Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Mistoqsijiet li jsiru sikwit ...

Taqsima 1 — Il-Mekkaniżmu Superviżorju UnikuTaqsima 2 — Kif taħdem is-superviżjoni bankarja EwropeaTaqsima 3 — Akkontabbiltà tal-MSUTaqsima 4 — Protezzjoni tal-konsumatur

Taqsima 1 — Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

X’inhu l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku?

Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) huwa s-sistema ta’ superviżjoni bankarja fl-Ewropa u huwa wieħed mill-pilastri tal-unjoni bankarja. Dan jinkludi l-BĊE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro u ta’ pajjiżi oħra tal-UE li jiddeċiedu li jipparteċipaw.

L-għanijiet ewlenin tal-MSU huma li:

  • jiżgura li s-sistema bankarja Ewropea tkun sigura u b’saħħitha;
  • isaħħaħ l-integrazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja fl-Ewropa.

Għaliex għandna bżonn l-MSU?

Il-kriżijiet finanzjarji wrew kemm jistgħu jinfirxu malajr u bis-saħħa l-problemi fis-settur finanzjarju ta’ pajjiż wieħed, speċjalment f’unjoni monetarja bħaż-żona tal-euro. Imbagħad, dawn il-problemi jistgħu jaffettwaw direttament liċ-ċittadini madwar il-pajjiżi.

L-MSU, bħala mekkaniżmu ta’ superviżjoni komuni Ewropew, jiżgura superviżjoni konsistenti fil-pajjiżi parteċipanti kollha u jgħin biex tinżamm il-fiduċja fis-settur bankarju tal-Ewropa. Il-BĊE jwettaq superviżjoni bankarja Ewropea — flimkien mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali — bħala istituzzjoni indipendenti bl-għarfien espert u bil-ħiliet tekniċi meħtieġa.

Liema pajjiżi jipparteċipaw?

L-għoxrin pajjiż taż-żona tal-euro jipparteċipaw awtomatikament fl-MSU. Il-pajjiżi tal-UE li m’għandhomx l-euro bħala l-munita tagħhom jistgħu jiddeċiedu wkoll li jipparteċipaw permezz ta’ “kooperazzjoni mill-qrib” mal-BĊE, kif inhu l-każ mal-Bulgarija.

Il-BĊE jista’ jikkonkludi memoranda ta’ qbil mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali rilevanti tal-pajjiżi tal-UE li ma jipparteċipawx fl-MSU u ma’ dawk ta’ pajjiżi barra l-UE. Dawn jiddeskrivu kif se jikkooperaw fit-twettiq tal-kompiti superviżorji.

Taqsima 2 — Kif taħdem is-superviżjoni bankarja Ewropea

X’inhu r-rwol eżatt tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE?

Minn Novembru 2014, il-BĊE ilu jissorvelja l-akbar banek tal-Ewropa. Huwa għandu s-setgħa, fost affarijiet oħra, li:

  • jagħti/jirtira l-liċenzji tal-banek kollha fil-pajjiżi parteċipanti;
  • jevalwa kif isir l-akkwist u l-bejgħ ta’ investimenti fil-banek;
  • jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali kollha stabbiliti fir-regoli bankarji tal-UE u jistabbilixxi, fejn meħtieġ, rekwiżiti prudenzjali ogħla għall-banek sabiex tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja.

Kif jaħdem l-MSU?

Il-Bord Superviżorju, bl-għajnuna ta’ Kumitat ta’ Tmexxija, jippjana u jwettaq il-kompiti superviżorji tal-BĊE. Dawn jinkludu li l-Bord jagħmel xogħol ta’ tħejjija u jipproponi abbozzi ta’ deċiżjonijiet lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Jekk il-Kunsill Governattiv, li huwa l-korp deċiżjonali ewlieni tal-BĊE, ma joġġezzjonax għall-abbozzi ta’ deċiżjonijiet proposti mill-Bord Superviżorju, dawn jitqiesu li jkunu ġew adottati. Is-superviżjoni ta’ kuljum tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti ssir mit-Timijiet Superviżorji Konġunti (Joint Supervisory Teams – JSTs).

X’inhuma t-Timijiet Superviżorji Konġunti?

It-Timijiet Superviżorji Konġunti huma wieħed mir-riżultati ewlenin tal-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għal kull bank sinifikanti, ġie ffurmat tim magħmul minn membri tal-persunal tal-BĊE u s-superviżuri nazzjonali involuti fis-superviżjoni ta’ dak il-bank. It-tim huwa kkoordinat mill-BĊE bl-assistenza ta’ kull superviżur nazzjonali.

Il-JSTs iwettqu superviżjoni kontinwa tal-banek sinifikanti. Il-kompiti ewlenin tagħhom huma t-twettiq ta’ analiżi tar-riskju tal-bank taħt superviżjoni u l-proposta tal-programm superviżorju u l-azzjonijiet superviżorji xierqa.

Min jissorvelja l-BĊE?

Superviżjoni diretta

Il-BĊE jissorvelja direttament lil aktar minn 100 bank sinifikanti, li jirrappreżentaw madwar 85 % tal-assi bankarji totali fil-pajjiżi parteċipanti.

Il-banek huma kkunsidrati sinifikanti abbażi ta’:

  • id-daqs tagħhom — banek li għandhom valur totali tal-assi ta’ aktar minn EUR 30 biljun jew li huma wieħed mill-akbar tliet banek f’pajjiż.
  • l-importanza tagħhom għall-ekonomija tal-pajjiż fejn ikunu jinsabu jew għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;
  • is-sinifikat tal-attivitajiet transkonfinali tagħhom;
  • minn jekk ikunx talab jew ħa assistenza finanzjarja diretta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jew mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja.
Ara liema banek huma superviżjonati direttament mill-BĊE

Superviżjoni indiretta

Aktar minn 2000 bank inqas sinifikanti huma ssorveljati direttament mis-superviżur nazzjonali tagħhom, u indirettament taħt is-superviżjoni tal-BĊE. Madankollu, il-BĊE jista’ jiddeċiedi f’kull ħin li jieħu f’idejh is-superviżjoni diretta ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn il-banek sabiex jiżgura li jiġu applikati standards għoljin ta’ superviżjoni b’mod konsistenti.

Taqsima 3 — Akkontabbiltà tal-MSU

Il-BĊE, kif se jinżamm demokratikament responsabbli għall-kompiti ġodda tiegħu?

Hemm fis-seħħ diversi arranġamenti ta’ akkontabbiltà biex iżommu lill-BĊE responsabbli demokratikament għall-azzjonijiet superviżorji tiegħu, inkluż:

  • diskussjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;
  • rekwiżiti ta’ rappurtar fir-rigward tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-superviżjoni bankarja Ewropea;
  • verifika mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;
  • kontroll legali mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-BĊE kif jevita li jkollu kunflitti ta’ interess potenzjali bejn il-kompiti superviżorji u l-kompiti tal-politika monetarja tiegħu?

Is-separazzjoni tal-kompiti tiegħu hija definita fid-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-BĊE jwettaq superviżjoni indipendentement mill-politika monetarja. Il-Bord Superviżorju huwa responsabbli għan-naħa superviżorja tal-attivitajiet tal-BĊE, filwaqt li l-Kunsill Governattiv huwa responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-politika monetarja. L-abbozzi ta’ deċiżjonijiet superviżorji huma proposti mill-Bord Superviżorju u sottomessi għall-adozzjoni lill-Kunsill Governattiv.

Is-separazzjoni organizzazzjonali tal-membri tal-persunal li jagħtu kontribut dirett għall-kompiti tal-politika monetarja sservi biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali.

Kif nista’ nirrapporta ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar is-superviżjoni bankarja?

Int imħeġġeġ/imħeġġa tirrapporta lill-BĊE kull suspett ta’ ksur tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea li għandu x’jaqsam mal-kompiti superviżorji tal-BĊE. Dan ikopri kwalunkwe ksur li allegatament isir mill-banek suġġetti għas-superviżjoni, mis-superviżuri nazzjonali jew mill-BĊE nnifsu. It-tagħrif kollu li jingħata jiġi ttrattat b’mod strettament kunfidenzjali.

Taqsima 4 — Protezzjoni tal-konsumatur

Jekk ikolli lment dwar bank, x’għandi nagħmel?

Il-BĊE jissorvelja banek kbar u sinifikanti fiż-żona tal-euro u f’pajjiżi li jagħżlu li jipparteċipaw fis-superviżjoni bankarja Ewropea. Kompiti bħall-protezzjoni tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus huma barra mill-ambitu tad-dmirijiet tal-BĊE u għalhekk huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali.

Jekk ikollok xi lment dwar il-bank tiegħek, għandek tikkuntattjah direttament jew għandek tindirizza l-ilment tiegħek lill-awtorità responsabbli għall-ħarsien tal-konsumatur f’pajjiżek.

Nista’ nikseb tagħrif speċifiku dwar il-bank tiegħi mill-BĊE?

Le. Minħabba rekwiżiti legali, il-BĊE mhuwiex awtorizzat jgħaddi informazzjoni jew data dwar banek individwali suġġetti għas-superviżjoni.

Jekk jogħġbok ikkuntattja direttament lill-bank tiegħek.

X’jagħmel l-MSU biex flusi jkunu fis-sod?

Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku għandu s-setgħa jitlob lill-banek iżommu aktar flus fir-riżerva bħala lqugħ ta’ sigurtà fil-każ ta’ problemi. L-MSU jista’ jagħti jew jirtira l-liċenzji tal-banek u, f’xi każijiet, jissanzjona l-banek jekk jiksru r-regoli. L-MSU qiegħed hemm biex jgħin lill-banek jimmaniġġjaw bir-reqqa r-riskji interni u esterni sabiex ikunu reżiljenti għax-xokkijiet. Banek stabbli u sodi jżommu flusek sikuri. Fil-pajjiżi tal-UE, l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti ffinanzjati mill-banek jiżguraw ukoll li d-depożiti sa EUR 100,000 jiġu protetti.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet, tista’ tikkuntattjana billi tuża l-formola ta’ talba għal informazzjoni jew iċċempel fuq +49 69 1344 1300.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)