazzjonijiet xierqa u adegwati.

Awtorizzazzjonijiet
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)