X’inhu l-ABOR

25/03/2015

Jean-Paul Redouin, President tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (ABoR), iwieġeb mistoqsijiet dwar is-sehem speċifiku tal-Bord fl-era ġdida tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

The ABoR

Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (fil-25 ta' Marzu 2015)

Tista’ jekk jogħġbok tfisser ħafif il-pożizzjoni tal-ABoR fil-qafas sħiħ tas-superviżjoni bankarja?

Iva, naħseb li huwa importanti li n-nies ikunu jafu x’aħna u x’nagħmlu. M’aħniex konsulenti tal-Kunsill Governattiv. Iżda lanqas m’aħna mħallfin. Flimkien qegħdin ħames membri permanenti u żewġ supplenti. Niġu minn pajjiżi differenti u minn ambjenti differenti. Għandna esperjenza fl-attivitajiet tal-banek ċentrali, fis-superviżjoni bankarja, fil-liġi bankarja u tnejn minna huma professuri. Ilkoll ġejna maħturin għal perjodu ta’ ħames snin li beda minn Awwissu tas-sena l-oħra.

X’inhuwa eżattament is-sehem tal-ABoR?

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ titlob rieżami ta’ deċiżjoni superviżorja tal-BĊE li tkun indirizzata għal dik il-persuna, jew li tkun tikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna. Meta ssir talba bħal din, aħna nagħmlu rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjoni tal-BĊE. Imbagħad nagħtu l-opinjoni tagħna abbażi tal-kompetenza u l-ġudizzju tagħna. Il-persuna li tagħmel it-talba tista’ tagħżel ukoll li tikkontesta deċiżjoni tal-BĊE direttament quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Il-Bord Superviżorju u l-Kunsill Ġenerali jridu jagħtu widen għall-opinjoni tal-ABoR?

L-opinjoni tagħna mhijiex vinkolanti, ma torbotx. Il-Bord Superviżorju jagħżel jekk isegwihiex jew le u jekk jipproponix lill-Kunsill Governattiv jibdel jew jikkonferma d-deċiżjoni inizjali. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għandu d-dritt isegwi l-proposta jew ma jsegwihiex, jew li jieħu din l-azzjoni jew l-oħra.

X’jiġri jekk jiddeċiedu li ma jiħdux azzjoni dwar l-opinjoni tagħkom?

Bank jista’ mbagħad jikkontesta d-deċiżjoni fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u f’dak il-punt il-proċedimenti kollha tagħna jkunu miftuħin għalihom. Il-qorti tara jekk azzjoni li tkun ġiet irrakkomandata ġietx segwita jew le – u tistaqsi għaliex.

Allura għandkom setgħa reali?

Iva. Il-fatt li neżistu jmur lura għall-prinċipji li fuqhom twaqqaf il-BĊE u ċ-ċaqliqa lejn unjoni monetarja. Il-BĊE kellu jagħti rendikont ta’ għemilu minħabba li għandu s-setgħa jiddeċiedi dwar il-politika monetarja tal-pajjiżi taż-żona tal-euro.

Issa bnejna kolonna kbira oħra tal-unjoni bankarja li biha l-Bord Superviżorju u mbagħad il-Kunsill Governattiv qegħdin jieħdu deċiżjonijiet dwar il-banek. Il-banek jimpjegaw bosta persuni u dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jolqtu l-mod kif joperaw.

Għal din ir-raġuni, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ħoloq sistema ta’ superviżjoni bankarja b’għadd ta’ kontrolli u limitazzjonijiet. Il-banek jistgħu jitolbu rieżami jekk ma jaqblux ma’ deċiżjoni.

Għalhekk għandna sistema li fiha l-BĊE jieħu d-deċiżjonijiet b’mod indipendenti. Iżda l-ABoR, li huwa magħmul minn persuni indipendenti, għandu s-setgħa, jekk jiġi mitlub minn bank, jirrevedi dawn id-deċiżjonijiet u jagħti opinjoni.

Intom attwalment tiltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-banek stess?

Iva, ma naħdmux biss fuq in-noti u l-argumenti li jgħaddulna l-banek iżda nsibu l-ħin nisimgħuhom personalment ukoll. Għalhekk ir-rappreżentanti tal-banek jiġu hawn fi Frankfurt. Diġà kellna xi żewġ każijiet fejn id-Direttur Maniġerjali jew il-Kap Uffiċjal Eżekuttiv ta’ bank ġew jispjegawlna l-argumenti tagħhom. Din hija opportunità biex insiru nafu x’ġegħelhom jikkontestaw deċiżjoni tal-BĊE.

X’inhi l-aġenda tax-xogħol? Kif kienet s’issa?

Kienet intensiva ġmielha. Bejn laqgħa u oħra nagħmlu telekonferenzi biex inżommu kuntatt u neżaminaw dokumenti. Dan jieħu l-ħin għaliex huwa skambju ta’ fehmiet. Ikollna nagħmlu evalwazzjoni ta’ opinjonijiet differenti. Ir-regolament jipprevedi li aħna nivvutaw. Bħala President, naħseb li huwa essenzjali li jkollna diskussjonijiet miftuħin u liberi. Din hija tassew ħidma ta’ tim. S’issa, imxejna tajjeb.