X’inhuma “istituzzjonijiet inqas sinifikanti prijoritarji”?

24 ta’ Marzu 2016 (aġġornat fit-12 ta' Diċembru 2018)

Ir-Regolament Qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) jgħid: “Il-BĊE għandu jiddefinixxi l-kriterji ġenerali, b’mod partikolari billi jqis is-sitwazzjoni tar-riskju u l-impatt potenzjali fuq is-sistema finanzjarja domestika tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni kkonċernata, sabiex jiddetermina għal liema entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni għandha tiġi nnotifikata dik l-informazzjoni.” F’dan ir-rigward, ġiet identifikata l-ħtieġa ta’ lista prijoritarja sa minn meta daħal fis-seħħ il-MSU f’Novembru 2014.

Istituzzjonijiet inqas sinifikanti (Less significant institutions – LSIs) jistgħu jitqiesu “prijoritarji” għal bosta raġunijiet. Dawk minnhom li jkunu waslu biex jiġu klassifikati bħala istituzzjonijiet sinifikanti minħabba d-daqs jitqiesu de facto “prijoritarji”. Kull pajjiż għandu jkollu mill-anqas tliet LSIs prijoritarji. Barra dan, jitqiesu wkoll ir-riskju intrinsiku u l-impatt fuq l-ekonomija nazzjonali biex jiġu stabbiliti l-LSIs prijoritarji. Għad-dimensjoni tar-riskju intrinsiku, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jagħmlu evalwazzjoni tar-riskju tal-LSIs fl-ambitu tal-attività superviżorja kontinwa tagħhom u bl-użu tal-metodoloġija komuni tal-MSU. Din l-evalwazzjoni tqis bosta elementi, bħall-mudell tan-negozju, il-governanza interna u l-ġestjoni tar-riskju tal-istituzzjoni, ir-riskji li jkollha għall-kapital u r-riskji għal-likwidità u l-finanzjament. L-evalwazzjoni tal-impatt ta’ istituzzjoni inqas sinifikanti għandha l-għan li tkejjel l-impatt tagħha fuq is-sistema finanzjarja domestika u fuq il-MSU. Għal dan il-għan, ma jitqiesx biss id-daqs tal-istituzzjoni (l-assi totali) iżda anki l-interkonnettività tagħha mal-bqija tas-sistema finanzjarja.