Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Analiżi tal-BĊE tas-sensittività tar-riskju tar-rata tal-imgħax fil-portafoll bankarju (IRRBB) – test tal-istress 2017

28 ta' Frar 2017

Mistoqsijiet komuni

1. Għaliex fit-test tal-istress 2017 is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE qiegħda tagħmel analiżi tas-sensittività tar-riskju tar-rata tal-imgħax fil-portafoll bankarju (interest rate risk in the banking book – IRRBB)?

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE hija mitluba torganizza testijiet tal-istress superviżorji kull sena (CRD, Artikolu 100) u fl-2017 se tagħmel eżerċizzju ieħor ta’ dan it-tip għall-banek taħt is-superviżjoni diretta tagħha.

L-eżerċizzju ta’ din is-sena huwa mfassal biex il-BĊE jiġbor biżżejjed tagħrif ħalli jkun jista’ jifhem is-sensittività tar-rata tal-imgħax tal-assi u l-obbligazzjonijiet fil-portafoll bankarju u d-dħul nett mill-imgħax. Ix-xokkijiet ipotetiċi użati f’dan l-eżerċizzju tfasslu skont l-istandards definiti mill-Kumitat ta’ Basel għas-Superviżjoni Bankarja fid-dokument Standards – Interest rate risk in the banking book pubblikat f’April 2016.

2. X’inhu l-għan ewlieni tal-analiżi tas-sensittività tal-IRRBB fit-test tal-istress 2017 tal-BĊE? Kif se jintużaw ir-riżultati?

Is-superviżuri se jeżaminaw kif varjazzjonijiet ipotetiċi fl-ambjent tar-rati tal-imgħax jistgħu jolqtu l-banek.

Biex janalizza kif xokk tar-rata tal-imgħax jista’ jolqot il-banek, l-eżerċizzju jiffoka fuq il-varjazzjonijiet fil-valur ekonomiku tal-assi u l-obbligazzjonijiet fil-portafoll bankarju u fuq l-iżvilupp tad-dħul nett mill-imgħax ġenerat minn dawn l-assi u l-obbligazzjonijiet. Il-portafoll bankarju jinkludi l-assi u l-obbligazzjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mal-attivitajiet ta’ negozju tal-banek. L-eżerċizzju għandu l-għan ukoll li janalizza kif il-mudelli tal-imġiba tal-klijenti użati mill-banek jaffettwaw il-kejl tagħhom tar-riskju tar-rata tal-imgħax, billi l-imġiba tista’ tinbidel skont il-varjazzjonijiet fir-rati tal-imgħax.

Ir-riżultati tal-eżerċizzju se jitqiesu b’mod mhux mekkaniku fil-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (Supervisory Review and Evaluation Process – SREP) tal-2017 li jistabbilixxi kemm kapital jeħtieġlu jżomm bank. Id-domanda superviżorja għall-kapital fid-deċiżjoni SREP 2017 mhijiex se tiġi stabbilita mir-riżultati kwantitattivi tal-eżerċizzju iżda se tqis il-vulnerabbiltà relattiva tal-banek għax-xokkijiet differenti tar-rati tal-imgħax. B’mod partikolari, ir-riżultati se jqisu l-valutazzjoni ta’ kemm kapital jeħtiġilhom iżommu l-istituzzjonijiet bħala parti mir-rekwiżiti tal-Pilastru 2 u l-gwida tal-Pilastru 2 (Pillar 2 guidance – P2G).

3. L-eżerċizzju se jwassal biex il-banek ikollhom żieda fid-domanda superviżorja għall-kapital?

Kollox ma’ kollox, huwa mistenni li l-ammont aggregat tad-domanda għall-kapital għall-banek taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE jibqa’ stabbli, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jibqgħu l-istess.

4. X’inhuma l-varjazzjonijiet ipotetiċi fir-rati tal-imgħax użati f’dan it-test tal-istress?

Se jintużaw sitt xokkijiet differenti fir-rati tal-imgħax. Dawn tfasslu fuq is-sitwazzjonijiet definiti f’April 2016 mill-Kumitat ta’ Basel għas-Superviżjoni Bankarja (ara d-dokument Standards - Interest rate risk in the banking book) u se jiġu applikati għall-portafoll bankarju. Ix-xokkijiet iqisu bosta varjazzjonijiet fil-livell u l-għamla tal-kurva tar-rati tal-imgħax u għandhom joffru tagħrif lis-superviżuri fuq kif il-valur ekonomiku tal-ekwità fil-portafoll bankarju u t-tbassir fuq id-dħul nett mill-imgħax jinbidlu skont is-sitwazzjoni. Ix-xokkijiet huma ipotetiċi u mhumiex maħsubin biex ibassru b’xi mod l-iżvilupp tar-rati tal-imgħax fiż-żona tal-euro fil-ġejjieni. Huma iżjed maħsubin biex jidentifikaw vulnerabbiltajiet potenzjali fil-portafolli bankarji tal-banek.

Ix-xokkijiet għalhekk jiġu applikati iżjed fl-ispirtu ta’ analiżi tas-sensittività. Analiżi bħal din hija differenti għalkollox minn test tal-istress makroekonomiku, li essenzjalment jinkorpora tbassir ekonomiku skont mudelli f’sitwazzjoni mistħajla.

yield curve IR shock

5. Liema partijiet tal-karti tal-bilanċ tal-banek se jkunu interessati mill-analiżi tas-sensittività?

L-analiżi se tiffoka fuq il-pożizzjonijiet tal-portafoll bankarju tal-banek partikolari u se tkun limitata għall-assi u l-obbligazzjonijiet denominati fil-muniti l-kbar. Fl-eżerċizzju jidħlu biss l-assi u l-obbligazzjonijiet denominati f’munita li tiġbor iżjed minn 20% tal-assi fil-portafoll bankarju tal-bank. Sabiex jonqos il-piż tar-rappurtar, ittieħdet deċiżjoni li ma jitqisux investimenti f’muniti oħra li jkunu taħt dan il-limitu minimu. Barra minn hekk, hija ħaġa diffiċli li investimenti żgħar iwasslu għal varjazzjonijiet sinifikanti fir-riżultati globali.

6. Kemm se jdum l-eżerċizzju?

L-eżerċizzju beda fit-28 ta’ Frar 2017 u r-riżultati se jidħlu prinċipalment fil-valutazzjoni SREP u se jgħinu fil-kalibrazzjoni tal-gwida tal-Pilastru 2 (P2G). Ir-riżultati se jiġu diskussi s-sajf li ġej bħala parti mid-djalogu superviżorju SREP bejn il-banek u t-timijiet superviżorji konġunti (JSTs).

F’dan l-eżerċizzju, il-banek jipprovdu t-tbassir għal xokkijiet partikolari fir-rati tal-imgħax skont il-mudelli tagħhom. Ir-riżultati se jitqiesu fil-miżuri kwalitattivi u fid-diskussjonijiet li jsiru bejn il-JSTs u l-banek fl-ambitu tas-SREP.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)