Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

“Aħna ppreparati aħjar għall-maltempata li jmiss”

Intervista ma’ Danièle Nouy, President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, Supervision Newsletter, tal-14 ta’ Novembru 2018

Danièle Nouy, li ttemm it-terminu ta’ ħames snin tagħha bħala President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE fl-aħħar tas-sena, tgħid li s-superviżjoni bankarja Ewropea hija ppreparata aħjar biex tiffaċċja l-kriżi li jmiss u l-banek saru aktar reżiljenti mill-kollass ta’ Lehman. Madankollu hija xorta tħeġġeġ lill-Ewropa tagħmel aktar għall-unjoni bankarja u s-settur bankarju għall-konsolidazzjoni u l-profittabilità.

Għaxar snin wara Lehman, ħames snin bħala kap tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, erba’ snin wara l-ħolqien tal-Mekkaniżmu ta' Sorveljanza Uniku (MSU). Fejn qegħdin fir-rigward ta’ banek aħjar u aktar siguri fl-Ewropa?

Ċertament il-banek saru iktar siguri u sodi matul dawn l-aħħar għaxar snin. Għandhom iktar kapital milli qabel il-kriżi, u l-kapital li għandhom huwa ta’ kwalità ogħla. Il-proporzjon tal-kapital CET1 ta’ kampjun kostanti ta' istituzzjonijiet sinifikanti kien laħaq 13.8% fl-aħħar tat-tieni trimestru tal-2018; u dak wara li l-banek kienu "nefqu" parti mill-bafers kapitali tagħhom biex inaddfu l-karti tal-bilanċ tagħhom. Il-banek tejbu wkoll il-finanzjament u s-sitwazzjoni tal-likwidità tagħhom, grazzi għal regoli ġodda bħall-proporzjon ta’ kopertura ta' likwidità u l-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett.

Għalhekk, il-banek huma mgħammra aħjar biex jikkumbattu x-xokkijiet li jistgħu jolqtuhom fil-futur. Uħud minnhom għad għandhom problemi mill-passat, imma qegħdin jagħmlu progress. Self mhux produttiv naqas minn madwar 30% matul l-aħħar erba’ snin, minn madwar €1 triljun fl-2014 għal €680 biljun.

Dan kollu għamel lis-settur bankarju iktar reżiljenti. Imma rridu nkomplu fl-isforzi tagħna biex niżguraw li l-banek ma jkollhomx jiffaċċjaw il-kriżi li jmiss filwaqt li għadhom iġorru l-wirt ta’ dik ta' qabel. Ma jkunx realistiku li wieħed jassumi li mhu qatt ser ikun hemm kriżi oħra, għalhekk għandna nkunu ppreparati. U aħna ppreparati. Ġie stabbilit qafas Ewropew ġdid għall-ġestjoni ta’ kriżijiet u għall-ġestjoni ta' banek li fallew. Dan jippermetti li nindirizzaw kriżijiet potenzjali b'mod effettiv u kkoordinat, f'kooperazzjoni mal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-Kummissjoni Ewropea.

X'taħseb li huma l-ikbar kisbiet tas-superviżjoni Ewropea s'issa u fejn tara li għad għad hemm lok għal titjib?

L-ewwel ħaġa li tiġini f’rasi huwa kemm bnejna malajr is-sistema ta’ superviżjoni bankarja Ewropea. Id-deċiżjoni li titwaqqaf ittieħdet f’Ġunju 2012 u sentejn wara biss kienet qed topera għal kollox. Fi żmien qasir ħafna konna qabbadna nies minn madwar l-Ewropa, fassalna l-metodoloġija ewlenija u waqqafna l-proċessi meħtieġa. Fil-fehma tiegħi, dan kien verament suċċess kbir.

Matul l-aħħar erba’ snin stabbilixxejna sorveljanza ġusta u konsistenti fi ħdan iż-żona tal-euro. B'dan il-mod, aħna kkontribwejna biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti r-riskji fis-settur bankarju. Jien diġà semmejt ix-xogħol tagħna fuq self mhux produttiv u nista’ nżid ħafna aktar affarijiet: ir-reviżjoni mmirata tagħna dwar mudelli interni, il-ħidma tagħna dwar il-governanza u t-testijiet tal-istress tagħna, biex insemmu biss xi ftit.

Naturalment mhux dan biss. Ħloqna kundizzjonijiet ekwi għall-banek, u mhux sempliċiment għaliex napplikaw l-istess standards għoljin ta’ superviżjoni fiż-żona tal-euro kollha. Aħna kkontribwejna wkoll għall-armonizzazzjoni tal-oqfsa legali rilevanti. Madankollu, bħala superviżuri, għandna poteri limitati f’dak il-qasam; huma l-leġislaturi li għandhom armonizzaw iktar ir-regoli. U għad għandhom xogħol x’jagħmlu: Is-superviżjoni bankarja Ewropea għandha bżonn regoli Ewropej.

Kultant is-superviżuri jidhru li huma bejn ħaltejn: jgħidu lill-banek biex isibu modi li jagħmlu l-qligħ, imma li ma jieħdux wisq riskju; biex jikkonsolidaw, imma mhux li jsiru tant kbar li jfallu. X’inhuma l-kunsiderazzjonijiet ewlenin għas-superviżuri meta jħarsu lejn il-banek?

Inġenerali, il-banek jeħtieġu mudelli kummerċjali siguri u sodi biex iservu kumpaniji, impriżi żgħar u ta’ daqs medju u unitajiet domestiċi Ewropej. U dan ifisser mudelli ta’ negozju sostenibbli, għalhekk li jagħmlu l-qligħ. Numru ta’ banek Ewropej ma jaqilgħux l-ispiża tal-kapital tagħhom; dan mhux sostenibbli fuq medda itwal ta’ żmien. Jekk il-banek ma jagħmlux profitti, ma jkunux jistgħu jibnu l-bafers kapitali li jeħtieġu; dan, imbagħad, jista’ jwassalhom biex jieħdu wisq riskju.

Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni ta’ bilanċ. Il-banek għandhom jagħmlu profitt, u l-banek ma jistgħux jagħmlu profitti mingħajr ma jieħdu riskji. Fil-fatt, it-teħid ta’ riskji huwa fin-natura stess tal-banek. L-importanti huwa li l-banek ikunu jistgħu jidentifikaw, jiġġestixxu u jimmitigaw dawk ir-riskji b'mod xieraq. "Riskju żejjed" huwa r-riskju li jaqbeż il-kapaċità tal-bank li jamministrah u jkoprih. Allura dan huwa dak li aħna bħala superviżuri nagħtu kas b’mod partikolari: kif il-bank jiġġestixxi r-riskji tiegħu?

Fir-rigward tal-konsolidazzjoni tas-settur bankarju Ewropew, suq ikbar li bih il-banek ikunu jistgħu jikkonsolidaw lil hinn mill-fruntieri jgħin biex is-settur bankarju jerġa’ lura għal li kien. Fl-istess ħin, suq bankarju transkonfinali b'saħħtu jista’ jgħin biex jiddeċentralizza r-riskji fis-settur bankarju kollu, b'hekk inaqqas iċ-ċans ta' falliment sistemiku. F'dan ir-rigward, ir-regolazzjoni ttejbet ukoll, ovvjament. Il-leġiżlaturi stabbilixxew regoli, inklużi soprataxxi ta’ kapital “gone concern” għal banek sistemiċi, rekwiżiti minimi għal fondi propriji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) u kapaċità totali li tassorbi t-telf (TLAC). Ma dan kollu, issa hemm proċeduri li għandhom jippermettu lill-banek saħansitra kbar biex ifallu b'mod aktar ordnat.

Int enfasizzajt ħafna drabi li l-għan tas-superviżjoni bankarja ma huwiex li "jiġu salvati" l-banek kollha u li dejjem se jkun hemm banek li jfallu. X'inhu l-approċċ tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE stess dwar il-ġestjoni tar-riskju – l-aptit tar-riskju tiegħu, biex ngħidu hekk?

L-għan tagħna huwa suq bankarju reżiljenti u li jiffunzjona sew. U biex suq ikun jista’ jaħdem sew, għandu jkun possibbli l-falliment. Li kieku l-falliment ma kienx theddida, il-kompetizzjoni tispiċċa, id-dinamiżmu tas-swieq jintilef u l-progress jieqaf ħesrem. Politika tal-ebda falliment la hija fattibbli u lanqas ta’ min jixtieqha. Allura, jekk niġu f’estrem, lesti li naċċettaw l-inevitabbli u niddikjaraw bank “qed ifalli jew falla”.

Ma nistgħux u m’aħniex ser nipprevjenu fallimenti ta’ banek jiġri x’jiġri. Dak li nagħmlu, minflok, huwa li jitnaqqas ir-riskju ta’ falliment u jittaffa l-impatt tiegħu. Għal dan il-għan, aħna nissorveljaw il-banek b'mod indipendenti, li jħares 'il quddiem u bbażat fuq ir-riskju. Fl-istess ħin, naħdmu mill-qrib mal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni biex nippreparaw għal fallimenti bankarji potenzjali. Neħtieġu wkoll lill-banek biex ifasslu pjanijiet ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni sinifikanti u raġonevoli.

