X’inhu self improduttiv (non-performing loans)?

12 ta’ Settembru 2016 (updated 15 March 2018)

Non-performing loans

Wieħed mill-kompiti ewlenin ta’ bank huwa li jipprovdi self biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jinvestu u joħolqu l-impjiegi. Ħafna individwi jgawdu wkoll bis-saħħa tas-self, ngħidu aħna biex jixtru karozza, dar jew xi televixin ġdid. Il-bank imbagħad jaqla’ l-flus mill-imgħax li jdaħħal fuq is-self li joħroġ.

Madankollu, is-self fih ir-riskji tiegħu billi l-bank qatt ma jkun ċert li l-kumpanija jew l-individwu se jroddu flushom fiż-żmien miftiehem. Jekk min jissellef jibqa’ ma jroddx is-self jew l-imgħax wara tul speċifiku ta’ żmien, il-bank irid jikklassifika dak is-self bħala “dejn mitluf” jew “improduttiv”.

Self produttiv jipprovdi lill-bank bi dħul mill-imgħax sabiex jagħmel il-qligħ u joħroġ iżjed self, filwaqt li self improduttiv, b’mod ġenerali, ma jagħmel xejn minn dan.

Meta jsir improduttiv self?

Is-superviżuri Ewropej ġeneralment iqisu self bħala improduttiv meta jkun hemm indikazzjonijiet li min issellef x'aktarx li mhux se jrodd lura dak is-self minħabba diffikultajiet finanzjarji jew meta jaqbżu d-90 jum bla ma min issellef iħallas il-pagamenti miftiehma.  

Pereżempju, dan jista’ jiġri meta wieħed jitlef l-impjieg u għalhekk ma jkunx jista’ jħallas lura l-ipoteka kif miftiehem, jew meta kumpanija ssib ruħha f’diffikultajiet finanzjarji.

Dan sikwit jiġri meta min jissellef iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet finanzjarji li jinbtu għal għarrieda, ngħidu aħna meta individwu jitlef ix-xogħol u għalhekk ma jkunx jista’ jħallas l-ipoteka kif miftiehem, jew meta kumpanija tgħaddi minn diffikultajiet finanzjarji.

Fl-agħar sitwazzjoni, min jissellef assolutament ma jkunx jista’ jrodd is-self u l-bank ikun jeħtieġlu jikkoreġi l-valur tas-self fil-karta tal-bilanċ tiegħu – kultant anki għal żero. F’dan il-każ ngħidu wkoll li s-self “jitħassar”.

Għaliex is-self improduttiv huwa ħażin għal bank u kif tintlaqat is-soċjetà?

Is-self improduttiv huwa fatt tal-ħajja għall-banek, billi sikwit jiġri li n-nies jitilfu x-xogħol jew li l-kumpaniji jkollhom inkwiet finanzjarju. Biex bank jirnexxi fit-tul u jkun jista’ jagħmel il-qligħ mis-self li joħroġ, ikun jeħtieġlu jżomm is-self ħażin fl-inqas livell possibbli.

Meta l-valur tas-self improduttiv jaqbeż ċertu livell, il-profitabilità ta’ bank tbati minħabba li jaqla’ inqas flus min-negozju tiegħu fil-kreditu. Il-banek jeħtiġilhom iwarrbu xi flus, ngħidu aħna billi jagħmlu provediment li jservi ta’ xibka ta’ sigurtà fil-każ li f’xi ħin ikollhom inaqqsu l-valur jew iħassru s-self.

Bit-tnaqqis mid-dħul u bil-flus li jkollu jwarrab biex jagħmel tajjeb għall-agħar sitwazzjonijiet, il-bank ikollu inqas flus għal self ġdid u hekk il-qligħ ikompli jonqoslu.

Bank li jkollu ħafna dejn mitluf ma jistax jipprovdi lill-kumpaniji bil-kreditu li jkollhom bżonn biex jinvestu u joħolqu l-impjiegi. Jekk dan jiġri lil bosta banek fuq skala kbira, tintlaqat l-ekonomija kollha kemm hi u jintlaqtu wkoll il-membri individwali tas-soċjetà. Jekk il-kumpaniji jinvestu inqas u joħolqu inqas impjiegi ġodda, it-tkabbir jonqos.

Kif jista’ bank jevita li jitgħabba b’ħafna self ħażin?

Qabelxejn, il-banek m’għandhomx joħorġu self b’riskji żejda u għandhom jivvalutaw kif jixraq l-affidabbiltà kreditizja tas-selliefa. Huwa importanti wkoll li l-bank ikollu sistema ta’ monitoraġġ tajba biex ikun jista’ jidentifika mill-ewwel dawk is-selliefa li jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet finanzjarji u jilqgħalhom minn qabel.

F’xi każijiet, il-parir finanzjarju ta’ bank lill-klijent tiegħu jkun biżżejjed biex is-self ma jsirx improduttiv.

X’jista’ jagħmel bank?

Bank għandu firxa ta’ għażliet li jistgħu jgħinuh inaqqas il-livell ta’ self ħażin mill-kotba tiegħu. Għażla minnhom hija li jinnegozja mill-ġdid it-termini tal-kuntratti ta’ self mas-selliefa. Ngħidu aħna, bank jista’ jagħti iżjed żmien lis-selliefa biex iroddu s-self.

Hekk, xi ħadd li jkun tilef xogħlu jew negozju li għal xi żmien ikollu problemi finanzjarji jieħu ftit tan-nifs biex ikampa finanzjarjament u jrodd is-self.

Bank jista’ wkoll jiddeċiedi li jbigħ is-self ħażin tiegħu lil investituri, li normalment jitolbu skont fuq il-valur. Il-bank jista’ jitlef minn tranżazzjoni bħal din iżda, min-naħa l-oħra, jekk is-self jitħassar għalkollox, it-telf ikun akbar.

Jekk tibqa’ ma tinstabx soluzzjoni, ngħidu aħna minħabba li s-sellief ma jkollux biex iħallas, il-bank jista’ jieħu passi legali biex jipprova jirkupra għall-inqas parti minn flusu.

X’jista’ jagħmel is-superviżur?

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-ħidma superviżorja tal-BĊE hija li tissorvelja s-self improduttiv fi ħdan is-sistema bankarja Ewropea. F’dan l-indirizz https://www.bankingsupervision.europa.eu/banking/priorities/npl/html/index.en.html issib aktar tagħrif dwar x’għamel il-BĊE f’dan il-qasam.