Nifhmu l-unjoni bankarja u l-SESF
FUQ DIN IL-PAĠNA
X’inhi l-Unjoni Bankarja
L-unjoni bankarja hija qafas istituzzjonali. L-għan tagħha huwa li tiżgura li l-banek tal-Ewropa joperaw taħt sett uniku ta’ regoli. L-unjoni bankarja tikkonsisti fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u sistema ta’ skemi nazzjonali armonizzati ta’ garanzija tad-depożiti.
Għaliex għandna bżonn l-unjoni bankarja?
Il-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-kriżi sussegwenti tad-dejn sovran kixfu dgħufijiet fis-settur bankarju Ewropew. B’riżultat ta’ dan, inħolqot l-unjoni bankarja. Huwa pass kruċjali lejn sistema bankarja aktar b’saħħitha, unifikata u trasparenti – u b’hekk lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina.
Kif jista’ jkollna settur bankarju aktar integrat?
- Stabbilixxi l-iskema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti. Dan jipprovdi assigurazzjoni aktar b’saħħitha u aktar uniformi għad-depożitanti fiż-żona tal-euro kollha. U dan jgħin ukoll biex titrawwem aktar domanda transfruntiera.
- Inkoraġġixxi l-konsolidazzjoni transkonfinali. Dan jippermetti lill-banek ikunu aktar kosteffettivi u jifirxu l-iskopertura tagħhom għar-riskji. Jekk bank f’wieħed mill-pajjiżi parteċipanti fl-unjoni bankarja jkun irid jakkwista sehem kbir f’bank ieħor jew iwettaq fużjoni, il-BĊE, bħala s-superviżur bankarju Ewropew, irid japprova dan. Aħna nsejħu dan is-sehem kbir bħala parteċipazzjoni kwalifikanti.
Kooperazzjoni mas-Sistema Ewropea ta’ Superviżuri Finanzjarji
Is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) hija network imfassal biex jiżgura superviżjoni finanzjarja konsistenti u xierqa madwar l-Ewropa. Hija ċċentrata madwar l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.
Hemm tliet ASE:
- l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)
- l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u
- l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)
Il-BĊE huwa s-superviżur bankarju Ewropew. Huwa jaħdem mill-qrib mat-tliet ASE, speċjalment l-EBA.
X’tagħmel is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja?
Is-SESF tkopri kemm is-superviżjoni makroprudenzjali kif ukoll dik mikroprudenzjali.
Superviżjoni makroprudenzjali | Superviżjoni mikroprudenzjali | |
---|---|---|
X’inhi? | Is-sorveljanza tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi biex jiġu evitati jew mitigati r-riskji għas-sistema finanzjarja. | Is-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali, bħal banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni jew fondi tal-pensjonijiet. |
Min hu responsabbli? | Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), li huwa bbażat fl-uffiċċji tal-BĊE fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja. | L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE). Dawn jinkludu l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq. |
Kif isir dan? | Il-BERS jidentifika r-riskji sistemiċi. Joħroġ ukoll twissijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif dawn għandhom jiġu indirizzati. Il-BERS jagħmel dan f’koordinazzjoni mal-ASE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. | L-ASE jaħdmu biex jarmonizzaw is-superviżjoni finanzjarja fl-UE. Jagħmlu dan billi jżommu l-ġabra unika tar-regoli – sett ta’ standards prudenzjali għall-istituzzjonijiet finanzjarji. L-ASE jiżguraw li dawn ir-regoli jiġu applikati b’mod konsistenti biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi. |