Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Mistoqsijiet komuni fuq it-test tal-istress 2016 fl-UE

1. X’inhu t-test tal-istress 2016 fl-UE?

It-test tal-istress 2016 fl-UE jinkludi 51 bank li jkopru 70% tal-assi bankarji totali fl-Unjoni Ewropea. It-test jitmexxa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li tiżviluppa l-metodoloġija għall-eżerċizzju. L-għan tal-eżerċizzju huwa li jiġi analizzat kif tiżviluppa l-pożizzjoni tal-kapital ta’ bank abbażi tad-dejta ta’ tmiem l-2015 għal perjodu ta’ tliet snin sal-2018, kemm f’sitwazzjoni mistħajla ta’ bażi kif ukoll f’sitwazzjoni mistħajla negattiva.

Il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi s-sitwazzjoni ta’ bażi filwaqt li l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) jipprovdi s-sitwazzjoni negattiva komuni. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE hija responsabbli fiż-żona tal-euro biex tikkoordina l-istruzzjonijiet lill-banek, tirċievi t-tagħrif konsegwenti u twettaq l-assigurazzjoni tal-kwalità, i.e. tivvalida d-dejta u r-riżultati tat-test tal-istress tal-banek.

Mill-51 bank suġġetti għat-test tal-istress tal-ABE, 37 jaqgħu direttament taħt is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE u jkopru 70% tal-assi bankarji fiż-żona tal-euro. Ir-riżultati individwali għall-banek kollha suġġetti għat-test tal-istress tal-ABE, flimkien mal-karti tal-bilanċ dettaljati u d-dejta fuq l-iskoperturi sa tmiem l-2015, se jiġu pubblikati mill-ABE fid-29 ta’ Lulju 2016.

Minbarra dan, il-BĊE jagħmel test tal-istress parallel għal 56 bank ieħor taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, bl-użu tal-istess metodoloġija. Dan huwa eżerċizzju superviżorju intern immexxi mill-BĊE. Għalhekk, ir-riżultati ma jiġux pubblikati mill-BĊE. Madankollu, bank jista’ jagħżel li jippubblika r-riżultati tiegħu, għalkemm dan ma jimplikax l-approvazzjoni tal-BĊE.

Il-banek la “jeħlu” u lanqas “jgħaddu” mit-test. Il-kapital tal-Pilastru 2 ma jistax jiġi komputat b’mod mekkanistiku mir-riżultati tat-test tal-istress, billi dawn huma fattur wieħed, iżda mhux l-uniku, li jiġi kunsidrat. Il-kapital tal-Pilastru 2 jiġi stabbilit fid-deċiżjonijiet SREP iżjed ’il quddiem din is-sena.

2. X’jittestja sewwasew dan l-eżerċizzju?

L-eżerċizzju janalizza kif se tiżviluppa l-pożizzjoni tal-kapital ta’ bank bl-ipotesi ta’ karta tal-bilanċ statika fil-perjodu ta’ tliet snin sal-2018, kemm f’sitwazzjoni mistħajla ta’ bażi kif ukoll f’sitwazzjoni negattiva. Is-sitwazzjoni negattiva tirrifletti l-erba’ riskji sistemiċi li l-BERS qies li jikkostitwixxu l-iżjed theddidiet materjali għall-istabbiltà tas-settur bankarju fl-UE: i) żieda f’daqqa fir-renditi globali tal-bonds li bħalissa huma baxxi, amplifikati mil-likwidità baxxa fis-swieq sekondarji; ii) prospetti dgħajfa ta’ profitabilità għall-banek f’ambjent ta’ tkabbir nominali baxx fost aġġustamenti tal-karti tal-bilanċ inkompleti; iii) żieda fit-tħassib fuq is-sostenibbiltà tad-dejn fis-settur pubbliku u fis-settur privat mhux finanzjarju fost tkabbir nominali baxx; iv) tensjoni prospettiva fis-settur bankarju parallel li qiegħed jikber bil-ħeffa, amplifikata mir-riperkussjonijiet u r-riskju tal-likwidità.

Imqabbla ma’ dik tal-2014, is-sitwazzjoni mistħajla negattiva ta’ din is-sena hija iżjed iebsa billi fiha iktar elementi konservattivi. Barra dan, l-iskossi ddaħħlu mill-ewwel, biex l-impatt negattiv jinħass iżjed kmieni fil-perjodu tat-test tal-istress. Billi t-telf tal-banek isegwi l-istress makroekonomiku wara intervall ta’ żmien, din il-karatteristika tkabbar l-impatt mistenni mis-sitwazzjoni mistħajla. Il-metodoloġija wkoll kompliet tevolvi. L-inklużjoni, għall-ewwel darba, ta’ metodoloġija speċifika għar-riskju operazzjonali u tal-imġiba fit-test tal-istress tal-eżerċizzju 2016 hija eżempju tajjeb ta’ dan.

It-test tal-istress jaħdem fuq perjodu ta’ tliet snin u juża karti tal-bilanċ statiċi. Dan ifisser li, għall-iskop tat-test tal-istress, l-assi u l-obbligazzjonijiet li jimmaturaw matul il-perjodu tat-test jiġu sostitwiti ipotetikament minn strumenti finanzjarji simili f’termini ta’ maturità oriġinali, kwalità tal-kreditu, skopertura ġeografika, eċċ. Hekk, it-taħlita u l-mudell tan-negozju jibqgħu l-istess u l-kontromiżuri li jista’ jieħu bank kontra l-ipotesijiet tal-istress fil-perjodu ta’ tliet snin ma jiġux kunsidrati. Għal din ir-raġuni, il-banek attwalment jistgħu jmorru aħjar fir-realtà milli fis-sitwazzjoni mistħajla negattiva tat-test tal-istress.

Id-dettalji tal-metodoloġija u s-sitwazzjoni mistħajla ta’ bażi kif ukoll dik negattiva jinsabu fis-sit tal-ABE.

3. It-test tal-istress iqis l-impatt tar-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit fuq is-sħubija fl-UE?

Is-sitwazzjoni negattiva hija ħafna iżjed serja mit-tbassir tal-analisti dwar l-impatt negattiv tal-Brexit fuq l-ekonomija. Għalkemm fl-ipotesi m’hemm ebda avveniment uniku bħall-Brexit, it-tbassir għall-prodott domestiku gross (PDG) taż-żona tal-euro fis-sitwazzjoni negattiva huwa iżjed iebes għal kull sena tal-perjodu tat-test tal-istress mill-effett negattiv fuq it-tkabbir tal-PDG previst mill-analisti wara r-riżultat tal-Brexit.

4. Kif jaħseb għas-self inadempjenti (non-performing loans) it-test tal-istress?

It-testijiet tal-istress fl-UE huma eżerċizzji ta’ solvenza li jivverifikaw jekk il-banek ikunux kapaċi jħallsu wara li jġarrbu telf marbut ma’ bidla fil-kundizzjonijiet ekonomiċi. It-test tal-istress 2016 tal-ABE jieħu l-pożizzjoni ta’ bank fil-31 ta’ Diċembru 2015 bħala l-punt ta’ tluq u jirriproduċi l-effetti ta’ sitwazzjonijiet mistħajla differenti definiti mill-Kummissjoni Ewropea u l-BERS billi japplika l-metodoloġija żviluppata mill-ABE. Il-metodoloġija tat-test tal-istress taħseb għall-istokk tas-self inadempjenti, billi l-banek jintalbu jimmudellaw l-impatt tas-sitwazzjoni negattiva fuq l-ammont tas-self inadempjenti. B’mod partikolari, l-eżerċizzju jitfa’ iżjed stress fuq is-self inadempjenti ta’ bank, u dan jirriżulta f’żieda fit-telf mis-self fis-sitwazzjoni negattiva.

5. Jeżisti limitu jekk bank jgħaddix/jeħilx mit-test? X’azzjonijiet superviżorji jittieħdu jekk il-banek ma jissodisfawx id-domanda għall-kapital?

It-test tal-istress mhuwiex eżerċizzju li jkejjel tgħaddix jew teħilx. M’hemmx definizzjoni tar-rati ta’ ostaklu jew ta’ limiti ta’ kapital għall-iskop tal-eżerċizzju. Madankollu, il-konklużjonijiet tat-test tal-istress se jkunu parti mid-djalogu superviżorju kontinwu. Il-BĊE se juża t-test tal-istress bħala element kruċjali tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP) 2016 globali, li jagħlaq iżjed ’il quddiem din is-sena. F’dan ir-rigward, se jintuża wkoll bħala wieħed mill-fatturi fid-domanda superviżorja għall-kapital tal-banek.

Id-domanda superviżorja għall-kapital hija bbażata fuq il-profil tar-riskju individwali ta’ bank. Fil-proċess SREP 2016, għall-ewwel darba se tkun tikkonsisti f’żewġ partijiet: rekwiżiti tal-Pilastru 2 u gwida tal-Pilastru 2. Ir-rekwiżiti tal-Pilastru 2 huma vinkolanti u jekk jinkisru jista’ jkollhom konsegwenzi legali diretti għall-banek. Il-gwida tal-Pilastru 2 mhijiex direttament vinkolanti u jekk ma tiġix sodisfatta ma twassalx awtomatikament għal azzjoni legali. Madankollu, il-BĊE jistenna li l-banek jissodisfaw il-gwida tal-Pilastru 2.

L-istacking order tal-komponenti differenti tal-kapital skont il-gwida tal-ABE hija mfissra fit-Tabella 1. Skont l-istacking order, il-banek li jħabbtu wiċċhom ma’ telf jibdew billi l-ewwel ma jissodisfawx il-gwida tal-Pilastru 2. Fil-każ ta’ iżjed telf, imbagħad jiksru l-bafers kombinati, wara r-rekwiżiti tal-Pilastru 2 u fl-aħħar ir-rekwiżiti tal-Pilastru 1.

Jekk bank ma jissodisfax il-gwida tal-Pilastru 2, is-superviżuri jqisu b’attenzjoni r-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi u jistgħu jiddefinixxu miżuri superviżorji rfinati. Jekk il-provvista tal-kapital ta’ bank tkompli tonqos u l-bafers kombinati jinkisru, jiġu attivati miżuri awtomatiċi li jillimitaw l-ammonti li l-banek jistgħu jqassmu (e.g. dividendi jew bonusijiet). Jekk il-provvista tal-kapital tkompli tiddgħajjef u jinkisru r-rekwiżiti tal-Pilastru 2, dan iġib miegħu sett wiesa’ ta’ azzjonijiet superviżorji addizzjonali.

L-istacking order tal-ammont massimu li jista’ jitqassam (Maximum Distributable Amount – MDA)

Nota: P2R = rekwiżit tal-Pilastru 2, P2G = gwida tal-Pilastru 2

6. Tistenna li d-domanda għall-kapital fis-sistema se tikber bħala medja minħabba l-eżerċizzju tat-test tal-istress?

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE diġà ħabbret is-sena l-oħra li tqis li l-livell attwali tal-kapital fis-sistema bankarja taż-żona tal-euro huwa sodisfaċenti u biħsiebha żżomm id-domanda superviżorja għall-kapital stabbli – jekk kollox jibqa’ l-istess. Ir-riżultati tat-test tal-istress għalhekk mhumiex mistennijin iwasslu għal żieda fil-livell globali tad-domanda għall-kapital fis-sistema. Fid-deċiżjonijiet SREP 2015, id-domanda għall-kapital ġiet definita mir-rekwiżiti tal-Pilastru 1 u tal-Pilastru 2 flimkien mal-bafers kombinati. Minħabba li din is-sena ddaħħal il-komponent ġdid tal-gwida tal-Pilastru 2, ir-rekwiżiti tal-kapital ta’ bank f’termini tar-rekwiżiti tal-Pilastru 1 u l-Pilastru 2 se jonqsu – jekk kollox jibqa’ l-istess. Għalhekk, il-punt ta' skatt tal-ammont massimu li jista’ jitqassam (MDA) se jonqos – jekk kollox jibqa’ l-istess ukoll. Fl-istess ħin, id-domanda globali għall-kapital, inkluża l-gwida tal-Pilastru 2, se tibqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess.

L-MDA huma l-ammont massimu li bank jista’ jqassam, pereżempju għall-bonusijiet jew dividendi. Bank li l-proporzjon tal-kapital tiegħu jinżel taħt il-punt ta’ skatt tal-MDA se jsib ma’ wiċċu restrizzjonijiet fuq l-ammont ta’ qligħ li jista’ jitqassam. Il-gwida tal-Pilastru 2 mhijiex rilevanti għall-punt ta’ skatt tal-MDA (ara Tabella 1).

7. Ir-riżultati tat-test tal-istress kif se jitqiesu bħala fatturi fis-SREP?

Ir-riżultati kwalitattivi tat-test tal-istress se jiġu inkorporati fid-definizzjoni tal-miżuri superviżorji u jista’ jkollhom impatt ukoll fuq ir-rekwiżiti tal-Pilastru 2.

Ir-riżultati kwantittativi tat-test tal-istress, jiġifieri t-tnaqqis fil-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 ta’ Assi Komuni (CET1) li jiffaċċja bank bejn il-punt ta’ tluq fi tmiem l-2015 u l-2018 fis-sitwazzjoni mistħajla negattiva tat-test tal-istress, se jkunu fattur wieħed għall-gwida tal-Pilastru 2.

Meta jiddefinixxi l-gwida tal-Pilastru 2, il-BĊE se juża firxa wiesgħa ta’ tagħrif. Livell referenzjali minnhom se jkun ir-riżultat ta’ bank wara s-sitwazzjoni negattiva b’relazzjoni għall-proporzjon tal-kapital ta’ 5.5% – jew, fil-każ ta’ banek ta’ importanza sistemika globali (G-SIBs), 5.5% + il-bafer G-SIB. Dan ir-riżultat jiġi aġġustat ’il fuq jew ’l isfel, billi jitqiesu fatturi oħra fosthom il-profil tar-riskju speċifiku tal-istituzzjoni individwali u s-sensittività tagħha għas-sitwazzjonijiet ta’ stress; it-tibdil interim fil-profil tar-riskju wara d-data tal-għeluq tat-test tal-istress (31 ta’ Diċembru 2015); il-konsegwenzi tal-ipotesi statika tal-karti tal-bilanċ tat-testijiet tal-istress u l-miżuri li jkun ħa l-bank biex itaffi s-sensittivitajiet għar-riskju, bħall-bejgħ rilevanti ta' assi. Għalhekk, ir-riżultati tat-test tal-istress se jidħlu fil-gwida tal-Pilastru 2 b’mod mhux mekkanistiku.

8. Kif se jitqies il-bafer tal-konservazzjoni tal-kapital fis-SREP 2016?

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE qiegħda tieħu approċċ differenti fil-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP) 2016 fir-rigward tal-bafer tal-konservazzjoni tal-kapital. Dan il-bafer mhux se jibqa’ jiġi inkluż fuq bażi fully-loaded.

Xi Stati Membri (Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u s-Slovakkja) iddeċidew li jimponu l-bafer sħiħ minnufih fuq il-banek tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2016. Stati Membri oħra għażlu li l-bafer kellu jidħol ftit ftit fuq perjodu ta’ erba’ snin. Din id-differenza wasslet lis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE biex tistabbilixxi proporzjon SREP abbażi ta’ bafer fully-loaded għall-istituzzjonijiet taħt superviżjoni diretta bħala parti mis-SREP 2015. Din id-deċiżjoni ġiet riveduta għas-SREP 2016. Il-pajjiżi jistgħu jagħmlu l-għażla tagħhom, jekk iridux japplikaw rekwiżiti tal-kapital iżjed ibsin jew jekk iridux jaġġustaw għall-approċċ gradwali bħal sħabhom. Xi pajjiżi bħall-Portugall diġà bidlu r-regoli tagħhom fuq id-dħul gradwali.

Il-bafer tal-konservazzjoni tal-kapital huwa parti mir-regoli tal-kapital ta’ Basel III u tfassal biex jiżgura li l-banek ikollhom biżżejjed kapital biex jilqgħu għal meta jġarrbu telf. Il-bafer għandu jilħaq 2.5% tal-assi peżati għar-riskju sal-1 ta’ Jannar 2019.

9. Kif jitqabbel it-test tal-istress 2016 ma’ testijiet tal-istress f’ġurisdizzjonijiet oħra?

L-eżerċizzji tat-test tal-istress tal-ABE, tal-Prudential Regulation Authority (PRA) tar-Renju Unit u tal-Comprehensive Capital Analysis and Review (CCAR) tal-Federal Reserve Bank ma jistgħux jitqabblu direttament billi hemm differenzi fil-metodoloġija, fis-sitwazzjonijiet mistħajla u fit-tul ta’ żmien. Apparti d-differenzi, l-impatt globali tat-test tal-istress tal-ABE joqrob lejn l-eżerċizzju PRA 2015. Imqabbel mal-eżerċizzju CCAR 2016, it-test tal-istress tal-ABE huwa iżjed iebes mis-sitwazzjoni mistħajla negattiva tiegħu iżda mhuwiex iebes daqs is-sitwazzjoni negattiva għall-aħħar tal-CCAR.

10. Kif jitqabbel it-test tal-istress tal-ABE 2016 mal-evalwazzjoni komprensiva/test tal-istress 2014 (billi dan tal-aħħar ikkontribwixxa għas-SREP 2015)? Jekk il-proporzjon tal-kapital ta’ bank fit-test tal-istress 2016 huwa iżjed baxx mid-domanda għall-kapital tal-Pilastru 2 fis-SREP 2015, huwa minnu li dan il-bank se jkollu jaħseb għal kapital ġdid?

L-ewwel, it-test tal-istress 2014, bħala parti mill-evalwazzjoni komprensiva, kien eżerċizzju ħafna usa’ minn dak attwali. Fl-2014, 130 bank ħadu sehem fl-evalwazzjoni komprensiva, li kienet magħmula minn analiżi tal-kwalità tal-assi u test tal-istress. Bi tħejjija għal meta r-responsabbiltajiet superviżorji għaddew f’idejn il-BĊE, l-eżerċizzju kellu l-għan li jidentifika l-possibbiltà ta’ nuqqasijiet fil-kapital u jikkonferma jekk xi banek kellhomx bżonn miżuri immedjati ta’ rikapitalizzazzjoni. Billi l-banek taż-żona tal-euro minn dak iż-żmien ’l hawn saru iżjed stabbli u tejbu l-kapitalizzazzjoni globali tagħhom, l-għan tal-eżerċizzju tal-2016 huwa iżjed li jevalwa l-vulnerabbiltajiet li baqa’ u jifhem l-impatt ta’ żviluppi ipotetiċi negattivi tas-swieq fuq il-banek. Għalhekk hemm differenza ġmielha bejn it-test tal-istress li kien parti mill-evalwazzjoni komprensiva tal-2014 u t-test tal-istress 2016.

Barra dan, it-tibdil li għadu kemm sar fl-istruttura tal-Pilastru 2 (il-qasma bejn rekwiżiti u gwida) ifisser li s-SREP 2015 ma jistax jitqabbel direttament mal-konklużjonijiet tat-test tal-istress 2016. Għalhekk, m’għandniex naslu għall-konklużjoni li bank għandu jżid il-kapital minnufih jekk il-proporzjon tal-kapital tiegħu fit-test tal-istress 2016 ikun iżjed baxx mill-kapital tal-Pilastru 2 mitlub fis-SREP 2015.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)