Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhuma l-pagamenti perjodiċi ta’ penali?

Pagamenti perjodiċi ta’ penali huma waħda mill-miżuri ta’ infurzar disponibbli għall-BĊE taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE. Jeżistu għal raġuni tajba ħafna - biex iġiegħlu lill-banek jikkonformaw, kemm jista’ jkun malajr, mar-rekwiżiti stabbiliti fid-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jew fir-regolamenti tal-BĊE.

Jekk il-BĊE jimponihom, il-bank irid iħallas penali ta’ massimu ta’ 5% tal-fatturat medju ta’ kuljum tiegħu għal kull ġurnata li jonqos milli jissodisfa rekwiżit, għal perjodu massimu ta’ sitt xhur.

Il-BĊE, kif jimponi pagamenti perjodiċi ta’ penali?

Fażi 1

Il-BĊE javża lill-bank - permezz ta’ deċiżjoni tal-BĊE li tistabbilixxi rekwiżiti - li huwa jrid jieħu azzjoni speċifika biex jikkoreġi nuqqas identifikat sa skadenza partikolari.

Fażi 2

Jekk bank jikkonforma sal-iskadenza mogħtija, il-proċess jintemm u l-bank ma jkun soġġett għal ebda miżura.

Iżda jekk bank ma jikkonformax fil-ħin:

  • Jekk l-ewwel deċiżjoni tkun ikkombinata ma’ deċiżjoni li jibdew jiskattaw penali awtomatikament fil-każ li r-rekwiżit ma jiġix issodisfat, il-penali jibdew jgħoddu malli tgħaddi l-iskadenza, jiġifieri, ma jkun hemm bżonn ta’ ebda deċiżjoni sussegwenti li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali.
  • Fil-każ li l-ewwel deċiżjoni ma kinitx ikkombinata ma’ deċiżjoni li l-penali jibdew jiskattaw awtomatikament fil-każ li r-rekwiżit ma jiġix issodisfat, il-BĊE jimponi pagamenti perjodiċi ta’ penali f’tieni deċiżjoni separata tal-BĊE. Imbagħad dawn jibdew jiskattaw mid-data stabbilita fid-deċiżjoni. 

Dan ma jfissirx li bank jeħtieġ li jittrasferixxi flus lill-BĊE kuljum wara l-iskadenza. Dan ifisser li l-ammont finali li l-bank irid iħallas fit-tmiem tal-proċess jiżdied ma’ kull ġurnata li l-bank ikun fi ksur. Għaż-żewġ metodi, il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jistgħu jakkumulaw sa perjodu massimu ta’ sitt xhur wara d-data tal-bidu. Matul il-proċess kollu, il-bank u l-BĊE jkollhom skambji regolari biex jiddiskutu l-progress li l-bank qed jagħmel lejn il-konformità.

Fażi 3

Ladarba bank jissodisfa r-rekwiżiti jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jkunu akkumulaw għal perjodu massimu ta’ sitt xhur - skont liema minnhom jiġi l-ewwel - il-pagament ta’ penali jieqaf jakkumula. Il-BĊE jinnotifika lill-bank b’abbozz ta’ deċiżjoni ta’ infurzar finali li tispeċifika n-numru ta’ jiem li l-bank kien fi ksur u l-ammont totali ta’ penali akkumulati. Imbagħad il-bank jista’ jikkummenta fuq dan l-abbozz ta’ deċiżjoni qabel din tiġi adottata formalment.

Fażi 4 

Wara li jisma’ l-kummenti tal-bank, il-BĊE jadotta d-deċiżjoni finali tiegħu. Imbagħad il-BĊE jippubblika informazzjoni dwar id-deċiżjoni fuq is-sit elettroniku tiegħu, inkluż l-isem tal-bank, it-tip, in-natura u d-durata tal-ksur, u l-ammont finali tal-penali li l-bank irid iħallas. L-ammont finali ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali akkumulat huwa ddeterminat fuq livell individwali għal kull bank, għalkemm jista’ jkun għoli daqs 5% tal-fatturat medju ta’ kuljum tiegħu għal kull ġurnata li huwa jonqos milli jissodisfa r-rekwiżit.

Jista’ bank jappella d-deċiżjoni?

Jista’ jappella quddiem Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (ABoR) jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), jekk ikun jixtieq jagħmel dan. Jista’ wkoll l-ewwel jappella quddiem l-ABoR, u wara jsegwi b’appell quddiem il-QĠUE. 

X’jiġri jekk bank xorta waħda ma jkunx konformi wara sitt xhur?

Jekk bank ma jkunx ikkonforma wara l-perjodu massimu legali, il-BĊE jista’ juża miżuri oħrajn fil-kaxxa tal-għodda superviżorja tiegħu biex jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu, inkluż sanzjonijiet.

Għaliex il-banek għandhom jagħtu kas tat-tibdil fil-klima?

Ir-riskji klimatiċi u ambjentali għandhom rwol dejjem akbar għall-banek. Skopri kif l-avvenimenti estremi tat-temp jistgħu jaffettwaw lill-banek u x’jistgħu jagħmlu l-banek biex ikomplu bir-rwol importanti tagħhom bħala selliefa fil-futur u jagħmlu l-parti tagħhom fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Tħejjija għad-deċennu li jmiss tas-superviżjoni bankarja Ewropea

Għandna kaxxa tal-għodda superviżorja estensiva li aħna ħerqana li nużaw, qal il-Viċi President tal-Bord Superviżorju, Frank Elderson. L-użu proporzjonat ta’ setgħat superviżorji biex il-banek jiġu mġiegħla jindirizzaw dgħjufijiet mhijiex xi ħaġa sabiħa li jkollok - hija l-aqwa prattika internazzjonali biex il-banek jinżammu sikuri.

Aqra d-diskors ta’ Frank Elderson

Trid tkun taf ir-riskji tiegħek biex tiġġestihom - valutazzjonijiet tal-materjalità tal-banek

Sa minn meta bdejna ninfurzaw l-iskadenzi għall-banek biex jivvalutaw l-iskoperturi tagħhom għar-riskji klimatiċi u ambjentali, ħafna mill-banek għamlu sforzi ikbar, qal il-Viċi President tal-Bord Superviżorju, Frank Elderson. Iżda għad fadal ħafna xi jsir.

Aqra l-blog post tas-Superviżjoni
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)