Banco Popular, Veneto Banca, Banca Popolare di Vicenza… Tikkunsidra dawn bħala fallimenti fis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE? Għaliex ma ġewx identifikati l-problemi tagħhom fil-valutazzjoni komprensiva tal-2014, meta soluzzjoni setgħet kienet irħas?

Mela, dawk il-banek ġew identifikati mill-bidu nett bħala dgħajfa ħafna. Meta ħadna s-superviżjoni f’idejna, aħna eżaminajna bir-reqqa d-dgħufijiet tagħhom, u tlabnihom biex jieħdu miżuri biex isegwu triq sostenibbli. Imma ma ħadux il-miżuri li kienu meħtieġa, jew għamlu ftit wisq, tard wisq. Allura s-sitwazzjoni tagħhom iddeterjorat iktar. B'riżultat ta’ dan, id-dikjarazzjoni tagħhom li fallew jew li x'aktarx ser ifallu kienet, fl-aħħar mill-aħħar, l-uniku riżultat possibbli.

Is-sejħiet għal banek tassew panEwropej qed jikbru bil-qawwi, mhux l-inqas biex tkun ristretta l-influwenza tal-banek ta’ investiment globali. Fil fehma tiegħek, kif jista’ jintlaħaq dan?

Kif għidt, għad hemm numru ta’ banek fl-Ewropa li mhumiex jaqilgħu biżżejjed biex ikopru l-ispiża tal-kapital tagħhom. Dan jista’ jaħdem għal xi żmien, imma mhux għal dejjem – dan sempliċiment mhux sostenibbli. Hemm numru ta’ raġunijiet għal dan in-nuqqas li jkun hemm profitt. Il-kapaċità żejda fl-Ewropa fil-provvista ta’ servizzi bankarji hija waħda minnhom. Xi konsolidazzjoni, fil-livell nazzjonali jew Ewropew, hija għażla waħda biex tittejjeb il-profittabilità.

Bis-saħħa tal-unjoni bankarja, issa hemm iktar opportunitajiet biex jingħaqdu l-banek Il-grupp ta’ msieħba potenzjali kiber. Għalhekk probabbilment ser naraw iktar għaqdiet transkonfini fil-futur. Dan mhux biss jgħin biex is-settur isir aktar sempliċi; dan jgħin ukoll biex tissaħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja Ewropea.

Imma mhijiex ir-responsabbiltà tas-superviżuri li jiddeċiedu liema għaqdiet huma mixtieqa u liema mhumiex. Dak huwa r-rwol tal-bankiera u l-parteċipanti fis-suq. Ir-rwol tagħna, pjuttost, huwa li nikkontestaw l-aspettattivi tal-banek li qed jingħaqdu; biex jiġi żgurat li l-mudell tan-negozju tal-entità l-ġdida ikun ibbażat fuq pedamenti sodi u xenarju kredibbli; u, meta jkun meħtieġ, biex jitwettqu ċerti kundizzjonijiet fl-għoti tal-awtorizzazzjoni. F'dan ir-rigward, il-fatt li l-banek issa huma ssorveljati bl-istess mod fiż-żona kollha tal-euro huwa utli ħafna. Ovvjament, li jkun hemm inqas frammentazzjoni u qafas legali aktar armonizzat jiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta’ gruppi bankarji transkonfinali Ewropej.

F’ħidma fil-qafas ta’ unjoni b’19-il awtorità nazzjonali, kull waħda bl-istorja, l-esperjenza, l-għarfien u l-kompetenza tagħha stess, liema taħseb bħala l-akbar vantaġġi u l-akbar sfidi?

Ovvjament, hemm ħafna sfidi. Dawn ivarjaw min-nuqqas ta’ qafas legali armonizzat sa xogħol b’lingwi u kulturi differenti. Jenħtieġ ħafna impenn u sforz biex tlaqqa’ lis-superviżuri minn 19-il pajjiż u 26 awtorità nazzjonali. Imma huwa affaxxinanti tara kif nies minn madwar l-Ewropa kollha jistgħu jaħdmu flimkien, u kif jistgħu jtejbu s-superviżjoni billi jidentifikaw u jużaw l-aħjar prattiki superviżorji kif ukoll billi jitgħallmu minn xulxin u jippromwovu kultura Ewropea komuni.

Hemm ukoll bosta vantaġġi li naħdmu flimkien b'dan il-mod, u mingħajr dubju l-isforz għandu l-valur tiegħu. Tim Ewropew ta’ superviżuri jista' jikseb ħafna iktar minn wieħed purament nazzjonali. Perspettivi differenti jgħinu lis-superviżuri jsibu soluzzjonijiet aħjar. U jgħinu biex jiġu missielta l-preġudizzji nazzjonali, li ta’ sikwit itellfu superviżjoni tajba. Is-superviżjoni bankarja Ewropea tippermetti l-istess superviżjoni iebsa u ġusta għall-banek kollha madwar iż-żona tal-euro. Fl-aħħar mill-aħħar, aħna aktar b'saħħitna flimkien u kemm il-banek kif ukoll is-superviżuri se jkunu ppreparati aħjar għall-maltempata li jmiss.

X'inhuma l-ingredjenti prinċipali biex fl-aħħar titlesta l-unjoni bankarja? U fl-opinjoni tiegħek, x'jikkostitwixxi unjoni bankarja qawwija għall-Ewropa?

Biex nibda bit-tieni mistoqsija, il-loġika hija pjuttost ċara. Unjoni bankarja b'saħħitha tfisser banek aktar siguri u aktar sodi, li jkunu jistgħu jappoġġjaw b'mod aktar affidabbli lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi Ewropej. Dan huwa kontribut sinjifikanti għal ekonomija b’saħħitha.

Dak hu l-premju, iżda biex taħsad dawn il-benefiċċji l-ewwel nett għandna bżonn inlestu l-unjoni bankarja. Diġà semmejt il-ħtieġa li l-ktieb tar-regoli jinbidel għall-banek f'wieħed verament Ewropew. Qafas regolatorju frammentat ma jistax isostni unjoni bankarja vera. Bl-istess mod, naraw ħafna ostakoli għall-garanzija tal-fondi li jifframmentaw is-suq. Mela, għad hemm xi ostakoli x’jintgħelbu. Qed naħseb fuq ostakli għall-użu ta' eżenzjonijiet transkonfinali għal kapital, likwidità u skoperturi kbar, pereżempju.

Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ solidarjetà, kif irrappreżentata minn skema ta' assigurazzjoni tad-depożiti Ewropea. L-MSU naqqas b'mod sinifikanti l-livelli ta’ riskju fil-banek taż-żona tal-euro, għalhekk wasal iż-żmien li jittieħed dak il-pass. Fl-istess ħin, irridu wkoll nistabbilixxu appoġġ Ewropew għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.

X’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek fir-rigward tal-qafas istituzzjonali Ewropew?

L-ambizzjoni u l-veloċità huma essenzjali. L-ikbar inkwiet tiegħi huwa li l-Ewropa tista’ tagħmel ftit wisq, tard wisq biex tlesti l-unjoni bankarja. Il-memorja tal-kriżi qed tbatti, l-interessi nazzjonali jistgħu jieħdu s-sopravvent u r-rieda li jibdew ir-riformi Ewropej tista’ tiddgħajjef. Dan jista’ jwassal malajr għall-problemi fil-futur. Il-leġiżlaturi Ewropej kienu kuraġġużi ħafna u għamlu sew ħafna meta ddeċidew li jaqsmu x-xmara u jmorru minn sorveljanza bankarja nazzjonali għal dik Ewropea. Madankollu, issa li qegħdin f’nofs ix-xmara ma nistgħux nieqfu. Ma huwiex post tajjeb li nkunu f’nofs ix-xmara meta terġa’ tiġi maltempata oħra. Għandna naqsmu għan-naħa l-oħra. Meta nimxu ’l quddiem x'aktarx ikun hemm spejjeż aktar baxxi fi żminijiet ta' kriżi u benefiċċji akbar fi żminijiet tajbin.

U fl-aħħarnett, fejn taraha s-superviżjoni bankarja Ewropea ħames snin mil-lum?

Is-superviżjoni bankarja Ewropea mxiet ħafna 'l quddiem minn mindu ġiet stabbilita fl-2014. Mix-xejn, fassalna magna superviżorja li taħdem sewwa. Imma wara erba’ snin biss, naturalment hemm affarijiet li għadna nistgħu ntejbu. Jeħtieġ li ntejbu l-mod kif nieħdu d-deċiżjonijiet – id-delegazzjoni reali tal-poter, inkorporata fil-qafas tal-MSU – tgħin ħafna. U għandna bżonn nissimplifikaw aktar il-proċessi – mhux l-inqas biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol bejn is-superviżuri nazzjonali u l-BĊE. Għandna bżonn nippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi bejn is-superviżuri nazzjonali u l-BĊE. U b'mod aktar ġenerali, jeħtieġ li nkunu kompletament konxji li fiż-żona tal-euro s-superviżuri tal-banek issa għandhom mandat Ewropew, irrispettivament minn jekk jaħdmux f'Pariġi, fi Frankfurt, fi Brussell jew f'Madrid.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)