Sanzjonijiet
Is-sanzjonijiet huma maħsuba biex jikkastigaw kondotta ħażina minn bank taħt superviżjoni. Huma jservu ta’ deterrent għall-bank ikkonċernat kif ukoll għas-settur bankarju kollu. Proċeduri ta’ sanzjonar jistgħu jinbdew mhux biss matul ksur kontinwu imma wkoll wara li l-ksur ikun waqaf, sakemm il-perjodu preskrittiv jkun rispettat.
Allokazzjoni ta’ kompiti ta’ sanzjonar
Il-BĊE jista’ jimponi penali pekunarji fuq banek sinifikanti li jiksru l-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) applikabbli direttament jew id-deċiżjonijiet jew ir-regolamenti tal-BĊE.
Fil-każ ta’ ksur tal-liġi nazzjonali li timplimenta d-direttivi tal-UE, ksur imwettaq minn persuni naturali jew meta għandha tiġi imposta penali mhux pekunjarja, il-BĊE jista’ jitlob lill-awtorità superviżorja nazzjonali (NCA) relevanti biex tibda l-proċeduri xierqa. L-NCA tmexxi dawn il-proċedimenti u tiddeċiedi dwar il-penali li jirriżultaw skont il-liġi nazzjonali applikabbli.
X’sanzjonijiet jista' jimponi l-BĊE?
Il-BĊE jista’ jimponi penali pekunarji fuq il-banek għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti prudenzjali tal-UE.
Livell massimu ta’ penali
Il-BĊE jista’ jimponi penali sa 10% tal-fatturat annwali totali ta’ bank fis-sena ta’ negozju preċedenti, jew id-doppju tal-ammont ta’ profitti miksuba jew telf evitat bħala riżultat tal-ksur, fejn dawk jistgħu jiġu ddeterminati.
Penali effettivi, proporzjonati u dissważivi
Il-BĊE jiżgura li l-penali li jimponi huma effettivi, proporzjonati u dissważivi. Meta jiddetermina l-livell ta’ tali penali, il-BĊE jikkunsidra ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha relatati mal-ksur u jivvaluta s-severità tiegħu fuq il-bażi tal-impatt tiegħu u l-imġiba ħażina tal-bank. Il-BĊE jikkunsidra wkoll iċ-ċirkostanzi aggravanti u mitiganti kollha (eż. riluttanza li jikkoopera mal-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat investigattivi tiegħu, jew l-eżistenza ta’ azzjonijiet ta’ rimedju adottati mill-bank fuq inizjattiva tiegħu stess).
Kun af aktar dwar il-prinċipji li l-BĊE japplika fil-Gwida tal-BĊE għall-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti penali pekunarji amministrattivi.
Investigazzjonijiet u proċedura ta’ sanzjonar
L-Unità Investigatorja indipendenti (IU) tal-BĊE hija responsabbli mill-investigazzjoni tal-ksur allegat tal-liġi tal-Unjoni applikabbli direttament u tad-deċiżjonijiet jew regolamenti superviżorji tal-BĊE kommessi minn banek sinifikanti sorveljati mill-BĊE.
Investigazzjonijiet
L-IU tista’ teżerċita s-setgħat mogħtija lill-BĊE bir-Regolament MSU (talba għal dokumenti, eżami ta' kotba u rekords, talba għal spjegazzjonijiet, intervisti u spezzjonijiet fuq il-post). L-IU tista’ titlob ukoll informazzjoni internament u mingħand l-NCAs. Barra minn hekk, l-IU tista’ tagħti istruzzjonijiet lill-NCAs biex jagħmlu użu mis-setgħat investigattivi tagħhom taħt u skont il-liġi nazzjonali.
Regolament MSUProċediment ta’ sanzjonar
Ladarba tkun lestiet l-investigazzjoni tagħha, l-IU tista’ tibda proċedura ta' sanzjonar billi tindirizza dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lill-bank sorveljat ikkonċernat. Il-bank ikollu l-possibbiltà li jikkummenta dwar il-fatti u l-oġġezzjonijiet imqajma mill-IU kif ukoll dwar l-ammont propost tal-penali.
Jekk, abbażi tal-analiżi inizjali tal-fatti, l-evidenza miġbura u s-sottomissjonijiet bil-miktub tal-bank ikkonċernat, l-IU tqis li għandha tiġi imposta penali amministrattiva hija tissottometti proposta għal abbozz komplet ta’ deċiżjoni lill-Bord Superviżorju.
Stħarriġ amministrattiv
Deċiżjonijiet tal-BĊE li jimponu penali jistgħu jiġu rriveduti mill-Bord Amministrattiv ta’ Reviżjoni fuq talba tal-bank konċernat.
Jekk deċiżjoni tal-BĊE li timponi pieni tiġi adottata wara l-istħarriġ amministrattiv jew jekk id-deċiżjoni tal-BĊE ma tkunx ikkontestata quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Reviżjoni, din tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-BĊE tas-Superviżjoni Bankarja.
Bord Amministrattiv ta’ Reviżjoni