Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X'inhuma l-kulleġġi superviżorji?

14 ta' Lulju 2016 (aġġornat fit-12 ta' Diċembru 2018)

F'dinja dejjem iżjed globalizzata – bħalma jidher b'mod ċar fil-każ tal-kriżi finanzjarja – hu kruċjali li l-banek li joperaw f'iżjed minn pajjiż wieħed ikunu soġġetti għal superviżjoni bl-iżjed mod effettiv possibbli. Il-kulleġġi superviżorji għandhom rwol importanti f'dan ir-rigward billi jgħinu biex itejbu s-superviżjoni ta' banek transkonfinali.

“Kulleġġ superviżorju” fil-qosor

Essenzjalment, kulleġġ superviżorju hu struttura permanenti, għalkemm flessibbli, li tikkonsisti mis-superviżuri "domestiċi" u "barranin" ta' bank internazzjonali: il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja juża t-terminu b'mod ġenerali ħafna bħala s-sett ta' relazzjonijiet kontinwi bejn dawn is-superviżuri, li jinkludu kull kuntatt, kemm fil-forma ta' telekonferenzi, vidjokonferenzi, ittri, emails, kif ukoll komunikazzjoni permezz ta' siti elettroniċi siguri.

L-għan hu li l-membri tal-kulleġġi jiġu mgħejjuna biex jifhmu aħjar il-profil tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet, u li jingħataw qafas biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin li huma rilevanti mill-perspettiva superviżorja. L-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni b'mod kontinwu huma strumenti essenzjali biex tissaħħaħ is-superviżjoni ta' dawn il-banek.

L-iskambju ta' informazzjoni fil-prattika

Il-miżura tal-interazzjoni bejn il-membri tal-kulleġġi superviżorji tvarja skont il-grupp bankarju partikolari u s-superviżuri konċernati, u jiġi applikat metodu proporzjonali.

Dawn li ġejjin huma xi eżempji ta' informazzjoni li tista' tiġi skambjata bejn il-membri tal-kulleġġ:

  • Valutazzjonijiet superviżorji tar-riskji, ir-riżultati ewlenin tal-proċess superviżorju ta' rieżami kif ukoll l-azzjonijiet superviżorji sinifikanti kollha li jkunu ttieħdu
  • Analiżijiet tal-impatt tal-ambjent operazzjonali fis-swieq/pajjiżi ewlenin fuq il-grupp bankarju u r-riżultati tat-testijiet tal-istress
  • Pjani ta' tħejjija għal kriżijiet
  • Pożizzjonijiet/pjani fir-rigward tal-kapital u l-likwidità
  • Pjani strateġiċi għall-grupp bankarju kollu u għas-sussidjarji tiegħu
  • Informazzjoni dwar fatturi esterni li jistgħu jkunu utli għall-membri tal-kulleġġ, bħal żviluppi regolatorji u informazzjoni makroprudenzjali

Kulleġġi Superviżorji fil-kuntest tal-UE

Fl-Unjoni Ewropea l-kulleġġi superviżorji mhumiex biss strutturi maħsuba għall-promozzjoni ta' kooperazzjoni mill-qrib u għall-iskambju ta' informazzjoni, iżda għandhom ukoll rwol deċiżjonali; pereżempju jieħdu deċiżjonijiet konġunti dwar il-mudell intern ta' istituzzjoni, l-iskopertura tagħha għar-riskji jew il-bażi kapitali tagħha.

Id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD) – parti mill-qafas legali tal-UE għas-superviżjoni bankarja – tiddikjara li l-kulleġġi għandhom jiżguraw programm allinjat ta' ħidma u deċiżjonijiet superviżorji armonizzati. Il-mudelli tal-mapep li fost affarijiet oħra juru d-daqs u n-natura tal-preżenza transkonfinali tal-banek, huma parti essenzjali ta' dan il-proċess. Dawn jiġu komplementati permezz ta' koordinazzjoni bil-miktub u arranġamenti ta' kooperazzjoni li jipprovdu l-bażi għat-twettiq tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-membri tal-kulleġġ ‒ u b'hekk, kompiti u attivitajiet konġunti u teħid ta' deċiżjonijiet konġunti.

Fil-qafas il-ġdid introdott bid-Direttiva li tistabbilixxi Qafas għall-Irkupru u r-Riżoluzzjoni ta' Istituzzjonijiet ta' Kreditu (BRRD), il-kulleġġi għandhom ukoll jevalwaw il-pjani ta' rkupru ta' banek transkonfinali u jaslu għal deċiżjoni konġunta dwar il-valutazzjoni ta' dawn il-pjani.

Strumenti ewlenin għall-implimentazzjoni tal-qafas tal-kulleġġi superviżorji fl-UE huma l-linji gwida żviluppati mill-Awtorità Bankarja Ewropea, kif ukoll ir-regolamenti rilevanti adottati mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-BĊE li hu responsabbli għas-superviżjoni diretta ta' banek sinifikanti taħt is-superviżjoni bankarja Ewropea, jista' jipparteċipa f'kulleġġ superviżorju bħala superviżur domestiku (ta' konsolidament) jew bħala superviżur barrani: fl-ewwel każ jaġixxi bħala president tal-kulleġġ.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)