Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Għaliex il-banek għandhom iżommu l-kapital?

23 Mejju 2019

Il-kapital huwa ingredjent ewlieni għall-banek siguri u sodi u dan huwa għaliex il-banek jieħdu r-riskji u jistgħu jsofru telf jekk jimmaterjalizzaw ir-riskji. Biex jibqgħu siguri u jipproteġu d-depożiti tan-nies, il-banek għandhom ikunu jistgħu jassorbu dan it-telf u jibqgħu għaddejjin fi żminijiet tajbin u ħżiena. Għalhekk jintuża l-kapital tal-banek.

Imma kemm għandu jżomm kapital bank? It-tweġiba qiegħda fir-riskji li jieħu. Ikbar ma jkunu r-riskji, iktar ikollu bżonn kapital. Għalhekk huwa essenzjali li l-banek jivvalutaw kontinwament ir-riskji li huma esposti għalihom u t-telf li jistgħu jġarrbu. Il-valutazzjonijiet tagħhom huma kkontrollati u kkontestati mis-superviżuri bankarji. Is-superviżuri huma responsabbli għall-monitoraġġ tas-saħħa finanzjarja tal-banek, u l-kontroll tal-livelli tal-kapital tagħhom huwa parti importanti minn dan

X’inhu eżattament il-kapital tal-bank? Kif iżomm lill-banek siguri? U x'inhuma l-livelli ta’ kapital li l-banek għandhom iżommu?

X’inhu l-kapital?

Fi kliem sempliċi, il-kapital huwa l-flus li bank kiseb mill-azzjonisti tiegħu u investituri oħra u kwalunkwe profitt li għamel li ma qassamx. Għaldaqstant, jekk bank irid jespandi l-bażi tal-kapital tiegħu, jista’ jagħmel hekk pereżempju billi joħroġ iktar ishma jew iżomm il-profitti, aktar milli jqassamhom bħala dividendi lill-azzjonisti.

Inġenerali, kull bank għandu żewġ sorsi ta’ fondi: il-kapital u d-dejn. Id-dejn huwa l-flus li ssellef mis-selliefa tiegħu u li jkollu jħallas lura. Id-dejn jinkludi fost affarijiet oħra depożiti minn klijenti, titoli ta’ dejn maħruġa u self meħud mill-bank.

Fondi minn dawn iż-żewġ sorsi huma użati mill-bank f'diversi modi, pereżempju biex jagħti self lill-klijenti jew biex jagħmel investimenti oħra. Dan is-self u investimenti oħra huma l-assi tal-bank, flimkien ma’ fondi miżmuma bħala flus kontanti.

Karta tal-bilanċ tal-banek Karta tal-bilanċ tal-banek

Kif il-kapital iżomm lill-banek siguri?

Il-kapitali jaġixxi bħal kuxxin finanzjarju kontra t-telf. Meta, pereżempju, ħafna minn dawk li jissellfu f'daqqa waħda ma jkunux jistgħu jħallsu lura s-self tagħhom, jew xi wħud mill-investimenti tal-bank jaqgħu fil-valur, il-bank jagħmel telf u mingħajr kuxxin tal-kapital jista’ saħansitra jfalli. Madankollu, jekk ikollu bażi kapitali solida, jużaha biex jassorbi t-telf u jkompli jopera u jaqdi lill-klijenti tiegħu.

Karta tal-bilanċ tal-banek Karta tal-bilanċ tal-banek

Kemm għandhom bżonn kapital il-banek?

Fis-superviżjoni bankarja Ewropea, ir-rekwiżiti kapitali għal bank jikkonsistu fi tliet elementi ewlenin:

  • rekwiżiti tal-kapital minimi, magħrufa bħala rekwiżiti tal-Pilastru 1
  • rekwiżit tal-kapital addizzjonali, magħruf bħala rekwiżiti tal-Pilastru 2
  • rekwiżiti tal-bafers

L-ewwel nett, il-banek kollha fis-superviżjoni bankarja Ewropea għandhom jikkonformaw mal-liġi Ewropea li tistabbilixxi r-rekwiżit kapitali totali minimu (imsejjaħ ir-rekwiżit tal-Pilastru 1) għal 8% tal-assi peżati għar-riskju tal-banek. Imma x’inhuma assi ppeżati għar-riskju? Dawn huma l-assi totali li bank għandu, immultiplikat bil-fatturi ta’ riskju rispettivi tagħhom (piżijiet tar-riskju). Il-fatturi tar-riskju jirriflettu kemm jitqies riskjuż ċertu tip ta’ assi. Inqas ma jkun riskjuż assi, iktar ikun baxx l-ammont tal-assi peżat għar-riskju tiegħu u inqas kapital ikollu jżomm bank biex ikoprih. Pereżempju, self b'ipoteka li huwa garantit bil-kollateral (appartament jew dar) huwa inqas riskjuż - għandu fattur ta’ riskju aktar baxx - minn self mhux garantit. Bħala riżultat, bank jeħtieġ li jkollu inqas kapital biex ikopri self ipotekat bħal dan milli biex ikopri self mhux garantit.

It-tieni nett, hemm ir-rekwiżit kapitali addizzjonali stabbilit mis-superviżuri (imsejjaħ ir-rekwiżit tal-Pilastru 2). Dan huwa fejn tidħol is-superviżjoni bankarja Ewropea. Is-superviżuri mill-BĊE u l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiżi parteċipanti jħarsu lejn banek individwali fid-dettall u jivvalutaw ir-riskji li kull wieħed minnhom huwa espost għalih. Dan jagħmluh permezz tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP). Jekk is-superviżuri jikkonkludu li r-riskji tal-bank ma humiex koperti biżżejjed minn rekwiżiti minimi ta’ kapital, huma jitolbuh biex iżomm kapital addizzjonali.

Kemm ir-rekwiżiti kapitali minimi kif ukoll addizzjonali huma vinkolanti u hemm konsegwenzi legali jekk ma jiġux rispettati. Dawn il-konsegwenzi jiddependu fuq kemm hu serju l-ksur. Is-superviżur jista', pereżempju, jitlob lill-bank ifassal pjan li juri kif se jġib lura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti tal-kapital. Jew, jekk il-ksur huwa serju ħafna, il-bank jista’ jitlef il-liċenzja bankarja tiegħu.

It-tielet rekwiżit ta’ kapital għall-banek huwa li għandhom bafers addizzjonali għal skopijiet differenti (għall-konservazzjoni ġenerali tal-kapital u kontra r-riskju sistemiku ċikliku u mhux ċikliku).

Minbarra dawn it-tliet settijiet ta’ rekwiżiti kapitali, is-superviżuri jistennew li l-banek taż-żona tal-euro jirriżervaw ċerti ammonti ta’ kapital għal żminijiet ta’ stress (din tissejjaħ gwida tal-Pilastru 2).

Minbarra l-ammonti mitluba mir-regolaturi u s-superviżuri, il-banek huma mistennija li jiddeterminaw huma stess kemm il-kapital għandhom bżonn biex ikunu jistgħu jsegwu b'mod sostenibbli l-mudelli tan-negozju tagħhom.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)