- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-BĊE jiftaħ konsultazzjoni pubblika fuq abbozz ta’ Regolament tal-BĊE dwar id-drittijiet superviżorji
-
Regolament dwar id-drittijiet superviżorji biex jistabbilixxi kif il-BĊE se jirkupra l-ispejjeż tiegħu relatati mas-superviżjoni tas-settur bankarju taż-żona tal-euro
-
In-nefqa marbuta mas-superviżjoni fl-2015 ikkalkulata għal madwar €260 miljun
-
Il-biċċa l-kbira tal-banek li se jkunu sorveljati direttament mill-BĊE se jħallsu bejn €0.7 miljun u €2 miljun fis-sena
-
Il-banek il-kbar se jħallsu bejn wieħed u ieħor €15-il miljun; l-iżgħar se jħallsu madwar €2,000
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippubblika abbozz ta’ Regolament tal-BĊE dwar id-drittijiet superviżorji għall-konsultazzjoni pubblika. Il-BĊE se jieħu f’idejh is-superviżjoni tal-banek fiż-żona tal-euro f’Novembru 2014 bħala parti mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Il-MSU se jagħmel superviżjoni diretta fuq madwar 130 istituzzjoni u jaħdem mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jissorvelja l-banek iż-żgħar.
Il-MSU twaqqaf biex itejjeb is-sigurtà u l-kundizzjoni tajba tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro u biex jerġa’ jdaħħal il-fiduċja fis-settur bankarju permezz ta’ superviżjoni Ewropea li tkun indipendenti u integrata għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro u l-Istati Membri parteċipanti. Għandu l-għan li jsaħħaħ l-istabbiltà u l-integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa u jarmonizza l-prattiki superviżorji għall-benefiċċju tal-banek li jidħlu fis-superviżjoni tiegħu.
L-abbozz ta' regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li bihom il-BĊE se jimponi dritt superviżorju annwali għall-ispejjeż imġarrba fir-rigward tal-kompiti ġodda tiegħu minn Novembru 2014 ’il quddiem.
Jistabbilixxi l-metodoloġija:
-
għall-kalkolu tat-total tal-ammont tad-dritt superviżorju annwali;
-
għall-kalkolu tal-ammont li għandu jħallas kull bank jew grupp bankarju sorveljat;
-
għall-ġbir tad-dritt superviżorju annwali.
Skont ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea li jirregola l-Merkkaniżmu Superviżorju Uniku (ir-Regolament MSU) il-BĊE huwa mitlub jimponi dritt superviżorju annwali fuq il-banek sorveljati direttament u indirettament sabiex jirkupra l-ispejjeż tiegħu relatati mas-superviżjoni, ikkalkulati li jkunu madwar €260 miljun fl-2015.
Analiżi preliminari tal-impatt uriet li fl-2015 id-dritt annwali għal bank sorveljat direttament jista’ jvarja bejn €150,000 u €15-il miljun, bil-biċċa l-kbira jħallsu bejn €0.7 miljun u €2 miljun. Madwar 75% tal-banek iż-żgħar sorveljati indirettament huma mistennija jħallsu bejn €2,000 u €7,000 fis-sena, filwaqt li fuq il-banek il-kbar f’din il-kategorija se jiġi impost ammont ta’ madwar €200,000.
Il-konsultazzjoni pubblika tiftaħ illum għal perjodu ta’ seba’ ġimgħat sal-11 ta’ Lulju 2014.
Id-dokumenti ta’ konsultazzjoni, li jikkonsistu fl-abbozz ta’ Regolament tal-BĊE dwar id-drittijiet superviżorji, rapport spjegattiv u nota bil-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet, jinsabu fit-taqsima “Superviżjoni bankarja” tal-websajt tal-BĊE.
Il-BĊE se jagħmel laqgħa pubblika dwar id-dokumenti ta’ konsultazzjoni fl-24 ta’ Ġunju 2014 fil-bini tiegħu fi Frankfurt am Main. Fil-websajt tal-BĊE se jkun hemm webcast tal-laqgħa pubblika. Tagħrif dwar kif tirreġstra għal-laqgħa pubblika u dwar kif tibgħat il-kummenti fuq id-dokumenti ta’ konsultazzjoni jinsab ukoll fit-taqsima “Superviżjoni bankarja” tal-websajt.
Wara l-konsultazzjoni pubblika, il-BĊE se jxandar il-kummenti li jkun irċieva flimkien ma’ evalwazzjoni u sommarju tat-tweġibiet. Ir-Regolament tal-BĊE dwar id-drittijiet superviżorji se jidħol fis-seħħ qabel ma l-BĊE jieħu f’idejh il-kompiti superviżorji tiegħu fl-4 ta’ Novembru 2014.
Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jikkuntattja lil Rolf Benders, tel. +49 69 1344 6925 jew lil Ronan Sheridan, tel.: +49 69 1344 7416
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja