Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
© Bernd Hartung for ECB

Għaliex il-banek għandhom bżonn tal-kapital?

23 ta’ Mejju 2019 (aġġornat fil-21 ta’ Lulju 2025)

Il-kapital huwa ingredjent ewlieni għal banek siguri u sodi u dan huwa għaliex il-banek jieħdu r-riskji u jistgħu jsofru telf jekk jimmaterjalizzaw ir-riskji. Biex jibqgħu siguri u jipproteġu d-depożiti tan-nies, il-banek għandhom ikunu jistgħu jassorbu dan it-telf u jibqgħu għaddejjin fi żminijiet tajbin u ħżiena. Għalhekk jintuża l-kapital tal-banek.

Iżda bank, kemm għandu jżomm kapital? It-tweġiba qiegħda fir-riskji li jieħu. Ikbar ma jkunu r-riskji, iktar ikollu bżonn kapital. Għalhekk huwa essenzjali li l-banek jivvalutaw kontinwament ir-riskji li huma esposti għalihom u t-telf li jistgħu jġarrbu. Il-valutazzjonijiet tagħhom huma kkontrollati u kkontestati mis-superviżuri bankarji. Is-superviżuri huma responsabbli għall-monitoraġġ tas-saħħa finanzjarja tal-banek, u l-kontroll tal-livelli tal-kapital tagħhom huwa parti importanti minn dan.

X’inhu eżattament il-kapital tal-bank? Kif iżomm lill-banek siguri? U x'inhuma l-livelli ta’ kapital li l-banek għandu jkollhom?

X’inhu l-kapital?

Fi kliem sempliċi, il-kapital huwa l-flus li bank kiseb mill-azzjonisti tiegħu u minn investituri oħrajn u kwalunkwe profitt li għamel u li ma qassamx. Għaldaqstant, jekk bank irid jespandi l-bażi tal-kapital tiegħu, jista’ jagħmel dan pereżempju billi joħroġ iktar ishma jew iżomm il-profitti, aktar milli jqassamhom bħala dividendi lill-azzjonisti.

Inġenerali, kull bank għandu żewġ sorsi ta’ fondi: il-kapital u d-dejn. Id-dejn huwa l-flus li ssellef mis-selliefa tiegħu u li jkollu jħallas lura. Id-dejn jinkludi fost affarijiet oħra depożiti minn klijenti, titoli ta’ dejn maħruġa u self meħud mill-bank.

Fondi minn dawn iż-żewġ sorsi jintużaw mill-bank f'diversi modi, pereżempju biex jagħti self lill-klijenti jew biex jagħmel investimenti oħra. Dan is-self u investimenti oħra huma l-assi tal-bank, flimkien ma’ fondi miżmuma bħala flus kontanti.

Karta tal-bilanċ tal-banek Karta tal-bilanċ tal-banek

Il-kapital, kif iżomm lill-banek siguri?

Il-kapital jaġixxi bħala lqugħ finanzjarju kontra t-telf. Meta, pereżempju, ħafna minn dawk li jissellfu f'daqqa waħda ma jkunux jistgħu jħallsu lura s-self tagħhom, jew xi wħud mill-investimenti tal-bank jaqgħu fil-valur, il-bank jagħmel telf u mingħajr ilqugħ, il-bank jista’ saħansitra jfalli. Madankollu, jekk ikollu bażi kapitali solida, jużaha biex jassorbi t-telf u jkompli jopera u jaqdi lill-klijenti tiegħu.

Karta tal-bilanċ tal-banek

Il-banek, kemm għandhom bżonn kapital?

