Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tippubblika r-riżultati tas-SREP 2016 u r-rakkomandazzjonijiet fuq dividendi u remunerazzjoni varjabbli għall-2017

15 ta' Diċembru 2016
  • Ir-riżulati tas-SREP 2016 juru domanda għall-kapital ġeneralment stabbli għall-2017; it-tibdil fil-livelli individwali tal-banek jirrifletti t-tibdil fil-profili tar-riskju tagħhom
  • Il-BĊE impona wkoll miżuri kwalitattivi relatati mal-likwidità u l-governanza bħala parti mis-SREP
  • Ir-rakkomandazzjonijiet fuq it-tqassim ta’ dividendi u r-remunerazzjoni varjabbli għall-2017 jirriflettu x-xejra fl-2016

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippubblika r-riżultati tat-tieni Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP) fl-2016. Id-domanda aggregata għall-kapital għall-2017 tal-banek taħt superviżjoni diretta tibqa’ komparabbli mal-2016, b’medja u medjan ta’ madwar 10% tal-kapital tal-Grad 1 ta’ ekwità komuni (CET1). Is-CET1 huwa l-kapital tal-aqwa kwalità ta’ bank, magħmul l-iżjed minn stokk komuni, u jkejjel is-saħħa tal-kapital tiegħu.

“Dan iċ-ċiklu ta’ eżamijiet superviżorji juri li s-superviżjoni bankarja Ewropea qiegħda ssaħħaħ is-sigurtà tal-banek tagħna. Bl-użu ta’ metodoloġija komuni, il-proċess jippermettilna nagħtu gwida kwantitattiva u kwalitattiva speċifika lil kull bank taħt is-superviżjoni tagħna filwaqt li niżguraw li nimxu bl-istess mod mal-banek kollha fl-Ewropa,” qalet Danièle Nouy, President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE.

Minbarra r-rekwiżiti tal-kapital, il-BĊE impona wkoll miżuri fuq il-likwidità bħala parti mis-SREP. Dan ġara f’każijiet fejn il-banek kienu jiddependu wisq mill-finanzjament tal-operaturi għal żmien qasir jew fejn amministraw ir-riskji marbutin mal-ġestjoni tal-kollateral b’mod mhux adegwat.

Fost il-miżuri fuq il-likwidità kien hemm ir-rekwiżit li l-banek ikollhom proporzjonijiet tal-koperatura tal-likwidità ogħla mill-minimu regolatorju u, f’xi każijiet, l-impożizzjoni ta’ ammonti minimi speċifiċi ta’ assi likwidi. Il-BĊE impona wkoll miżuri kwalitattivi biex jagħmlu tajjeb għall-governanza dgħajfa.

Rakkomandazzjonijiet aġġornati fuq il-politika tat-tqassim ta’ dividendi u l-politika tar-remunerazzjoni

Il-BĊE ppubblika separatament rakkomandazzjonijiet aġġornati fuq il-politika tat-tqassim ta’ dividendi u l-politika tar-remunerazzjoni li għandhom jiġu adottati fl-2017 għas-sena finanzjarja 2016. Fiż-żewġ każijiet il-BĊE baqa’ jżomm ix-xejra ġenerali tiegħu, iżda beda josserva tibdila regolatorja li tobbliga lis-superviżur jagħmel differenza bejn it-tipi ta’ kapital tal-Pilastru 2 li bank għandu jżomm.

Il-BĊE jistenna li l-banek jadottaw xejra prudenti u progressiva meta jiġu biex jiddeċiedu fuq il-politika tagħhom tar-remunerazzjoni u t-tqassim ta’ dividendi sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-kapital, fosthom ir-riżultati tas-SREP.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Uta Harnischfeger (+49 69 1344 6321).

Noti:

  • Id-domanda superviżorja għall-kapital hija bbażata fuq il-profil tar-riskju individwali ta’ bank.
  • Il-Pilastru 1 jirreferi għall-kapital minimu li bank jeħtieġlu jżomm bil-liġi.
  • Il-Pilastru 2 jirreferi għall-kapital li s-superviżur jitlob li bank iżomm skont il-profil tar-riskju, il-ġestjoni tar-riskju u l-ippjanar tal-kapital tiegħu.
  • Fil-proċess SREP 2016, is-superviżuri kellhom jagħmlu differenza għall-ewwel darba bejn ir-rekwiżiti tal-Pilastru 2 u l-gwida tal-Pilastru 2.
  • Ir-rekwiżiti tal-Pilastru 2 huma vinkolanti u l-ksur tagħhom jista’ jkollu konsegwenzi legali diretti għall-banek.
  • In-nuqqas ta’ konformità mal-gwida tal-Pilastru 2 ma jwassalx awtomatikament għal azzjoni legali. Madankollu, il-BĊE jistenna li l-banek jikkonformaw mal-gwida tal-Pilastru 2.
KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)