Konsultazzjoni pubblika dwar emendi għall-qafas tat-tariffi superviżorji
Mistoqsijiet komuni
Għaliex il-BĊE qiegħed jirrivedi dan ir-regolament?
Ir-Regolament tal-BĊE dwar it-tariffi superviżorji, adottat f'Ottubru 2014, jobbliga lill-BĊE biex iwettaq reviżjoni, u l-għan tal-konsultazzjoni attwali huwa li jippreżenta r-riżultat tagħha. Ir-reviżjoni tinkorpora r-reazzjonijiet ipprovduti fil-konsultazzjoni tal-2017 kif ukoll kummenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Bord Superviżorju tal-BĊE.
X’ser jagħmel eżattament il-BĊE bil-kummenti li jirċievi?
Ladarba l-konsultazzjoni pubblika tikkonkludi fis-6 ta’ Ġunju 2019, il-BĊE ser jivvaluta l-kummenti rċevuti matul il-proċess. Imbagħad, l-emenda għar-Regolament tiġi aġġustata kif jitqies neċessarju. Jekk jogħġbok innota li l-kummenti qed jintalbu biss rigward l-emenda għar-Regolament fit-Taqsima 5 tad-dikjarazzjoni tar-reazzjonijiet.
X'kien in-numru totali ta’ kummenti irċevuti matul il-konsultazzjoni pubblika fl-2017? Min ssottometta dawn il-kummenti?
Il-BĊE rċieva total ta’ 73 kumment individwali fi 13-il sottomissjoni, li ġew minn tmien assoċjazzjonijiet bankarji, erba’ entitajiet jew gruppi sorveljati u parteċipant ieħor fis-suq.
Kummenti minn dawk li wieġbu li qablu li jiġu ppubblikati r-reazzjonijiet tagħhomX'effetti se jkollhom il-bidliet fuq il-kalendarju annwali tal-ħlas tal-MSU?
It-tabella hawn taħt turi d-dati u l-iskadenzi taħt il-qafas attwali u kif jistgħu jinbidlu taħt il-qafas propost.
Dati u skadenzi ewlenin | Il-metodu kurrenti għall-perjodu tariffarju 2019 | Emenda propsota għall-perjodu tariffarju 2020 |
---|---|---|
Data ta’ referenza għall-fatturi li jaffettwaw it-tariffi għall-entitajiet stabbiliti qabel l-1 ta' Jannar tal-perjodu tat-tariffa | 31 ta' Diċembru 2018 | 31 ta' Diċembru 2019 |
Data tal-għeluq għan-nomina ta’ debitur tariffarju (għall-gruppi bankarji biss) | 1 ta' Lulju 2019 | 30 ta' Settembru 2020 |
Data tal-għeluq biex jintbagħtu dettalji ta’ kuntatt tad-debitur tariffarju | 1 ta' Lulju 2019 | Kull meta sseħħ bidla |
Skadenza għas-sottomissjoni ta’ fatturi tariffarji/Data tal-għeluq għall-użu mill-ġdid ta’ dejta superviżorja | 1 ta' Lulju 2019 | Tiġi stabbilita fid-Deċiżjoni tal-BĊE emendata |
Pubblikazzjoni tat-tariffa superviżorja annwali totali | 30 ta' April 2019 | Tmiem ta’ Marzu 2020 għall-estimi u l-aħħar ta' Marzu 2021 għall-infiq attwali |
Ħruġ tal-avviż tariffarju | Ottubru 2019 | Ġunju 2021 |
Data tal-għeluq għall-ħlas | Novembru 2019 | Lulju 2021 |
Kif se jiġu stabbiliti t-tariffi superviżorji għall-2019?
It-tariffi superviżorji annwali għall-2019 se jiġu kalkulati skont il-metodoloġija attwali stabbilita fir-Regolament dwar it-tariffi superviżorji. Tagħrif ieħor fuq iż-żmien stabbilit, skadenzi rilevanti u informazzjoni prattika jinsabu fit-Taqsima tat-tariffi superviżorji fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
X'jiġri fis-sena ta’ tranżizzjoni 2020? Il-bank tiegħi se jkun suġġett għal tariffa doppja fl-2021?
Peress li l-2020 hija sena tranżitorja, l-ebda tariffi superviżorji ma huma se jiġu fatturati għal dik is-sena sal-2021. It-tariffi għall-ispejjeż attwali inkorsi għall-kompiti ta’ superviżjoni bankarja għas-sena finanzjarja 2020 se jinġabru fl-ewwel nofs tal-2021. Barra minn hekk, sabiex ikun hemm tranżizzjoni minn ġabra ex-ante għal ġabra ex-post tat-tariffi, l-eċċess jew id-defiċit li jirriżulta fil-perjodu 2019 se jinġabar ukoll fl-2021 flimkien mal-ispejjeż attwali għas-sena finanzjarja 2020. Il-BĊE se jipprovdi stima tat-tariffi superviżorji annwali tal-2020 fir-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji li se jiġi ppubblikat f'Marzu 2020.
Dawn il-bidliet ser jaffettwaw l-ammont totali li għandu jiġi impost mill-BĊE?
Le. L-ammont totali impost mill-BĊE huwa bbażat fuq l-ispejjeż inkorsi mill-BĊE fit-tlestija tal-kompiti superviżorji tiegħu u ma jinbidilx bħala riżultat ta’ din ir-reviżjoni. It-tariffi individwali għall-banek li huma indirettament sorveljati mill-BĊE (LSIs) se jkunu affettwati, madankollu, mill-iskont offrut lill-iżgħar minn dawk il-banek.
Dan ifisser li ma hemmx il-bżonn li jiġu kkalkulati mill-ġdid it-tariffi tas-sena ta’ qabel?
Dan ma jistax jiġi eskluż kompletament. Għalkemm huwa mistenni li n-numru ta’ kalkoli mill-ġdid kull sena jitnaqqas bil-fatturazzjoni ex-post, dawn il-kalkoli mill-ġdid jistgħu xorta jsiru minħabba d-differenza inevitabbli fil-ħin bejn il-bidliet li jseħħu (pereżempju bidliet fl-istatus ta' sorveljanza minħabba għaqdiet) u n-notifika ta’ tali bidliet fit-timijiet xierqa.
Liema strumenti legali oħra huma affettwati minn din ir-reviżjoni?
Il-BĊE se jemenda d-Deċiżjoni BĊE/2015/7 tiegħu, b'mod parallel mal-emenda tar-Regolament, sa tmiem l-2019. Id-deċiżjoni tistabbilixxi l-metodoloġija u l-proċeduri fir-rigward tal-ġbir tal-fattur tariffarju u għalhekk ikollha bżonn tiġi emendata bħala riżultat tar-reviżjoni.
Meta eżattament hu mistenni li l-emendi għar-regolament jidħlu fis-seħħ għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali?
Aħna nistennew li l-emenda għar-Regolament tidħol fis-seħħ fl-aħħar tal-2019 u tapplika mill-perjodu tariffarju tal-2020 'il quddiem. Uffiċjalment, tidħol fis-seħħ 20 jum wara li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.