Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • INTERVISTA

“Ir-Rekwiżiti Kapitali Għall-Banek Qegħdin Jistabbilizzaw”

Intervista ma’ Andrea Enria, President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, Supervision Newsletter

13 ta' Novembru 2019

Andrea Enria, il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, jgħid li l-banek saru aktar reżiljenti u l-aspettattivi superviżorji qed jistabbilizzaw, imma l-maltempata li jmiss tista’ tkun fil-viċin. Huwa jispjega wkoll dak li jagħmel għaqda ta’ suċċess u għaliex għandna bżonn iktar trasparenza fis-superviżjoni.

Is-superviżjoni bankarja Ewropea tagħlaq ħamsa dan ix-xahar Il-BĊE u s-sistema kollha tas-superviżuri inġenerali kienu pjuttost iebsa fuq il-banek fir-rigward tal-bafers kapitali u l-livelli ta’ self improduttiv. Il-banek huma reżiljenti biżżejjed?

Meta ħames snin ilu bdiet is-superviżjoni bankarja Ewropea, il-banek kienu għadhom qed jissieltu biex jieħdu ħsieb il-wirt tal-kriżi u jsewwu l-karti tal-bilanċ tagħhom. Huma kellhom isaħħu l-pożizzjonijiet kapitali tagħhom; dawn ġew miżjuda minn self improduttiv; huma ffaċċjaw ix-xettiċiżmu fuq l-affidabbiltà tal-mudelli interni tagħhom, u għalhekk il-kalkolu tal-assi ppeżati tagħhom għar-riskju; u kellhom jindirizzaw dgħufijiet fil-governanza tagħhom u fil-proċeduri ta’ kontroll intern. Minn dak iż-żmien ‘l hawn għamilna progress kbir – il-proċess ta’ tiswija wara l-kriżi issa wasal biex jintemm u l-livell ta’ rekwiżiti superviżorji għall-banek stabbilizza kif xieraq.

L-akbar banek tal-Ewropa issa jżommu aktar kapital u kapital aħjar, b’proporzjon medju ta’ CET1 ta’ 14.4 %. Għalhekk, b’mod ġenerali, nistgħu naraw li r-rekwiżiti kapitali u l-bafers qed jillivellaw, filwaqt li s-superviżuri qed iżidu l-attenzjoni tagħhom fuq oqsma ta’ riskju speċifiċi f’banek individwali. Fl-istess ħin, il-livell ta’ self improduttiv qed jonqos b’rata mgħaġġla, minn madwar EUR 1 triljun fl-2014 għal anqas minn EUR 600 biljun illum. Madankollu, l-indikaturi tal-kwalità tal-assi għadhom ma rritornawx lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi u għadna lura meta mqabbla f’ambitu internazzjonali. Imma mexjin fid-direzzjoni t-tajba u l-banek qed jilħqu, u spiss jaqbżu, il-miri li qablu magħhom is-superviżuri.

Sabiex inwieġeb il-mistoqsija oriġinali, ngħid iva, il-banek saru aktar reżiljenti. Imma s-settur bankarju taż-żona tal-euro għadu mxekkel minn profittabbiltà dgħajfa, li qed twassal għal valutazzjonijiet baxxi tas-suq. Dan jirrifletti wkoll il-kapaċità eċċessiva fis-sistema u t-tħassib dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-mudelli tan-negozju. Fiż-żona tal-euro, in-negozju bankarju għadu fil-biċċa l-kbira maqtugħ skont linji nazzjonali, li huwa ta’ xkiel addizzjonali għall-effiċjenza tal-banek. Fl-aħħar nett, għad hemm bżonn ta’ titjib f’termini ta’ governanza interna u kultura ta’ riskju.

X’jista’ jsir biex jitjiebu l-profitti tal-banek?

L-ewwel nett, il-banek għandhom bżonn jiffokaw fuq oqsma fejn jistgħu jagħmlu titjib, jiġifieri żieda fl-effiċjenza fl-ispejjeż, jinvestu fit-teknoloġiji u jfasslu u jimplimentaw strateġiji aħjar. Dan jgħinhom iżidu l-profitabilità tagħhom. Min-naħa tagħna, rridu nżommu l-pressjoni permezz tal-analiżi tal-mudell kummerċjali tagħna, pereżempju. Imma rridu nirrikonoxxu wkoll li hemm impedimenti strutturali fis-swieq li aħna għandna ngħinu biex nirrimedjawhom. Banek b'saħħithom u ta’ profitt se jkunu jistgħu jifilħu aħjar għall-maltempata li jmiss – li s-sħab tagħha diġà nistgħu naraw fuq ix-xefaq.

Is-superviżuri x’se jħarsu aktar mill-qrib meta jeżaminaw il-banek fis-snin li ġejjin?

Żgur li se nkomplu bl-isforzi tagħna biex jissewwew il-karti tal-bilanċ tal-banek. Ser insegwu l-gwida tagħna dwar is-self improduttiv biex ngħinu lill-banek ikomplu jnaqqsu l-istokk ta’ self improduttiv u provvediment aħjar għal dawk futuri. Ser inkomplu wkoll bil-ħidma tagħna biex niżguraw l-adegwatezza tal-mudelli interni, li jintużaw ħafna mill-banek Ewropej. Peress li dawn il-mudelli għandhom rwol kbir fid-determinazzjoni tar-rekwiżiti kapitali, il-banek se jkollhom jirrimedjaw in-nuqqasijiet kollha li sibna fir-reviżjoni mmirata tagħna. Fl-aħħar nett, se nagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-riskju kummerċjali u l-valutazzjoni tal-assi, b’enfasi partikolari fuq strumenti kumplessi li jiddaħħlu fil-kotba b’valur ġust.

Għall-ġejjieni, ser naħdmu biex nillimitaw il-fluss ta’ riskji f’ras il-għajn. Matul dawn l-aħħar ftit xhur ġbarna dejta dwar l-istandards ta’ sottoskrizzjoni tal-kreditu tal-banek. Aħna se nużaw din id-dejta biex nifhmu aktar dwar kif il-banek jagħtu self u biex nidentifikaw riskji f’segmenti differenti ta’ negozju tal-portafolli tas-self tal-banek, sabiex inkunu nistgħu nieħdu azzjoni fejn meħtieġ. Kwistjonijiet oħra li huma ta’ prijorità fuq l-aġenda tagħna huma riskji tal-IT u ċibernetiċi, kwistjonijiet ta’ governanza u ta’ kontroll intern u s-sostenibbiltà ġenerali tal-mudelli ta’ negozju tal-banek.

Hekk kif tnin il-memorja tal-kriżi, se niffaċċjaw pressjoni dejjem akbar biex jiddgħajfu r-rekwiżiti regolatorji u biex titnaqqas il-pressjoni superviżorja fuq il-banek. Għandna niġġieldu bil-qawwa kollha biex nippreservaw il-mudell superviżorju tagħna, li wera li kien effettiv ħafna. Imma nemmen li rridu wkoll immexxu ‘l quddiem aġenda ta’ simplifikazzjoni. Is-superviżuri tal-linja u l-banek it-tnejn jilmentaw li l-mudell tagħna huwa pjuttost ta’ piż u mhux dejjem kapaċi jalloka r-riżorsi b’mod ibbażat fuq ir-riskju. Għandna nagħmlu sforz ġenwin biex innaqqsu l-piż tal-konformità amministrattiva u nadottaw modus operandi aktar flessibbli, sakemm dan jista’ jsir mingħajr ma ssir ħsara lill-objettivi tagħna.

Banek żejda f’partijiet tal-Ewropa u l-ħtieġa għal għaqdiet ġiet diskussa b’mod wiesa’. Inti awtomatikament se teħtieġ lil entitajiet li jingħaqdu biex iżidu l-kapital, kif jemmnu xi wħud? Liema huma l-fatturi deċiżivi għal għaqdiet ta’ suċċess mil-lat superviżorju?

Huwa minnu li hemm kapaċità eċċessiva fis-settur bankarju Ewropew, u dan huwa l-każ issa għal xi żmien. Minflok ma joħorġu mis-suq, ħafna banek dgħajfin ikomplu jkaxkru u jagħmlu pressjoni fuq il-banek l-oħra kollha. B’riżultat ta’ dan, il-banek Ewropej huma inqas profittabbli milli jistgħu jkunu.

