Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tippubblika l-prijoritajiet superviżorji għall-2017

15 ta' Diċembru 2016

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel 16:00 CET tal-Ħamis 15 ta’ Diċembru 2016
  • Tliet oqsma ta’ riskju jibqgħu prijoritajiet ewlenin għall-2017: ir-riskji tal-mudell tan-negozju u l-profitabilità, ir-riskju tal-kreditu b’attenzjoni fuq is-self improduttiv (NPLs), u l-ġestjoni tar-riskju
  • Enfasi ġdida fuq l-effetti tal-Brexit u tal-kompetizzjoni mis-settur FinTech
  • Attenzjoni speċjali wkoll fuq l-attivitajiet esterni tal-banek u r-riskji marbutin magħhom

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippubblika l-prijoritajiet tiegħu tal-2017 għas-superviżjoni ta’ banek sinifikanti fiż-żona tal-euro. L-attenzjoni tibqa’ fuq ir-riskji ewlenin li bħalissa qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-banek, bħall-bżonn li jadattaw ruħhom għall-kundizzjonijiet finanzjarji fosthom it-tkabbir ekonomiku dgħajjef fiż-żona tal-euro u l-inċertezzi ġeopolitiċi, filwaqt li fl-istess ħin jindirizzaw l-assi b’legat (legacy assets). Għalhekk, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tiffoka fuq ir-riskji tal-mudell tan-negozju u l-profitabilità kif ukoll fuq ir-riskju tal-kreditu, b’attenzjoni speċjali fuq is-self improduttiv (NPLs), u l-ġestjoni tar-riskji. Dawn kienu prijoritajiet ukoll fl-2016 iżda s-superviżuri issa se jikkonċentraw fuq oqsma oħra fi ħdan kull riskju.

“Is-superviżjoni tal-banek hija kwistjoni dinamika. Id-dinja nbidlet madwarna u l-istess ġralu l-qasam ekonomiku u regolatorju. Se nagħtu ħarsa iżjed mill-qrib lejn l-effetti fuq il-banek ikkawżati mill-Brexit, mis-settur FinTech u mill-attivitajiet bankarji esternati mill-banek,” qalet Danièle Nouy, President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE.

Il-BĊE se jiffoka iżjed ukoll fuq kategoriji speċifiċi ta’ assi u jadotta xejra ġdida li tgħaqqad elementi on-site u off-site, pereżempju meta jiġi biex jeżamina s-self għax-xiri jew kiri ta’ bastimenti. Barra minn hekk, is-superviżur se jiftaħ analiżi tematika ġdida biex ikollu tagħrif fuq l-attivitajiet li l-banek jesternaw u jeżamina bir-reqqa kif jamministraw ir-riskji marbutin magħhom. Dawn l-eżamijiet tematiċi jistgħu jdumu iżjed minn sena.

Il-BĊE se jiffinalizza wkoll bosta eżamijiet tematiċi attwali, fosthom l-analiżi tal-impatt li jista’ jkollu l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 9 (IFRS 9) fuq il-banek u l-analiżi tal-konformità tal-banek mal-prinċipji tal-Kumitat ta’ Basel għall-aggregazzjoni ta’ dejta tar-riskju u għar-rappurtar tar-riskji. L-IFRS 9 huwa standard tal-kontabilità ġdid għal strumenti finanzjarji li se jidħol fis-seħħ fl-2018.

Għadha għaddejja wkoll l-analiżi tematika tal-mudelli interni biex jiġi evalwat jekk il-mudelli interni tal-Pilastru 1 humiex qegħdin jintużaw tajjeb. Il-Pilastru 1 jirreferi għall-kapital minimu li l-banek jeħtiġilhom iżommu bil-liġi. L-analiżi tkopri r-riskji tal-kreditu, tas-swieq u tal-kontropartijiet tal-kreditu u f’dan ir-rigward se jibdew isiru missjonijiet fuq il-post mill-ewwel nofs tal-2017.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Uta Harnischfeger (+49 69 1344 6321).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)