Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Il-miżuri ta’ għajnuna għall-pandemija qed joħolqu impriżi żombi?

14 ta’ Diċembru 2020

Il-pandemija tal-koronavirus kienet xokk kbir għall-ekonomija Ewropea, bi tnaqqis bla preċedent fl-attività ekonomika u inċertezza kbira mad-dinja kollha. Id-domanda waqgħet sew domestikament u barra mill-pajjiż, ħafna kumpanniji kellhom jagħlqu b'riżultat tal-lockdown u restrizzjonijiet relatati, u ħafna nies li d-dħul tagħhom jiddependi fuq dawn l-impriżi tilfu l-impjiegi tagħhom.

Dan kollu għamilha diffiċli għal bosta kumpanniji li jibqgħu ħajjin peress li s-sorsi ta’ qligħ tagħhom nixfu. Biex jgħinu lil dawn il-kumpanniji u, b’hekk, biex jipproteġu l-impjiegi u l-ekonomija kollha kemm hi, il-BĊE u l-gvernijiet nazzjonali stabbilixxew miżuri li jappoġġjaw is-self tal-banek lin-negozji. Dan is-self jgħin lil kumpanniji b’saħħithom biex jissieltu din il-kriżi.

Il-kritiċi qajmu l-mistoqsija jekk il-miżuri ta’ għajnuna tagħna jappoġġjawx jew joħolqux ukoll impriżi zombi – kumpanniji li ma jistgħux isostnu n-negozju tagħhom maż-żmien u jinżammu ħajjin artifiċjalment permezz ta’ self. Il-banek qed jisilfu lill-impriżi li ma jkunx jistgħu jħallsuhom lura? U s-self inadempjenti ser jisplodi bħala riżultat? Ħalli nagħtu ħarsa mill-qrib.

Il-banek għandhom josservaw standards sodi dwar is-self anki matul il-kriżi

Ħafna kumpanniji li tilfu s-sorsi tad-dħul tagħhom minħabba l-lockdown kellhom jikkumpensaw għat-telf billi talbu self mill-banek tagħhom. Il-gvernijiet ħolqu sistemi ta’ garanzija pubblika biex jagħmluha aktar faċli għall-banek li jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-kumpanniji affettwati. Grazzi għal dawn il-garanziji l-banek irnexxielhom isellfu aktar milli kieku kienu kapaċi. U bis-saħħa ta’ dan is-self ħafna kumpanniji setgħu jibqgħu joperaw. Imma dan wassal biex il-banek jisilfu lil impriżi żombi?

Ir-regoli li l-banek għandhom dejjem isegwu fis-self tagħhom japplikaw ukoll għal self iggarantit mill-istat: il-banek għandhom dejjem jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-klijenti tagħhom, fi kliem ieħor is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u r-riskju li s-self ma jitħallasx lura. Dan ifisser li l-banek għandhom jagħtu self biss meta jaħsbu li min jissellef ikun jista’ jħallashom lura. Il-garanziji tal-Istat ma jbiddlux din ir-regola u, għalhekk, m'għandhomx iħeġġu lill-banek isellfu lil kumpanniji żombi. Il-BĊE enfasizza ripetutament li l-banek għandhom iżommu standards sodi ta’ self.

Il-banek għandhom kontinwament jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja ta’ dawk li jissellfu

Regola oħra li l-banek għandhom dejjem isegwu hija li jivvalutaw kontinwament ir-riskji assoċjati mas-self li diġà taw. Dan jippermetti lill-banek jidentifikaw meta dawk li jissellfu jgħaddu minn diffikultajiet finanzjarji fi stadju bikri u jsibu soluzzjonijiet xierqa fil-ħin għal klijenti li jkunu altrimenti sodi. Dan jippermetti wkoll lill-banek ipoġġu ammonti suffiċjenti ta’ flus imwarrba kmieni biżżejjed biex jipproteġu lilhom innifishom kontra t-telf mistenni – dan jissejjaħ ibbukkjar ta’ “dispożizzjonijiet għat-telf”.

Ċerti miżuri ta’ għajnuna għamluha diffiċli għall-banek biex jiddeterminaw jekk min jissellef qiegħedx fl-inkwiet. Normalment, l-iktar indikatur ovvju huma l-ħlasijiet li ma jsirux. Matul il-kriżi l-banek f'ħafna pajjiżi taw lil min jissellef waqfiet mill-ħlas lura tas-self, jew fuq inizjattiva tagħhom stess jew taħt moratorju nazzjonali. Il-banek għalhekk ma jistgħux jivvalutaw ir-riskju ta’ min jissellef b’mod mekkaniku u għandhom jiddependu fuq informazzjoni aktar kwalitattiva. Għal dan il-banek iridu jistabbilixxu stima effettiva tar-riskju u sistemi ta’ twissija bikrija.

Biex ditti zombie jiġu żvelati kmieni anki matul il-kriżi, il-BĊE talab lill-banek biex ikollhom kapaċità suffiċjenti biex jissorveljaw is-sitwazzjoni ta’ dawk li jissellfu u s-self tagħhom. Huma għandhom jagħmlu ukoll użu akbar mill-ġudizzju espert fil-valutazzjoni tagħhom. Il-banek għandhom bżonn itejbu l-preparazzjonijiet tagħhom għat-telf mistenni wkoll. Dispożizzjonijiet ta’ telf suffiċjenti għandhom jgħinu biex itaffu ż-żieda f’self li ma jrendix ladarba jiskadu l-waqfiet fil-ħlas.

Il-bafer kapitali huma maħsuba eżattament għal żminijiet ta’ kriżi

F'din il-kriżi l-banek jiffaċċjaw dilemma. Min-naħa waħda għandhom jibqgħu jsellfu jew iżidu s-self tagħhom. Min-naħa l-oħra r-riskji miżjuda jnaqqsu l-kapaċità tal-banek li jsellfu billi jridu jissapportu telf akbar.

Biex jgħin lill-banek jagħmlu l-aħjar li jistgħu, il-BĊE ppermettilhom jagħmlu użu mill-bafers kapitali, tagħhom, fi kliem ieħor il-flus li warrbu għal żminijiet ta’ kriżi. Il-banek jistgħu jużaw il-baffers biex joffru self ġdid jew biex ikopru telf minn dawk eżistenti. Flimkien mal-miżuri ta’ eżenzjoni l-oħra, dan ippermetta lill-banek ikomplu jsellfu minkejja l-livelli ta’ riskju addizzjonali. Ma jfissirx li l-banek tħallew jagħmlu kompromess dwar l-istandards ta’ self tagħhom jew il-ġestjoni tar-riskji.

Is-simulazzjonijiet juru li s-sitwazzjoni ekonomika tkun agħar kieku l-banek ma tħallewx jużaw il-bafer tal-kapital tagħhom. Wara kollox, il-banek jibnu bafers kapitali fi żminijiet tajbin preċiżament sabiex jużawhom fi żminijiet ħżiena.

Għajnuna vitali għall-ekonomija, mhux appoġġ għall-ħajja taż-żombies

Il-miżuri ta’ għajnuna tal-BĊE, il-garanziji pubbliċi u l-waqfiet fil-ħlas għenu biex itaffu x-xokk ġenerali tal-kriżi tal-koronavirus fuq l-ekonomija. Huma pprovdew għajnuna vitali lil kumpanniji altrimenti b’saħħithom li naqqsulhom il-fondi minħabba l-kriżi. Ir-regoli tal-immaniġġjar tar-riskju u l-aspettattivi tal-BĊE li l-banek kellhom isegwu kellhom ukoll jimpedixxu dawn il-miżuri milli jipprovdu appoġġ lill-kumpanniji zombi.

Din l-intenzjoni hija mdaħħla sew fit-tfassil tal-miżuri ta’ għajnuna u s-salvagwardji superviżorji. Iżda minħabba li dawn huma miżuri ġodda u l-volum ta’ self mogħti huwa għoli, xorta jibqa’ r-riskju li s-self lil impriżi li mhumiex vijabbli jiġi injorat. Għalhekk, l-isforzi kkombinati tal-banek, l-awdituri, is-superviżuri u dawk li jfasslu l-politika tagħhom jibqgħu meħtieġa biex iżommu dan ir-riskju taħt kontroll.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)