Is-settur jeħtieġ li jikkonsolida. Dan jgħin biex jerġa’ jkun hemm effiċjenza u titneħħa ż-żieda fil-kapaċità eċċessiva. Kemm l-għaqdiet nazzjonali kif ukoll il-fużjonijiet transkonfinali jkunu utli, u huwa inutli li jsir dibattitu f’termini astratti x’inhu aktar attraenti. L-għaqdiet nazzjonali x’aktarx jiġġeneraw aktar kisbiet fl-effiċjenza, bis-saħħa tal-eżistenza ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni li jikkoinċidu. Għaqdiet transkonfinali jgħinu biex ikun hemm suq bankarju Ewropew aktar integrat li fih ir-riskji jistgħu jkunu ddiversifikati aħjar u l-iskossi assorbiti aħjar. L-aktar ħaġa importanti hija li r-regoli u l-politiki ma jfixklux l-għażliet tal-banek.

Filwaqt li jien favur il-konsolidazzjoni, bħala superviżur mhuwiex ix-xogħol tiegħi li b’mod attiv nippromwovi — jew niskoraġġixxi — kwalunkwe forma ta’ konsolidazzjoni bankarja. Minflok, aħna s-superviżuri nivvalutaw il-vijabbiltà u s-sostenibbiltà tal-għaqda mil-lat prudenzjali. Għaqda ta’ suċċess tirriżulta f’bank b’mudell ta’ negozju li jipprovdi governanza b’saħħitha, kapital u likwidità suffiċjenti, u l-mezzi biex tiżdied il-profittabbiltà. Nixtieq ineħħi l-perċezzjoni li l-BĊE jeħtieġ livelli ogħla ta’ kapital minn entitajiet li ngħaqdu. Ir-rekwiżiti kapitali u l-bafers jirriflettu l-valutazzjoni superviżorja tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju f’kull ftehim propost u għandhom perspettiva fuq terminu medju. L-objettiv tagħna huwa li nappoġġjaw, aktar milli niskoraġġixxu, ir-ristrutturar effettiv tal-entitajiet li ngħaqdu u li niżguraw li l-mudell tan-negozju li jirriżulta jkun sostenibbli.

Sa mill-ħolqien tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE l-banek esprimew tħassib dwar it-talbiet għal dejta eċċessivi mis-superviżur. X’inhuma l-benefiċċji ta’ dawn il-ġabriet ta’ dejta u x’tista’ tagħmel biex tnaqqas il-piż tar-rappurtar għall-banek?

Aħna konxji mill-piż li għandhom iġorru l-banek f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti ta’ rappurtar. Din hija kwistjoni li ta’ spiss iqajmu l-banek; aħna nisimgħuhom u qed noħduha bis-serjetà.

Naħseb li l-BĊE għamel sforzi serji biex jiżgura approċċ proporzjonat. L-ambitu u l-frekwenza tar-rekwiżiti tar-rappurtar tagħna jvarjaw skont id-daqs u l-livell ta’ riskju tal-bank, kif rifless fil-ġudizzju superviżorju tagħna. U, bħala regola ġenerali, banek iżgħar jirrappurtaw ħafna inqas punti ta’ dejta lil superviżuri milli l-banek il-kbar – medja ta’ 600 punt ta’ data, meta mqabbla ma’ 40,000 għall-ikbar banek. Approvajna aktar simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar għal banek iżgħar u qed isiru aktar sforzi fl-Awtorità Bankarja Ewropea biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ rapportar għal istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi, f’konformità mar-reviżjoni reċenti tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital.

Madankollu, hemm żewġ kwistjonijiet importanti li għad iridu jiġu indirizzati. L-ewwel nett, irrispettivament minn kemm l-approċċ tagħna jista’ jkun proporzjonat, xorta jista’ jiġġenera rekwiżiti li huma ta’ piż eċċessiv meta kkombinati ma’ talbiet ta’ rappurtar minn awtoritajiet oħra – inklużi l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-awtoritajiet makroprudenzjali u l-banek ċentrali. Hemm bżonn ta’ aktar koordinazzjoni. It-tieni nett, il-ġbir ta’ dejta ad hoc jirriżulta minn rappurtar regolari. Dawn l-eżerċizzji huma meħtieġa biex ikopru riskji ġodda jew biex jidħlu aktar fil-fond fil-valutazzjoni tar-riskji eżistenti. Jistgħu jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-ġestjoni tar-riskju tal-banek, peress li dawn jippermettu valutazzjoni komparattiva mal-pari. Madankollu, jeħtieġ li ntejbu l-ippjanar tagħna u l-mod kif nikkomunikaw dawn l-inizjattivi, u neżerċitaw xi dixxiplina. Dan huwa eżattament dak li qed nagħmlu bħalissa.

Tkellimt dwar kif tagħmel il-valutazzjonijiet superviżorji aktar trasparenti. Għaliex dan huwa importanti u sa fejn tista’ tasal mingħajr ma tikser il-kunfidenzjalità superviżorja?

Hemm mill-inqas żewġ raġunijiet għaliex għandna nkunu trasparenti kemm jista’ jkun. L-ewwel nett, l-azzjonijiet tagħna jistgħu jaffettwaw b’mod finanzjarju firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati. Dan sar saħansitra aktar kwistjoni urġenti peress li ngħaddu minn dinja ta’ ħelsien minn diffikultajiet finanzjarji għal waħda ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Jekk bank ifalli, l-investituri u l-kredituri jitilfu l-flus. Dan ifisser li jridu jifhmu r-riskji li qed jieħdu u jeħtieġ li jkollhom biżżejjed informazzjoni xierqa biex jivvalutaw dawk ir-riskji.

It-tieni nett, aħna nsegwu għan pubbliku –settur bankarju sigur u sod – u nagħmlu hekk bħala istituzzjoni indipendenti. Dan ifisser li nagħtu ħafna importanza li nkunu responsabbli lejn il-pubbliku. Dan jeħtieġ ukoll li nkunu trasparenti: irridu nispjegaw bir-reqqa dak li nagħmlu, għalfejn nagħmluh u kif nagħmluh. Il-banek, l-investituri, il-kredituri u l-pubbliku għandhom ikunu kapaċi jifhmu l-prinċipji tagħna, il-politiki tagħna u l-azzjonijiet tagħna.

Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ banek individwali, aħna limitati mill-ħtieġa għall-kunfidenzjalità. Imma nemmen li s-sistema inġenerali tista’ ssir aktar trasparenti. Mill-2021 ’il quddiem, il-banek se jkunu meħtieġa bil-liġi li jiżvelaw ir-rekwiżiti tal-Pilastru 2 tagħhom, jew P2R fil-qosor. Bħalissa, madwar 70% tal-banek li qed nissorveljaw diġà qed jissorveljaw din l-informazzjoni. Għalhekk ma aħniex daqshekk ‘il bogħod, iżda għad hemm differenzi li ma jistgħux jiġu ġġustifikati f’ġurisdizzjoni waħda. Nittama li nkunu nistgħu nikkonvinċu aktar banek biex jiżvelaw il-P2R tagħhom fi tmiem iċ-ċiklu superviżorju attwali fl-2020. Biex nipprovdu aktar kuntest, nistgħu wkoll naħsbu dwar l-indikazzjoni liema valutazzjonijiet tar-riskju ffurmaw P2R.

Għal quddiem, għandna naħsbu wkoll dwar il-fatt li nkunu aktar trasparenti dwar il-gwida tal-Pilastru 2 li nagħtu lill-banek. Din hija xi ħaġa li rridu nqisu b’mod serju.

Inti tlabt reviżjoni tat-testijiet tal-istress. X’għandu jinbidel u għaliex?

Mill-kriżi, it-testijiet tal-istress kienu għodda importanti kemm għas-superviżuri kif ukoll għall-banek, imma dawn jenħtieġu li jiġu adattati għad-dinja ta’ wara l-kriżi. Matul il-kriżi, l-għan tat-testijiet tal-istress kien li jkejjel id-daqs tal-ħofor kapitali fil-karti tal-bilanċ tal-banek. Illum, bħala superviżuri qed nużaw primarjament it-testijiet tal-istress biex nidentifikaw il-vulnerabbiltajiet li jistgħu jwasslu għal problemi aktar ma jgħaddi ż-żmien. Imma huma jistgħu jipprovdu wkoll input utli għall-attivitajiet tal-ġestjoni tar-riskji interni tal-banek u żvelar ta’ informazzjoni ta’ ħafna mikrodejta lill-parteċipanti fis-suq. Dawn l-iskopijiet distinti u potenzjalment konfliġġenti wasslu għal dak li issa huwa eżerċizzju pjuttost kumpless u intensiv fl-użu tar-riżorsi. Hemm ukoll dimensjoni tal-“konkors tas-sbuħija” għat-testijiet tal-istress, peress li l-banek jippruvaw juru ruħhom attraenti kemm jista’ jkun għas-swieq – ħafna drabi askapitu tar-realiżmu. Wasal iż-żmien li nerġgħu nfasslu kollox mill-ġdid biex naraw kif nistgħu ntejbu l-affarijiet.

Meta nfasslu mill-ġdid it-testtijiet tal-istress, irridu nistinkaw biex nagħmluhom kemm jista’ jkun rilevanti u realistiċi. Fl-istess ħin, idealment għandna nnaqqsu l-piż kemm għall-banek kif ukoll għas-superviżuri f’termini ta’ riżorsi. Dawn għandhom ikunu l-prinċipji ta’ gwida għat-tfassil mill-ġdid tat-testijiet tal-istress Ewropej.

F’dan l-isfond, waħda mill-għażliet tkun li t-testijiet tal-istress jinqasmu f’żewġ komponenti: perspettiva bankarja u viżjoni superviżorja. Il-fehma tal-bank tkun approċċ minn isfel għal fuq li fil-biċċa l-kbira jkun bla restrizzjoni, b’kull bank iqis iċ-ċirkostanzi individwali tiegħu. Jekk isir kif suppost, dan jagħmel ir-riżultati aktar realistiċi u aktar rilevanti għall-ġestjoni tar-riskju tal-banek. Il-fehma superviżorja tkun approċċ ristrett minn isfel għal fuq, li jiġi kkontestat permezz ta’ mudelli minn fuq għal isfel. Dan għandu jwassal għal aktar konsistenza bejn il-banek, li hija importanti peress li r-riżultati jipprovdu l-bażi għad-determinazzjoni tal-bafers kapitali — il-gwida tal-Pilastru 2. Dawn iż-żewġ fehmiet jistgħu mbagħad jiġu ppubblikati flimkien sabiex is-swieq ikunu jistgħu jiffurmaw il-fehma tagħhom.

Din hija idea waħda biss ta’ kif nistgħu nimxu ‘l quddiem, u jista’ jkun hemm ideat oħra. Ħaġa waħda hija ċerta, madankollu: għandna nibdew niddiskutu dawn l-ideat issa u mhux iktar tard.

Brexit issa ġie pospost għall-31 ta’ Jannar 2020 Ser tagħtu iktar żmien lill-banek biex jilħqu l-aspettattivi superviżorji bi preparazzjoni għal Brexit?

Peress li r-Renju Unit iddeċieda li jitlaq mill-Unjoni Ewropea, aħna ħeġġiġna lill-banek biex jagħmlu l-preparazzjonijiet kollha meħtieġa għall-Brexit: jeħtieġ li jkollhom il-liċenzji kollha meħtieġa biex ikomplu jservu lill-klijenti tagħhom fl-UE u għandhom bżonn jadattaw il-mudelli ta’ negozju tagħhom għas-sitwazzjoni ta’ wara Brexit. B’mod ġenerali, sibna li l-banek, kemm dawk li jirrilokaw fiż-żona tal-euro kif ukoll dawk ibbażati hawnhekk b’operazzjonijiet fir-Renju Unit, kienu ħejjew raġonevolment tajjeb għad-data ta’ Brexit fil-31 ta’ Ottubru.

Minkejja l-estensjoni sal-aħħar ta’ Jannar, l-aspettattivi superviżorji tagħna u l-iskedi ta’ żmien miftiehma qabel biex il-banek jimplimentaw il-pjanijiet Brexit tagħhom jibqgħu l-istess. Aħna nkomplu nħeġġu lill-banek biex jimplimentaw il-mudelli operattivi fil-mira tagħhom, inkluż it-trasferiment tal-assi u tal-persunal u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom tal-immaniġġjar tar-riskju fl-UE. Il-messaġġ tagħna għadu l-istess: l-iskedi ta’ żmien inġenerali baqgħu ma nbiddlux.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)