Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

1 Daħla

L-istituzzjonijiet taħt superviżjoni baqgħu reżiljenti matul l-aħħar sena, għalkemm ix-xenarju tar-riskju tas-settur bankarju Ewropew għadu msawwar mill-impatt tal-pandemija tal-koronavirus (COVID-19). L-istituzzjonijiet taħt superviżjoni kienu kapaċi jifilħu għax-xokk ekonomiku negattiv ikkawżat mit-tifqigħa tal-pandemija. Dawn baqgħu, b’mod ġenerali, ikkapitalizzati tajjeb[1] u kapaċi jgħinu lill-unitajiet domestiċi, lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u lill-kumpaniji biex ilaħħqu mal-isfidi li ġabet magħha l-kriżi globali tas-saħħa. It-titjib fil-kundizzjonijiet makroekonomiċi meta mqabbel mas-sitwazzjoni s-sena l-oħra[2] naqqas xi wħud mir-riskji għas-settur bankarju, iżda l-perspettiva ekonomika għadha inċerta, sensittiva għall-evoluzzjoni tal-pandemija u l-ostakli aktar reċenti fil-katina tal-provvista. F’dan l-isfond, u filwaqt li l-miżuri straordinarji ta’ appoġġ għenu fil-prevenzjoni ta’ żieda f’daqqa fil-fallimenti u s-self improduttiv (NPLs), il-kwalità tal-assi tal-banek tibqa’ qasam ta’ tħassib peress li l-impatt sħiħ tal-pandemija jista’ jimmaterjalizza biss fit-terminu medju, wara li l-biċċa l-kbira tal-appoġġ pubbliku ta’ emerġenza jkun ġie rtirat. Barra minn hekk, il-kombinazzjoni ta’ rendimenti reali storikament baxxi u valutazzjonijiet elevati jqajmu tħassib dwar ipprezzar mill-ġdid potenzjali tar-riskju fis-swieq finanzjarji li, jekk jimmaterjalizza, jista’ wkoll ixekkel ir-reżiljenza ġenerali tal-banek. Barra minn hekk, għadd ta’ vulnerabbiltajiet strutturali, inklużi dawk relatati mas-sostenibbiltà tal-mudelli tan-negozju u l-governanza interna tal-banek, ġew aggravati mill-kriżi u jeħtieġu azzjoni effettiva u f’waqtha mill-banek u s-superviżuri. Fl-aħħar nett, jeħtieġ ukoll li s-superviżuri jimmitigaw b’mod proattiv ir-riskji emerġenti u li qed jevolvu, pereżempju fil-qasam tar-riskju relatat mal-klima u dak ambjentali.

F’dan l-isfond, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wettqet valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet ewlenin iffaċċjati mill-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tagħha u b’dan il-mod stabbilixxiet il-prijoritajiet strateġiċi tagħha għat-tliet snin li ġejjin. It-tliet prijoritajiet identifikati għall-2022–2024 għandhom l-għan li jiżguraw li l-banek (1) joħorġu mill-pandemija b’saħħithom, (2) jaħtfu l-opportunità biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali permezz ta’ strateġiji effettivi ta’ diġitalizzazzjoni u governanza msaħħa, u (3) jindirizzaw ir-riskji emerġenti, inklużi r-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali, l-IT u r-riskji ċibernetiċi (ara l-Figura 1). Għal kull prijorità, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE żviluppat sett ta’ objettivi strateġiċi u programmi ta’ ħidma sottostanti, li jkopru t-tliet snin li ġejjin, li għandhom l-għan li jindirizzaw l-aktar vulnerabbiltajiet materjali identifikati matul l-eżerċizzju tar-riskji u l-prijoritajiet ta’ din is-sena (ara t-Taqsima 2.2 għal aktar dettalji).

Figura 1

Prijoritajiet superviżorji għall-2022-2024 l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet identifikati fil-banek

Sors: BĊE.
Noti: Il-figura turi t-tliet prijoritajiet superviżorji u l-vulnerabbiltajiet korrispondenti li għandhom jiġu indirizzati matul is-snin li ġejjin permezz ta’ attivitajiet immirati mis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE. Kull vulnerabbiltà hija assoċjata mal-kategorija ta’ riskju ġenerali tagħha. Attivitajiet superviżorji li jindirizzaw xokkijiet potenzjali għar-rati tal-imgħax/firxiet tal-kreditu u skoperturi għar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti ma għandhomx jitqiesu b’mod iżolat. Dawn se jikkomplementaw u jinfurmaw lil xulxin bil-ħsieb li jindirizzaw tħassib usa’ dwar il-korrezzjoni tas-suq finanzjarju.

Il-proċess tal-identifikazzjoni tar-riskji u tal-iffissar tal-prijoritajiet (magħruf ukoll bħala l-“eżerċizzju tar-riskji u l-prijoritajiet”) huwa mekkaniżmu ċentrali għall-iżvilupp u l-formulazzjoni tal-istrateġija tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE għat-tliet snin li ġejjin. Huwa jappoġġja l-isforz mifrux mal-MSU biex jipprijoritizza u jikkoordina l-attivitajiet superviżorji fuq perjodu ta’ żmien medju. Il-prijoritajiet superviżorji jipprovdu gwida lit-Timijiet Superviżorji Konġunti (JSTs) sabiex jippromwovu kemm l-effettività kif ukoll il-konsistenza fl-ippjanar superviżorju għall-istituzzjonijiet sinifikanti li l-BĊE jissorvelja direttament. Huma jipprovdu wkoll input importanti għall-Proċess ta’ Reviżjoni u Valutazzjoni Superviżorja (SREP), filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-vulnerabbiltajiet u l-isfidi jistgħu jvarjaw minn bank għal ieħor. Barra minn hekk, il-prijoritajiet superviżorji jgħinu lis-superviżuri nazzjonali biex jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom stess għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti b’mod proporzjonat. Komunikazzjoni trasparenti dwar il-prijoritajiet tiċċara wkoll l-aspettattivi superviżorji li l-banek iridu jissodisfaw, ittejjeb l-impatt superviżorju fuq is-settur bankarju, u tgħin biex jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi. Il-prijoritajiet superviżorji jkopru tliet snin, perjodu ta’ żmien li jagħmilha possibbli li jinkiseb progress tajjeb fl-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet rilevanti. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE timmonitorja u tivvaluta b’mod kostanti kemm il-mod kif jevolvu r-riskji u l-vulnerabbiltajiet tal-istituzzjonijiet taħt superviżjoni kif ukoll kemm qed isir progress fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet magħżula. Filwaqt li l-prijoritajiet strateġiċi huma riveduti fuq bażi annwali, dan il-monitoraġġ kontinwu jippermetti li s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE taġġusta b’mod flessibbli l-prijoritajiet tagħha u l-attivitajiet korrispondenti fi żmien qasir meta jkun meħtieġ.

It-taqsimiet li jmiss jipprovdu aktar dettalji dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet tal-2022–2024, il-prijoritajiet korrispondenti u l-programmi ta’ ħidma sottostanti mmirati lejn l-istituzzjonijiet sinifikanti taħt superviżjoni diretta mill-BĊE. Attivitajiet oħra ta’ superviżjoni regolari, mhux imsemmija b’mod espliċitu f’dan id-dokument, se jitwettqu wkoll b’mod parallel u jikkumplimentaw il-ħidma fuq il-prijoritajiet.

2 Prijoritajiet superviżorji u valutazzjoni tar-riskju għall-2022–2024

2.1 Ambjent operattiv għal istituzzjonijiet taħt superviżjoni

Il-prospetti ekonomiċi tjiebu mis-sena l-oħra iżda għad hemm inċertezzi, minħabba d-dipendenza tal-ekonomija fuq l-evoluzzjoni tal-pandemija u l-persistenza tal-konġestjonijiet fil-katina tal-provvista. L-ekonomija taż-żona tal-euro hija pproġettata li tirkupra għal-livelli tagħha ta’ qabel il-pandemija tal-PDG sa minn tmiem l-2021, l-aktar bħala riżultat tal-irkupru robust fid-domanda domestika u esterna xprunata mir-rilassament tal-miżuri ta’ konteniment, żidiet fir-rati ta’ tilqim u politiki fiskali u monetarji ta’ appoġġ.[3] Qawmien mill-ġdid potenzjali tal-pandemija minħabba varjanti tal-virus aktar infettiv u effikaċja mnaqqsa tal-vaċċini, li jeħtieġu l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ miżuri ta’ konteniment, jistgħu jwasslu għal aktar indebolimenti ekonomiċi u jnaqqsu r-ritmu tal-irkupru. Barra minn hekk, nuqqas ta’ provvista aktar persistenti milli mistenni huwa wkoll riskju negattiv potenzjali għall-perspettiva ekonomika.[4]

Iż-żieda sostanzjali fil-livelli tad-dejn f’diversi segmenti tal-ekonomija tista’ tissarraf f’riskji ogħla ta’ solvenza, b’mod partikolari f’setturi ekonomiċi u/jew pajjiżi li ntlaqtu b’mod aktar qawwi mill-pandemija. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG fiż-żona tal-euro żdied aktar mill-aħħar valutazzjoni, u qajjem tħassib dwar x’jiġri jekk ikun hemm żieda f’daqqa fir-rati tal-imgħax.[5] Il-proporzjonijiet tad-dejn privat mal-PDG żdiedu wkoll b’mod sinifikanti matul l-istess perjodu, li min-naħa tiegħu jista’ jisfida l-kapaċità tas-servizz tad-dejn ta’ kumpaniji u unitajiet domestiċi b’dejn għoli. L-irkupru wiesa’ fl-attività ekonomika kkontribwixxa għat-titjib tal-prospetti għas-settur korporattiv, fejn il-profitti qed jirkupraw. Madankollu, ir-riskju ta’ solvenza jista’ jiżdied ladarba l-miżuri ta’ appoġġ jiġu rtirati, b’mod partikolari fis-setturi tal-attività ekonomika li ntlaqtu l-aktar mill-pandemija. Is-settur tal-proprjetà immobbli kummerċjali (CRE) ġie affettwat b’mod partikolari f’dan ir-rigward, u rreġistra tnaqqis kbir fin-numri tat-tranżazzjonijiet u l-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, iż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-proprjetà immobbli residenzjali (RRE) u s-self ipotekarju robust żiedu maż-żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi u s-sovravalutazzjoni stmata tal-prezzijiet tal-RRE, li jikkontribwixxu għall-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet ’il quddiem.[6]

Il-prospettiva ekonomika globali mtejba u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament ta’ appoġġ komplew inaqqsu l-volatilità tas-suq, għalkemm żviluppi kbar fil-prezzijiet tal-assi finanzjarji u t-tfittxija kontinwa għar-rendiment iqajmu tħassib dwar il-valutazzjoni żejda. Valutazzjonijiet elevati f’xi segmenti tas-suq, flimkien mal-vulnerabbiltajiet u l-inċertezza sottostanti li fadal, iħallu lis-swieq esposti għal korrezzjonijiet u diżingranaġġ diżordinat [7]. Is-segment tal-bonds b’rendiment għoli jidher partikolarment vulnerabbli għal ipprezzar mill-ġdid qawwi jekk l-aspettattivi tal-investituri dwar il-prospetti tat-tkabbir jinbidlu f’daqqa jew ir-rati tal-imgħax jiżdiedu f’daqqa waħda.

2.2 Riskji u Prijoritajiet 2022–2024

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE ddefinixxiet il-prijoritajiet superviżorji tagħha billi bbażat ruħha fuq valutazzjoni tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet ewlenin għas-settur bankarju Ewropew. It-tliet prijoritajiet għall-perjodu 2022–2024 huma kollha ugwalment importanti. Dawn għandhom l-għan li jiżguraw li l-banek (1) joħorġu mill-pandemija b’saħħithom, (2) jaħtfu din l-opportunità biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali permezz ta’ strateġiji effettivi ta’ diġitalizzazzjoni u governanza msaħħa, u (3) jindirizzaw ir-riskji emerġenti. Kull prijorità hija assoċjata ma’ sett ta’ objettivi strateġiċi u programmi ta’ ħidma ta’ livell għoli sottostanti li għandhom l-għan li jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet ewlenin identifikati bħala parti mill-eżerċizzju tar-riskji u l-prijoritajiet ta’ din is-sena. It-taqsimiet li jmiss jipprovdu aktar dettalji dwar l-eżitu ta’ din il-valutazzjoni tar-riskju u jiddeskrivu fil-qosor l-attivitajiet superviżorji ppjanati biex jindirizzaw dawn il-vulnerabbiltajiet immirati.

Prijorità 1: Il-banek joħorġu mill-pandemija b’saħħithom

L-indirizzar tal-impatti negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 u l-iżgurar li s-settur bankarju jibqa’ reżiljenti huwa objettiv kruċjali għas-superviżuri. Id-deterjorament possibbli fil-kwalità tal-assi, marbut mal-irtirar progressiv tal-appoġġ tal-politika governattiva u monetarja, u l-korrezzjonijiet potenzjali fil-valutazzjonijiet tas-swieq finanzjarji jitolbu attenzjoni superviżorja biex jiġu indirizzati l-isfidi fuq terminu qasir sa medju għall-banek.

Vulnerabbiltà ewlenija: Nuqqasijiet fl-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju tal-kreditu

Għan strateġiku: L-istituzzjonijiet sorveljati għandhom itejbu l-prattiki tal-ġestjoni tar-riskju tal-kreditu tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-identifikazzjoni f’waqtha, il-kejl li jħares ’il quddiem u l-mitigazzjoni tar-riskji tal-kreditu.

Waħda mill-karatteristiċi uniċi tal-kriżi tal-COVID-19 hija li, fost tnaqqis enormi fil-produzzjoni ekonomika, l-NPLs komplew jonqsu, bis-saħħa tal-miżuri ta’ politika eċċezzjonali li ttieħdu biex jappoġġaw l-ekonomija reali. Dawn l-azzjonijiet mingħajr preċedent ukoll sfukaw l-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarji u sfidaw il-kapaċità tal-banek biex jiġġestixxu b’mod preċiż u proattiv ir-riskju tal-kreditu. Minkejja l-inizjattivi meħuda matul dawn l-aħħar ftit xhur biex jiġi vvalutat u sfidat l-istat ta’ tħejjija tal-banek biex ilaħħqu mad-deterjorament dejjem jiżdied tal-kwalità tal-assi, instab fis-segwitu għall-inizjattiva “Għażiż CEO”[8] li għad hemm nuqqasijiet materjali fl-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju tal-kreditu ta’ diversi banek. L-oqsma ewlenin ta’ tħassib huma relatati mal-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni ta’ mutwatarji f’diffikultà, il-valutazzjoni tal-kollateral u l-adegwatezza tal-prattiki ta’ proviżjonament. Filwaqt li dawn in-nuqqasijiet jistgħu jfixklu r-reżiljenza tal-banek għal tnaqqis potenzjali fil-futur, xi banek diġà bdew jirrilaxxaw dispożizzjonijiet ta’ prekawzjoni. F’dan l-isfond, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tinvolvi ruħha b’mod proattiv ma’ banek li rrappurtaw nuqqasijiet materjali f’wieħed jew aktar mill-oqsma koperti minn din l-inizjattiva u, fejn rilevanti, twettqu reviżjonijiet immirati, spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta’ mudelli interni. Is-superviżuri se jirrevedu u jisfidaw ukoll l-implimentazzjoni mill-banek tal-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-oriġini u l-monitoraġġ tas-self [9], b’enfasi partikolari fuq il-portafolli tal-proprjetà immobbli.

Attivitajiet superviżorji ewlenin ippjanati:

  • Segwitu mill-JSTs dwar nuqqasijiet fil-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu identifikati matul l-eżerċizzju “Għażiż CEO” u spezzjonijiet immirati fuq il-post[10]
  • Reviżjonijiet immirati fil-qasam tal-identifikazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu, kif ukoll id-dimensjonijiet rilevanti tal-qafas ta’ proviżjonament tal-IFRS 9
  • Segwitu mit-JSTs mal-banek affettwati, u investigazzjonijiet mudelli interni mmirati lejn bidliet fil-mudell relatati mal-implimentazzjoni tal-programm ta’ tiswija tal-EBA IRB jew ikkawżati mill-impatt tal-pandemija

Vulnerabbiltà ewlenija: Skoperturi għal setturi vulnerabbli tal-COVID-19, inkluża l-proprjetà immobbli kummerċjali

Għan strateġiku: It-tisħiħ tal-fokus superviżorju fuq l-iskoperturi tal-istituzzjonijiet sorveljati għas-setturi vulnerabbli tal-COVID-19, inkluża l-proprjetà immobbli kummerċjali.

Kumpaniji b’dejn kbir f’setturi ekonomiċi aktar sensittivi għall-impatt tal-pandemija jibqgħu partikolarment vulnerabbli għat-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ appoġġ. Filwaqt li l-irkupru ekonomiku progressiv, il-prospetti pożittivi u d-durata itwal ta’ xi miżuri ta’ appoġġ, bħal garanziji mogħtija minn entitajiet tas-settur pubbliku, inaqqsu r-riskju ta’ żieda qawwija fl-inadempjenzi korporattivi, l-iskoperturi tal-banek għal kumpaniji vulnerabbli jibqgħu suxxettibbli għal deterjorament potenzjali fil-kwalità tal-assi u jeħtieġ li jiġu mmonitorjati u ġestiti b’mod adegwat kif xieraq. Dan huwa rilevanti b’mod speċjali għall-iskoperturi tal-banek għas-suq tas-CRE, li ra tnaqqis fir-ritmu wara bidla fid-domanda kkawżata mill-pandemija. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE għalhekk se ssaħħaħ l-iskrutinju tagħha tal-iskoperturi tal-banek lejn entitajiet korporattivi vulnerabbli għall-COVID-19 u se twettaq reviżjonijiet immirati u spezzjonijiet fuq il-post biex tkejjel u tikkontesta l-ġestjoni tal-banek tal-iskoperturi tas-CRE, inklużi prattiki ta’ valutazzjoni tal-kollateral.

Attivitajiet superviżorji ewlenin ippjanati:

  • Monitoraġġ regolari tal-iskoperturi tal-banek għal setturi vulnerabbli
  • Reviżjonijiet immirati u spezzjonijiet fuq il-post tal-iskoperturi tal-banek għas-CRE

Vulnerabbiltà ewlenija: Skoperturi għal finanzjament ingranat

Għan strateġiku: Jipprevjenu l-akkumulazzjoni ta’ riskji mhux mitigati fil-qasam tal-finanzjament b’ingranaġġ u jrawmu l-aderenza tal-banek mal-aspettattivi superviżorji stabbiliti fil-Gwida relatata tal-BĊE.[11]

It-tfittxija għal rendiment f’ambjent ikkaratterizzat minn xenarju sostnut ta’ rata tal-imgħax baxxa, likwidità abbundanti u miżuri ta’ appoġġ massiv ikkontribwiet għal aktar akkumulazzjoni ta’ riskji fis-suq tas-self ingranat. Il-ħruġ ta’ ingranaġġ globali u Ewropew kompla jiżdied, u l-espansjoni kienet akkumpanjata minn tnaqqis fl-istandards tas-self korrispondenti. Fl-isfond tal-aptit dejjem jiżdied għar-riskju għal tranżazzjonijiet b’ingranaġġ aktar riskjużi rrappurtati minn xi banek kbar taħt superviżjoni, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipprevjeni l-akkumulazzjoni ta’ riskji mhux mitigati f’dan is-segment. L-attivitajiet tas-superviżuri se jinkludu spezzjonijiet immirati fuq il-post immirati biex jiżguraw li l-banek isaħħu l-ġestjoni tar-riskju tagħhom ta’ self ingranat, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-istandards ta’ sottoskrizzjoni, il-ġestjoni tar-riskju ta’ sindikazzjoni, l-aptit għar-riskju u r-rekwiżiti kapitali. Il-banek huma mistennija wkoll li jaderixxu mal-aspettattivi superviżorji stabbiliti fil-Gwida tal-BĊE dwar tranżazzjonijiet ta’ ingranaġġ.

Attivitajiet superviżorji ewlenin ippjanati:

  • Il-JSTs ikomplu jivvalutaw ir-riskji finanzjarji ingranati u jsegwu l-isforzi sinifikanti tal-istituzzjonijiet biex jimplimentaw l-aspettattivi superviżorji deskritti fil-Gwida relatata tal-BĊE
  • Spezzjonijiet immirati fuq il-post

Vulnerabbiltà ewlenija: Sensittivitajiet għal xokkijiet fir-rati tal-imgħax u l-firxiet tal-kreditu

Għan strateġiku: L-istituzzjonijiet taħt superviżjoni għandu jkollhom arranġamenti sodi fis-seħħ biex jimmaniġġjaw l-impatt tax-xokkijiet tar-rati tal-imgħax u tal-firxa tal-kreditu fuq perjodu medju u jaġġustaw l-oqfsa tagħhom ta’ valutazzjoni, mitigazzjoni u monitoraġġ tar-riskju kull meta jkun hemm bżonn.[12]

L-ambjent tar-rata tal-imgħax baxxa, il-miżuri straordinarji ta’ appoġġ għall-politika fiskali u monetarja u t-tfittxija għar-rendiment wasslu għal valutazzjonijiet estiżi f’diversi segmenti tas-suq finanzjarju, xi drabi skonnessi mill-elementi fundamentali ekonomiċi. Din is-sitwazzjoni tista’ taggrava l-probabbiltà ta’ pprezzar mill-ġdid ta’ riskju fis-swieq tal-gvern u tal-bonds korporattivi jew tal-ekwità. Dan huwa sors ta’ tħassib għas-superviżuri, speċjalment meta wieħed iqis is-sensittivitajiet materjali tal-banek lejn uħud mill-fatturi ta’ riskju korrispondenti, speċjalment ir-rati tal-imgħax u l-firxiet tal-kreditu. Għalkemm huwa diffiċli li wieħed ibassar l-avvenimenti li jistgħu jwasslu għal ipprezzar mill-ġdid fundamentali fis-swieq, jibqa’ essenzjali mil-lat superviżorju li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni jkunu lesti li jlaħħqu ma’ tali korrezzjonijiet u b’mod partikolari ma’ xokkijiet potenzjali fir-rati tal-imgħax u fil-firxa tal-kreditu fuq perjodu medju. Il-banek għandu jkollhom fis-seħħ oqfsa sodi ta’ ġestjoni tar-riskju li jindirizzaw il-valutazzjoni, il-mitigazzjoni u l-monitoraġġ ta’ dawn ir-riskji u jieħdu azzjonijiet ta’ rimedju f’waqthom kull meta jiġu identifikati nuqqasijiet. Permezz ta’ involviment regolari tal-JST, reviżjonijiet immirati u spezzjonijiet fuq il-post, mis-sena d-dieħla ’l quddiem, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se ssaħħaħ l-enfasi tagħha fuq li jiġi żgurat li l-banek ikunu mħejjija b’mod adegwat biex jifilħu għal dawn ix-xokkijiet tas-suq.

Attivitajiet superviżorji ewlenin ippjanati:

  • Reviżjonijiet immirata tal-valutazzjoni, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tar-rati tal-imgħax u tal-firxa tal-kreditu tal-banek, kemm fil-kotba tan-negozju kif ukoll f’dawk bankarji
  • Segwitu mill-JSTs dwar il-pjanijiet ta’ azzjoni rimedjali tal-banek kull meta jiġu identifikati nuqqasijiet materjali, u spezzjonijiet immirati fuq il-post

Prijorità 2: Id-dgħufijiet strutturali huma indirizzati permezz ta’ strateġiji effettivi ta’ diġitalizzazzjoni u governanza msaħħa

Biex jappoġġaw ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-mudelli tan-negozju tal-banek, is-superviżuri se jieħdu inizjattivi ffukati biex jinkoraġġixxu lill-banek jindirizzaw nuqqasijiet persistenti kemm fil-qasam tat-trasformazzjoni diġitali kif ukoll fil-kapaċitajiet ta’ tmexxija tal-korpi ta’ ġestjoni tagħhom.

Vulnerabbiltà ewlenija: Nuqqasijiet fl-istrateġiji ta’ trasformazzjoni diġitali tal-banek

Għan strateġiku: L-istituzzjonijiet taħt superviżjoni għandhom iħaddnu trasformazzjoni diġitali soda u jkollhom fis-seħħ arranġamenti adegwati biex jagħmlu l-mudelli tan-negozju tagħhom sostenibbli fit-tul.

L-istituzzjonijiet taħt superviżjoni aċċelleraw l-adozzjoni tagħhom ta’ teknoloġiji biex jegħlbu l-isfidi ppreżentati mill-pandemija u jirrispondu għall-bidliet fil-preferenzi tal-klijenti. Dan jippermettilhom ukoll li jżommu l-pass mal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda applikati għas-settur finanzjarju u l-kompetizzjoni dejjem tikber li tirriżulta min-nattivi diġitali bħall-FinTech u l-BigTech. Barra minn hekk, il-profittabbiltà baxxa kienet karatteristika persistenti ta’ istituzzjonijiet sinifikanti. Fost fatturi oħra, dan għandu għeruq profondi fil-vulnerabbiltajiet strutturali relatati mal-kapaċità żejda u l-ineffiċjenzi tal-kostijiet. Il-proċess ta’ trasformazzjoni diġitali jista’ jkun ukoll lieva biex tittejjeb l-effiċjenza u jiġu offruti toroq ġodda għat-tkabbir fid-dħul. F’dan l-isfond, is-superviżuri se jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex ikejlu u jivvalutaw l-istrateġiji ta’ diġitalizzazzjoni tal-banek biex jiżguraw li jkollhom fis-seħħ arranġamenti adegwati (eż. governanza, riżorsi, ħiliet, ġestjoni tar-riskju, eċċ.) biex jagħmluhom sostenibbli fit-tul. Biex jintlaħaq dan l-objettiv, il-JSTs se jwettqu spezzjonijiet immirati fuq il-post u segwitu speċifiku mal-banek li jirrappurtaw nuqqasijiet materjali f’dan il-qasam.

Attivitajiet superviżorji ewlenin ippjanati:

  • Stħarriġ dwar l-istrateġiji ta’ diġitalizzazzjoni tal-banek
  • Analiżi tal-valutazzjoni komparattiva u segwitu tal-JST mal-banek fejn jiġu identifikati nuqqasijiet materjali fl-istrateġiji ta’ trasformazzjoni diġitali tagħhom
  • Spezzjonijiet immirati fuq il-post f’oqsma fejn jiġu identifikati n-nuqqasijiet ewlenin

Vulnerabbiltà ewlenija: Nuqqasijiet fil-kapaċitajiet ta’ tmexxija tal-korpi ta’ ġestjoni

Għan strateġiku: L-istituzzjonijiet taħt superviżjoni għandhom jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-funzjonament u l-kompożizzjoni tal-korpi maniġerjali.

Arranġamenti ta’ governanza tajba, kontrolli interni robusti u data affidabbli huma essenzjali għat-trawwim ta’ teħid adegwat ta’ deċiżjonijiet u għall-mitigazzjoni tat-teħid ta’ riskji eċċessivi kemm fi żminijiet normali kif ukoll fi żminijiet ta’ kriżi. Minkejja l-progress miksub mill-banek matul dawn l-aħħar ftit snin, is-superviżuri jkomplu jirrappurtaw għadd kbir ta’ sejbiet li jindikaw nuqqasijiet strutturali fil-funzjonijiet ta’ kontroll intern, il-funzjonament tal-korpi maniġerjali jew l-aggregazzjoni tad-data dwar ir-riskju u l-kapaċitajiet ta’ rappurtar. Id-diffikultajiet li l-banek għandhom biex jirrimedjaw dawn in-nuqqasijiet fil-ħin iqajmu tħassib leġittimu dwar l-effettività tal-bordijiet tagħhom u l-kapaċitajiet ta’ tmexxija strateġika tagħhom. Sabiex jiġu indirizzati r-riskji u l-isfidi li jirriżultaw minn xenarju bankarju li qed jevolvi b’mod kostanti, il-banek jeħtieġu pjanijiet ta’ azzjoni rimedjali effettivi u f’waqthom biex jindirizzaw is-sejbiet superviżorji pendenti u jsaħħu l-effettività tal-bordijiet tagħhom. F’dan l-isfond, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se twettaq attivitajiet superviżorji biex tikseb progress f’dan il-qasam, u tindirizza b’mod partikolari l-funzjonament, is-sorveljanza u l-kapaċità diffiċli tal-korpi maniġerjali. Barra minn hekk, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tiffoka fuq l-idoneità kollettiva u d-diversità tal-korpi maniġerjali, li huma muturi ewlenin tal-effettività tagħhom. L-attivitajiet superviżorji ppjanati se jinkludu l-ġbir tad-data, ir-reviżjonijiet immirati tal-banek b’nuqqasijiet fil-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-korpi ta’ ġestjoni tagħhom, spezzjonijiet fuq il-post, u valutazzjonijiet (mill-ġdid) xierqa bbażati fuq ir-riskju.

Attivitajiet superviżorji ewlenin ippjanati:

  • Reviżjonijiet immirati tal-effettività tal-korpi ta’ ġestjoni tal-banek u spezzjonijiet immirati fuq il-post
  • L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika dwar id-diversità u approċċ ibbażat fuq ir-riskju għal valutazzjonijiet tal-kompetenza u l-idoneità

Prijorità 3: Ir-riskji emerġenti jiġu indirizzati

Il-banek qed jiġu sfidati minn għadd ta’ riskji emerġenti u li qed jevolvu li jistgħu jimmaterjalizzaw kemm fuq perjodu qasir kif ukoll fuq perjodu itwal, u huwa essenzjali li s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE timmonitorja s-sitwazzjoni u tfassal u tikkalibra b’mod adegwat ir-rispons superviżorju tagħha. Is-superviżuri bankarji għalhekk se jimmiraw biex jiżguraw li l-vulnerabbiltajiet relatati ma’ tliet temi emerġenti jiġu indirizzati: riskju ambjentali u relatat mal-klima, żieda fir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti lejn istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji aktar riskjużi u inqas trasparenti, u reżiljenza operattiva u tal-IT.

Vulnerabbiltà ewlenija: Espożizzjoni għal riskji relatati mal-klima u mal-ambjent

Għan strateġiku: Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet taħt superviżjoni jinkorporaw b’mod proattiv ir-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali fl-istrateġiji tan-negozju tagħhom u fl-oqfsa ta’ governanza u ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom, sabiex jimmitigaw u jiżvelaw tali riskji u jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji korrispondenti.

L-indirizzar tar-riskji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali se jkun mingħajr dubju waħda mill-isfidi ewlenin għall-banek u s-superviżuri fis-snin li ġejjin. It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju toħloq riskji sinifikanti għall-banek permezz ta’ sett ta’ kanali ta’ trażmissjoni, pereżempju permezz ta’ espożizzjoni għal ditti b’emissjonijiet għoljin ta’ karbonju. Barra minn hekk, sehem sostanzjali tal-iskoperturi tal-banek huma lejn ditti li jinsabu f’żoni li diġà huma esposti ħafna jew li huma dejjem aktar esposti għal perikli fiżiċi.[13] Valutazzjoni riċenti tal-BĊE turi li l-banek għamlu ċertu progress fl-adattament tal-prattiki tagħhom, iżda b’pass kajman wisq.[14] Għal din ir-raġuni, huwa kruċjali li l-banek jiżviluppaw strateġija ta’ mitigazzjoni biex itaffu l-impatti fit-tul tar-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali u jaġġustaw l-istrateġija tan-negozju, il-governanza u l-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom biex jinkorporaw b’mod adegwat dawn ir-riskji.[15] Is-sena d-dieħla s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE għalhekk se twettaq test tal-istress tal-klima, meqjus bħala eżerċizzju ta’ tagħlim kemm għall-banek kif ukoll għas-superviżuri,[16] u reviżjoni tematika biex jiġi vvalutat il-progress tal-banek lejn il-kisba ta’ dan l-objettiv.[17] Is-superviżuri se jwettqu wkoll spezzjonijiet fuq il-post, jinvolvu ruħhom mal-istituzzjonijiet b’nuqqasijiet materjali fil-ġestjoni tagħhom tar-riskju relatat mal-klima u r-riskju ambjentali biex jiżguraw li jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni rimedjali sodi fil-ħin, u jimmonitorjaw il-konformità mar-rekwiżiti regolatorji li ġejjin. Peress li l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet taħt superviżjoni kisbu biss progress limitat lejn l-allinjament tal-prattiki ta’ divulgazzjoni tagħhom mal-aspettattivi superviżorji,[18] is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tkompli timmonitorja l-azzjonijiet ta’ rimedju tal-banek f’dan il-qasam importanti.[19]

Attivitajiet superviżorji ewlenin ippjanati:

  • Test tal-istress tar-riskju klimatiku minn isfel għal fuq u l-iżvilupp tal-aħjar prattiki dwar l-ittestjar tal-istress tal-klima
  • Reviżjoni tematika tal-istrateġiji u l-governanza tal-banek u l-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju
  • Spezzjonijiet fuq il-post
  • Segwitu mill-JSTs dwar il-prattiċi tal-iżvelar tal-banek u l-aderenza mal-aspettattivi superviżorji stabbiliti fil-Gwida relatata tal-BĊE[20]

Vulnerabbiltà ewlenija: Skoperturi għar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, speċjalment fir-rigward ta’ istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji

Għan strateġiku: L-istituzzjonijiet taħt superviżjoni għandu jkollhom fis-seħħ oqfsa sodi ta’ governanza u ta’ ġestjoni tar-riskju biex ilaħħqu maż-żieda fl-iskoperturi għar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti (CCR) li jirriżultaw mis-servizzi tas-suq kapitali.

L-ambjent ta’ rata tal-imgħax baxxa, li min-naħa tiegħu jrawwem strateġiji ta’ tiftix għar-rendiment, ta inċentiv lil xi banek biex iżidu l-volum tas-servizzi tas-suq kapitali li jipprovdu lil kontropartijiet aktar riskjużi u inqas trasparenti, spiss istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji (NBFIs). L-impatti materjali li l-fallimenti reċenti ta’ dawn il-kontropartijiet (eż. il-fondi spekulattivi u l-uffiċċji tal-familja) kellhom fuq xi banek enfasizzaw ir-riskji, li jirriżultaw minn governanza dgħajfa u prattiki ta’ ġestjoni tar-riskju inadegwati, li dawk il-banek involuti ħafna f’dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu esposti għalihom. F’dan l-isfond, is-sena d-dieħla, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se twettaq reviżjonijiet immirati u spezzjonijiet fuq il-post fl-oqsma tal-governanza u l-ħestjoni tas-CCR biex tidentifika kwalunkwe nuqqas rilevanti. Barra minn hekk, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tiffinalizza r-reviżjonijiet ewlenin tagħha ta’ senserija primarja biex tiċċara l-aspettattivi superviżorji f’termini tal-ġestjoni tal-banek tal-iskoperturi NBFI. Matul dawn l-eżerċizzji, il-JSTs se jimpenjaw ruħhom mal-banek li juru nuqqasijiet materjali f’dawn l-oqsma biex jiżguraw li kwalunkwe nuqqas jiġi indirizzat b’mod adegwat u fil-pront.

Attivitajiet superviżorji ewlenin ippjanati:

  • Reviżjonijiet immirati u spezzjonijiet fuq il-post dwar il-governanza tas-CCR u l-ġestjoni tar-riskju
  • Finalizzazzjoni ta’ reviżjonijiet ta’ senserija primarja biex jiġu ċċarati l-aspettattivi superviżorji f’termini ta’ ġestjoni ta’ skoperturi NBFI
  • Segwitu mill-JSTs ma’ banek li juru nuqqasijiet materjali f’dawn l-oqsma

Vulnerabbiltà ewlenija: Nuqqasijiet fl-esternalizzazzjoni tal-IT u r-reżiljenza ċibernetika

Għan strateġiku: Jitrawwmu arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni tal-IT aktar robusti u reżiljenza aħjar kontra t-theddid ċibernetiku f’istituzzjonijiet sorveljati billi progressivament jiġu intensifikati l-attivitajiet superviżorji li jindirizzaw il-prattiki tal-ġestjoni tar-riskju tal-banek f’dawn l-oqsma.

Ġestjoni inadegwata tar-riskji ta’ esternalizzazzjoni tal-IT minn banek taħt superviżjoni flimkien mad-dipendenza dejjem akbar tagħhom fuq fornituri terzi tal-IT (inklużi fornituri ta’ servizzi cloud) iqajmu tħassib li jiġġustifika attenzjoni superviżorja aktar b’saħħitha. Is-superviżuri se jwettqu valutazzjoni tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni tal-banek u jinvolvu ruħhom fi djalogu ma’ dawk li juru nuqqasijiet materjali biex jiżguraw li jimplimentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni rimedjali korrispondenti fil-ħin.

Filwaqt li istituzzjonijiet sinifikanti wrew reżiljenza operattiva b’saħħitha matul il-pandemija, l-għadd ta’ inċidenti ċibernetiċi rrappurtati lill-BĊE, li ħafna minnhom kellhom element ta’ intenzjoni malizzjuża u l-potenzjal li jissarrfu f’telf materjali fil-futur, ilu jiżdied mill-2020.[21] L-aċċellerazzjoni tal-istrateġiji diġitali tal-banek u d-dipendenza dejjem akbar tagħhom fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni jagħmluha essenzjali li tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom kontra t-theddid ċibernetiku. F’dan l-isfond, is-superviżuri gradwalment se jżidu l-enfasi tagħhom fuq il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-reżiljenza ċibernetika tal-banek, u jagħmlu segwitu attiv lill-banek li juru nuqqasijiet materjali f’dan il-qasam.

Attivitajiet superviżorji ewlenin ippjanati:

  • Ġbir ta’ data dwar ir-reġistri ta’ esternalizzazzjoni tal-banek
  • Reviżjonijiet immirati u spezzjonijiet fuq il-post dwar ir-reżiljenza ċibernetika u l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni tal-IT
  • Segwitu mill-JSTs ma’ banek li juru nuqqasijiet materjali f’dawn l-oqsma

© Bank Ċentrali Ewropew. 2021

Indirizz postali 60640 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
Telefon +49 69 1344 0

Websajt www.ecb.europa.eu

Id-drittijiet kollha miżmumin. Ir-riproduzzjoni għal għanijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Għat-terminoloġija speċifka, jekk jogħġbok irreferi għall-glossarju BĊE (disponibbli bl-Ingliż biss).

HTML ISBN , ISSN 2599-8617, doi:10.2866/01234,

  1. Il-banek daħlu fil-pandemija tal-COVID-19 b’pożizzjonijiet kapitali ħafna aktar b’saħħithom bħala riżultat tar-riformi regolatorji li segwew il-kriżi finanzjarja kbira u l-kisbiet tal-ewwel sitt snin ta’ superviżjoni unika fi ħdan l-unjoni bankarja. Ġie ġġenerat spazju kapitali addizzjonali mill-miżuri ta’ salvataġġ stabbiliti mill-BĊE u l-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali.
  2. Ara Superviżjoni Bankarja tal-BĊE – Valutazzjoni tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet għall-2021
  3. Projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE, Settembru 2021.
  4. Stqarrija dwar il-politika monetarja, Konferenza Stampa 8–9 ta’ Settembru 2021.
  5. Financial Stability Review (Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja) tal-BĊE, Novembru 2021.
  6. ibid.
  7. ibid.
  8. Ittra lill-banek dwar l-identifikazzjoni u l-kejl tar-riskju ta’ kreditu fil-kuntest tal-pandemija tal-koronavirus (COVID-19), Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, Diċembru 2020.
  9. Linji gwida dwar l-oriġini u l-monitoraġġ tas-self (EBA/GL/2020/06), Awtorità Bankarja Ewropea, Mejju 2020.
  10. F’dan id-dokument, it-terminu “spezzjonijiet immirati fuq il-post” jirreferi għal spezzjonijiet fuq il-post li jkopru subsett rilevanti ta’ istituzzjonijiet sorveljati biss.
  11. Gwida dwar it-tranżazzjonijiet ingranati il-Bank Ċentrali Ewropew, 2017.
  12. Attivitajiet superviżorji li jindirizzaw xokkijiet potenzjali għar-rati tal-imgħax/firxiet tal-kreditu u skoperturi għar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti ma għandhomx jitqiesu b’mod iżolat. Dawn se jikkomplementaw u jinfurmaw lil xulxin bil-ħsieb li jindirizzaw tħassib usa’ dwar il-korrezzjoni tas-suq finanzjarju.
  13. Financial Stability Review (Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja) tal-BĊE, Mejju 2021.
  14. The state of climate and environmental risk management in the banking sector”, Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, Novembru 2021.
  15. Overcoming the tragedy of the horizon: requiring banks to translate 2050 targets into milestones”, Diskors minn Frank Elderson, Vjenna, 20 ta’ Ottubru 2021.
  16. Komunikazzjoni uffiċjali tal-BĊE lill-banek parteċipanti: “Information on participation in the 2022 ECB Climate Risk Stress Test”, Frankfurt am Main, 18 ta’ Ottubru 2021.
  17. The clock is ticking for banks to manage climate and environmental risks”, Newsletter tal-BĊE dwar is-Superviżjoni Bankarja, Awwissu 2021.
  18. ibid.
  19. “The state of climate and environmental risk management in the banking sector”, Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, Novembru 2021.
  20. Ara “Guide on climate-related and environmental risks”, BĊE, Novembru 2020.
  21. IT and cyber risk: a constant challenge”, Newsletter tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, Awwissu 2021.
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)