Fis-superviżjoni bankarja Ewropea, ir-rekwiżiti kapitali għal bank jikkonsistu fi tliet elementi ewlenin:

  • rekwiżiti tal-kapital minimi, magħrufa bħala rekwiżiti tal-Pilastru 1
  • rekwiżiti tal-kapital addizzjonali, magħrufa bħala rekwiżiti tal-Pilastru 2
  • rekwiżiti tal-bafers

L-ewwel nett, il-banek kollha taħt is-superviżjoni bankarja Ewropea għandhom jikkonformaw mal-liġi Ewropea li tistabbilixxi r-rekwiżit kapitali totali minimu (imsejjaħ ir-rekwiżit tal-Pilastru 1) għal 8% tal-assi peżati għar-riskju tal-banek. Iżda x’inhuma assi ppeżati għar-riskju? Dawn huma l-assi totali li bank għandu, immultiplikati bil-fatturi ta’ riskju rispettivi tagħhom (piżijiet tar-riskju). Il-fatturi tar-riskju jirriflettu kemm jitqies riskjuż ċertu tip ta’ assi. Inqas ma jkun riskjuż l-ass, iktar ikun baxx l-ammont tal-ass peżat għar-riskju tiegħu u inqas ikollu jżomm kapital il-bank biex ikoprih. Pereżempju, self b'ipoteka li huwa garantit b’garanzija (appartament jew dar) huwa inqas riskjuż - għandu fattur ta’ riskju aktar baxx - minn self mhux garantit. Bħala riżultat, bank jeħtieġ li jkollu inqas kapital biex iżomm self ipotekat bħal dan milli biex ikopri self mhux garantit.

It-tieni, hemm ir-rekwiżit kapitali addizzjonali stabbilit mis-superviżuri (imsejjaħ ir-rekwiżit tal-Pilastru 2). Dan huwa fejn tidħol is-superviżjoni bankarja Ewropea. Is-superviżuri mill-BĊE u mill-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiżi parteċipanti jħarsu lejn banek individwali taż-żona tal-euro fid-dettall u jivvalutaw ir-riskji li kull wieħed minnhom huwa espost għalihom. Dan jagħmluh permezz tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP). Jekk is-superviżuri jikkonkludu li r-riskji tal-bank ma humiex koperti biżżejjed minn rekwiżiti minimi ta’ kapital, huma jitolbuh iżomm kapital addizzjonali.

It-tielet rekwiżit ta’ kapital għall-banek huwa li jkollhom bafers addizzjonali għal skopijiet differenti (għall-konservazzjoni ġenerali tal-kapital u kontra r-riskju sistemiku ċikliku u mhux ċikliku).

Dawn it-tliet elementi, rekwiżiti ta’ kapital minimu u addizzjonali huma lkoll vinkolanti u hemm konsegwenzi legali jekk ma jiġux rispettati. Dawn il-konsegwenzi jiddependu fuq kemm hu serju l-ksur. Is-superviżur jista’, pereżempju, jitlob lill-bank ifassal pjan li juri kif se jikseb lura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti tal-kapital. Jew, jekk il-ksur huwa serju ħafna, il-bank jista’ jitlef il-liċenzja bankarja tiegħu.

Minbarra dawn it-tliet settijiet ta’ rekwiżiti kapitali, is-superviżuri jistennew li l-banek taż-żona tal-euro jirriżervaw ċerti ammonti ta’ kapital għal żminijiet ta’ stress (din tissejjaħ gwida tal-Pilastru 2).

Minbarra l-ammonti mitluba mir-regolaturi u mis-superviżuri, il-banek huma mistennija li jiddeterminaw huma stess kemm għandhom bżonn kapital biex ikunu jistgħu jsegwu b'mod sostenibbli l-mudelli tan-negozju tagħhom.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)

Is-sit web tagħna juża cookies

Aħna nużaw cookies funzjonali biex naħżnu l-preferenzi tal-utent; cookies analitiċi biex intejbu l-prestazzjoni tas-sit web; cookies ta’ partijiet terzi stabbiliti minn servizzi ta' partijiet terzi integrati fil-websajt. Għandek l-għażla li taċċettahom jew li tirrifjutahom. Għal aktar informazzjoni jew biex tirrevedi l-preferenza tiegħek fuq il-cookies u l-logs tas-server li nużaw, nistednuk biex: