Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Mistoqsijiet komuni dwar il-Gwidi tal-BĊE għall-proċessi interni ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital u tal-likwidità (ICAAPs u ILAAPs)

FUQ DIN IL-PAĠNA

Daħla

Il-BĊE jqis li l-proċessi interni ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital u tal-likwidità (ICAAPs u ILAAPs) huma proċessi interni ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju għall-istituzzjonijiet fil-ġestjoni tal-adegwatezza tal-kapital u tal-likwidità. Għaldaqstant, l-ICAAP u l-ILAAP huma fatturi importanti ta’ input fil-Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP) tas-Superviżjoni Bankarja Ewropea. Dawn jikkontribwixxu għall-valutazzjonijiet kollha tas-SREP u għall-proċessi għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti tal-kapital u tal-likwidità tal-Pilastru 2. Il-BĊE beħsiebu jkompli jżid ir-rwol importanti li l-ICAAP u l-ILAAP għandhom fil-valutazzjoni tas-SREP. Fost affarijiet oħra, kemm l-aspetti kwalitattivi kif ukoll dawk kwantitattivi tal-ICAAP ta’ istituzzjoni – dawn tal-aħħar huma r-riskji li l-istituzzjoni tkun identifikat u kkwantifikat – se jkollhom rwol imsaħħaħ, pereżempju, fid-determinazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali fuq bażi ta’ riskju b’riskju.

Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji

Minħabba r-rwol ewlieni tal-ICAAP u tal-ILAAP kemm fiż-żieda tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet kif ukoll fl-għoti ta’ informazzjoni siewja lis-superviżuri dwar is-sitwazzjoni tal-kapital u tal-likwidità tal-istituzzjonijiet, l-esperjenza tal-BĊE turi li l-ICAAPs u l-ILAAPs jeħtieġ li jittejbu fl-istituzzjonijiet kollha. Għal dan il-għan, il-BĊE beda pjan pluriennali biex jiżviluppa sett imtejjeb ta’ aspettattivi superviżorji tal-ICAAP u tal-ILAAP għal istituzzjonijiet sinifikanti, fi djalogu mill-qrib mal-industrija. Il-Gwidi tal-BĊE għall-ICAAP u għall-ILAAP (Gwidi) jistabbilixxu l-fehim tal-BĊE tar-rekwiżiti tal-ICAAP u tal-ILAAP għal istituzzjonijiet sinifikanti kif stipulat fis-CRD IV. (Ara l-Artikoli 73 u 86 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).) L-istituzzjonijiet sinifikanti huma mħeġġa jpoġġu fil-prattika l-aspettattivi deskritti fil-Gwidi. Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li dawn il-Gwidi mhumiex legalment vinkolanti u għalhekk ma jissostitwux jew ma jieħdu post l-ebda liġi (nazzjonali) applikabbli.

Bil-għan li jitrawwem fehim komuni tal-Gwidi, dan li ġej jipprovdi t-tweġibiet tal-BĊE għall-mistoqsijiet li spiss irċieva matul id-diskussjonijiet interni u esterni tiegħu dwar l-ICAAP u l-ILAAP.

Mistoqsijiet komuni

Il-pubblikazzjoni tal-Gwidi tfisser li istituzzjonijiet sinifikanti bħalissa ma għandhomx fis-seħħ ICAAPs u ILAAPs adegwati?

L-esperjenza tal-BĊE turi li l-ICAAPs u l-ILAAPs jeħtieġ li jittejbu fl-istituzzjonijiet kollha. Ġie nnotat progress konsiderevoli biss fl-ICAAPs u fl-ILAAPs ta’ xi istituzzjonijiet sinifikanti.

L-ICAAP u l-ILAAP għandhom importanza fundamentali għall-istituzzjonijiet fir-rigward tal-ġestjoni tal-adegwatezza tal-kapital u tal-likwidità. Biex jippromwovi t-titjib tal-ICAAPs u l-ILAAPs tal-istituzzjonijiet sinifikanti, il-BĊE jsegwi pjan pluriannwali. Abbażi ta’ djalogu intensiv ma’ istituzzjonijiet u ma’ parteċipanti oħra fl-industrija dwar l-abbozz ta’ gwida ppubblikat fl-2017 u b’kont meħud ta’ kontribut ulterjuri, il-BĊE rfina u arrikkixxa l-gwida superviżorja tiegħu dwar l-ICAAP u dwar l-ILAAP. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li istituzzjonijiet sinifikanti huma mħeġġa jibdew jimplimentaw fil-prattika l-aspettattivi superviżorji tal-BĊE deskritti fil-Gwidi mingħajr dewmien, anke jekk se jkunu qed jintużaw biss mis-superviżuri tal-BĊE mill-1 ta’ Jannar 2019. Jekk istituzzjonijiet sinifikanti jiddeċiedu li jsegwu l-Gwidi, huma mistiedna jagħmlu dan f’kooperazzjoni mill-qrib mat-Tim Superviżorju Konġunt (TSK) tagħhom, filwaqt li jinfurmawhom b’mod proattiv dwar is-sitwazzjonijiet u l-pjanijiet tagħhom.

Ta’ min jinnota li l-BĊE ma bidilx il-filosofija ġenerali tal-Gwidi mill-pubblikazzjoni tal-ewwel aspettattivi tal-ICAAP u tal-ILAAP lura f’Jannar 2016. Huwa ċċara biss dawk l-aspettattivi fi tliet stadji, jiġifieri fi Frar 2017, f’Marzu 2018 u bil-pubblikazzjoni tal-verżjonijiet finali f’Novembru 2018.

Il-Gwidi kif jirrelataw mas-sottomissjoni tal-informazzjoni tal-ICAAP u tal-ILAAP fl-2019?

Id-data ta’ referenza għall-istituzzjonijiet sinifikanti meta jissottomettu l-informazzjoni tal-ICAAP u tal-ILAAP (inkluż il-mudell tal-ICAAP pereżempju) lit-TSK tagħhom fl-2019 hija l-31 ta’ Diċembru 2018. Il-BĊE se juża l-Gwidi biex jivvaluta l-ICAAPs u l-ILAAPs tal-istituzzjonijiet sinifikanti mill-1 ta’ Jannar 2019 biss.

Huwa mistenni li d-data u l-informazzjoni dwar l-ICAAPs/ILAAPs sottomessi lill-BĊE minn istituzzjonijiet sinifikanti fl-2019 se jqisu l-Gwidi li għadhom kif ġew ippubblikati. Ta’ min jinnota li l-BĊE ma bidilx il-filosofija ġenerali tal-Gwidi mill-pubblikazzjoni tal-ewwel aspettattivi tal-ICAAP u tal-ILAAP lura f’Jannar 2016. Huwa ċċara biss dawk l-aspettattivi fi tliet stadji, jiġifieri fi Frar 2017, f’Marzu 2018 u bil-pubblikazzjoni tal-verżjonijiet finali f’Novembru 2018. Barra minn hekk, il-Gwidi huma kompletament konformi mal-aspettattivi tal-ICAAP u tal-ILAAP ippubblikati f’Jannar 2016. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-informazzjoni tal-ICAAP ipprovduta permezz tal-mudell tal-ICAAP għandha tkun mill-perspettiva ekonomika.

Osservajt xi bidla fl-ICAAPs u fl-ILAAPs tal-istituzzjonijiet sinifikanti?

Minħabba d-differenzi sinifikanti fit-trattament u fir-rwol tal-ICAAP u tal-ILAAP fost l-Istati Membri, il-prattiki tal-istituzzjonijiet sinifikanti dehru li kienu eteroġeni ħafna. Id-differenzi fl-ICAAP, pereżempju, kienu evidenti, fost affarijiet oħra, fir-rwol ġenerali tal-ICAAP fil-ġestjoni u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet, fir-rwoli tal-perspettivi ekonomiċi meta mqabbla mal-perspettivi normattivi (jew regolatorji) u fl-approċċ ġenerali tal-ICAAP, jiġifieri l-hekk imsejħa kunċetti ta’ “negozju avvjat” meta mqabbla mal-kunċetti ta’ “negozju magħluq”. F’xi Stati Membri, l-ICAAP u l-ILAAP jitqiesu bħala l-qalba tal-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju tal-istituzzjonijiet, filwaqt li f’oħrajn, huma assoċjati mal-proċess tat-tħejjija ta’ rapport dwar l-adegwatezza tal-kapital u tal-likwidità għas-superviżur jew jintużaw bħala sinonimi għal dawn ir-rapporti. Il-BĊE nnota progress konsiderevoli biss fl-ICAAPs u fl-ILAAPs ta’ xi istituzzjonijiet sinifikanti.

L-istituzzjonijiet sinifikanti kollha huma mħeġġa jtejbu l-ICAAPs u l-ILAAPs tagħhom. Nistennew li l-pubblikazzjoni tal-Gwidi mtejba b’mod sinifikanti tagħna se tgħinhom f’dan ir-rigward.

Kif tiżgura li istituzzjonijiet sinifikanti jkollhom ICAAPs u ILAAPs adegwati?

L-ewwel nett, l-ICAAP u l-ILAAP huma fatturi importanti ta’ input fil-Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP) tas-Superviżjoni Bankarja Ewropea. Dawn jikkontribwixxu għall-valutazzjonijiet tal-elementi kollha tal-SREP u għall-proċessi ta’ determinazzjoni tal-kapital u tal-likwidità tal-Pilastru 2. Fil-futur, huwa previst li r-rwol tal-ICAAP u tal-ILAAP fis-SREP se jiġi estiż ulterjorment.

L-ICAAPs u l-ILAAPs huma fatturi ewlenin għar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet. Għalhekk, il-BĊE jivvaluta kull sena dawn il-proċessi bħala parti mis-SREP. Jekk il-BĊE jidentifika xi nuqqasijiet, jista’ jieħu miżuri superviżorji biex jindirizza l-kwistjonijiet fl-istituzzjoni rispettiva. Tali miżuri jistgħu jinkludu wkoll supplimentazzjonijiet kapitali jew ta’ likwidità biex jindirizzaw iż-żieda fl-inċertezza fil-ġestjoni tar-riskju tal-istituzzjonijiet u biex jinċentivaw lill-istituzzjonijiet sinifikanti biex jindirizzaw dawk id-dgħufijiet.

Il-Gwida kif tirrelata mal-approċċi tal-ICAAP ta’ “negozju magħluq”?

Il-fehma tal-BĊE hija ffukata fuq iż-żamma tas-settur bankarju stabbli billi jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet iżommu l-kontinwità tal-operazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, il-Gwida tal-ICAAP tiddeskrivi approċċ tal-ICAAP li għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-kontinwità tal-istituzzjonijiet billi jiżgura l-kapitalizzazzjoni adegwata tagħhom. Minn Jannar 2016 ’l hawn, il-BĊE ħeġġeġ b’mod kostanti lill-istituzzjonijiet sinifikanti biex jaqilbu minn approċċi tal-ICAAP ta’ “negozju magħluq” għal approċċi mmirati lejn il-kontinwità tagħhom.

X’inhi d-differenza bejn il-perspettivi normattivi u dawk ekonomiċi interni tal-ICAAP u tal-ILAAP u xi tfisser informazzjoni reċiproka?

Kemm l-ICAAP kif ukoll l-ILAAP huma bbażati fuq żewġ pilastri ugwalment importanti iżda komplementari: il-perspettiva ekonomika u l-perspettiva normattiva. Iż-żewġ perspettivi jitfgħu dawl fuq ir-riskji li istituzzjoni hija esposta għalihom u fuq l-adegwatezza tal-kapital u tal-likwidità tagħha minn angoli differenti ħafna. Sabiex jiġu koperti r-riskji li istituzzjoni tkun esposta għalihom, jenħtieġ li tikkunsidra l-ġestjoni tal-adegwatezza tal-kapital u tal-likwidità tagħha kemm mill-perspettiva normattiva kif ukoll minn dik ekonomika.

L-istituzzjonijiet iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali u ta’ likwidità tal-Pilastru 1 u tal-Pilastru 2 f’kull ħin (kif ivvalutati fil-perspettiva normattiva). Madankollu, is-segwitu ta’ din il-perspettiva biss mhuwiex biżżejjed biex tiġi żgurata s-sopravivenza tal-istituzzjonijiet f’kull ħin, kif muri mill-kriżi finanzjarja reċenti. Pereżempju, xi istituzzjonijiet dehru b’saħħithom minn perspettiva ta’ kapital regolatorju, iżda batew biex jiżguraw likwidità u livelli ta’ finanzjament suffiċjenti minħabba li l-kontropartijiet tagħhom ma kellhomx biżżejjed fiduċja fihom u ma baqgħux jaċċettawhom bħala kontropartijiet affidabbli. Dawk il-kontropartijiet kienu jafu li s-sustanza ekonomika ta’ tali istituzzjonijiet kienet iddeterjorat, iżda dan kien (għadu) mhux rifless fil-karti tal-bilanċ tagħhom u, pereżempju, fil-proporzjonijiet kapitali regolatorji tagħhom. Il-letteratura użat it-terminu “banek żombi” biex tiddeskrivi tali istituzzjonijiet.

Għalhekk, perspettiva waħda ma tistax tissostitwixxi l-oħra. Pjuttost, iż-żewġ perspettivi għandhom jikkomplementaw u, b’mod partikolari, jinfurmaw lil xulxin b’mod reċiproku.

Il-perspettiva normattiva hija komparabbli mal-approċċi ta’ “negozju avvjat” użati minn xi istituzzjonijiet fil-passat?

Fil-passat, xi istituzzjonijiet sinifikanti użaw approċċi tal-ICAAP li huma semmew bħala approċċi ta’ “negozju magħluq”. Il-premessa fundamentali ta’ tali approċċi kienet li f’dak il-mument (t 0) wieħed jara jekk kinux se jibqgħu jissodisfaw id-domandi regolatorji u superviżorji tal-fondi proprji li kieku r-riskji li huma kkwantifikaw fl-ICAAPs tagħhom għat-12-il xahar li ġejjin kellhom jimmaterjalizzaw. Essenzjalment, għal dik il-valutazzjoni, huma naqqsu mill-fondi proprji attwali (t 0) tagħhom fil-karta bilanċjali l-porzjon li kien meħtieġ biex jiġu ssodisfati d-domandi kapitali superviżorji/regolatorji. Imbagħad qabblu l-bqija – xi kultant imsejħa “fondi proprji liberi” – mal-iskopertura għar-riskju li kienu kkwantifikaw. L-ammont ta’ riskju kien fih ir-riskji kollha li potenzjalment jistgħu jaffettwaw il-fondi proprji regolatorji u l-proporzjonijiet tal-Pilastru 1 matul it-12-il xahar li ġejjin. Spiss, ir-riskju ġie kkwantifikat bl-użu ta’ mudelli li pproduċew, pereżempju, VaR b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 % (f’xi każijiet, intgħażlu livelli ta’ fiduċja aktar baxxi sabiex jitqies l-aspett ta’ kontinwità tan-negozju tagħhom bħala kuntrast mal-approċċ ta’ “negozju magħluq”).

Fil-fatt, il-fondi proprji attwali tagħhom tqabblu mad-domandi tagħhom tal-Pilastru 1 flimkien mal-Pilastru 2, flimkien mar-riskji kollha kkwantifikati fl-ICAAP (riskju ta’ kreditu, riskju tas-suq, riskju operazzjonali, IRRBB, eċċ.) għal t 0.

Il-perspettiva normattiva, kif definita fil-Gwida tal-ICAAP, hija differenti minn approċċi bħal dawn peress li ma tipprevedix kwantifikazzjoni separata tar-riskju tal-ICAAP għal t 0. Minflok, l-istituzzjonijiet sinifikanti huma mistennija f’t 0 biex jiddeterminaw il-proporzjonijiet tal-Pilastru 1 u jqabbluhom mar-rekwiżiti kapitali esterni tagħhom (ir-rekwiżit kapitali tal-Pilastru 1, il-Pilastru 2, il-riżervi) u l-gwida kapitali tal-Pilastru 2. Din l-azzjoni terġa’ titwettaq wara sena billi jiġu pproġettati l-proporzjonijiet tal-Pilastru 1 f’t 1, kif ukoll għas-snin sussegwenti, t 2, u t 3 mill-inqas. Dawn il-projezzjonijiet huma naturalment mistennija li jqisu l-effetti kollha li jħallu impatt fuq il-proporzjonijiet futuri tal-Pilastru 1 fix-xenarji rispettivi. Dan jinkludi bidliet fl-assi ponderati għar-riskju, flimkien ma’ P&L u effetti oħra ta’ fondi proprji li jirriżultaw minn krediti inadempjenti, movimenti fil-prezzijiet tas-suq, bidliet fir-rati tal-imgħax, eċċ.

Il-perspettiva normattiva hija komparabbli ma’ dak li għamlu ħafna istituzzjonijiet fl-ippjanar tagħhom tal-kapital regolatorju. Madankollu, l-istituzzjonijiet sinifikanti għandhom ikunu konxji li l-aspettattivi tal-BĊE fir-rigward tal-ippjanar tal-kapital imorru b’mod ċar lil hinn minn dak li ħafna istituzzjonijiet għamlu fil-passat, pereżempju, fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ xenarji avversi u s-severità tas-suppożizzjonijiet rigward żviluppi futuri vvalutati f’xenarji avversi.

L-istituzzjonijiet huma mistennija jużaw il-Pilastru 1 bħala limitu minimu għall-kwantifikazzjonijiet tar-riskju tagħhom?

Le, dan mhuwiex il-każ. Madankollu, il-BĊE jistenna li istituzzjonijiet sinifikanti jkunu prudenti u konservattivi. Dan ifisser li ma għandhomx ikunu inqas konservattivi b’mod ġenerali meta jistabbilixxu l-parametri u suppożizzjonijiet oħra li fuqhom huma bbażati l-metodoloġiji ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju tagħhom fil-perspettiva ekonomika.

Dan ma għandux jiġi konfuż mal-applikazzjoni tal-limiti minimi mis-superviżuri. Kif previst fil-Linji Gwida ta’ SREP tal-EBA, is-superviżur se japplika limitu minimu tal-Pilastru 1 għal riskji speċifiċi.

Linji Gwida dwar il-proċeduri u l-metodoloġiji komuni għar-rieżami superviżorju u l-proċess ta’ evalwazzjoni (EBA/GL/2014/13)
Il-Gwidi kif jirrelataw mal-liġijiet nazzjonali u ma’ dispożizzjonijiet u ma’ gwidi rilevanti oħra?

B’mod ġenerali, il-Gwidi mhumiex legalment vinkolanti u għalhekk ma jissostitwux jew ma jieħdu post l-ebda liġi applikabbli li timplimenta l-Artikoli 73 u 86 tas-CRD IV. Fil-każ li, f’ċerti każijiet, il-Gwidi ma kinux konformi mal-liġi applikabbli, il-BĊE japplika l-liġi applikabbli fil-valutazzjoni tiegħu tal-ICAAPs u tal-ILAAPs ta’ istituzzjonijiet sinifikanti. Madankollu, il-BĊE żviluppa l-Gwidi f’kooperazzjoni mill-qrib ħafna mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għalhekk, ma jistenniex li jinqalgħu kunflitti bħal dawn bejn il-Gwidi u d-dritt nazzjonali.

Għaliex il-BĊE jistenna riżervi ta’ ġestjoni fl-ICAAP u fl-ILAAP? Qed jipprova juża l-Gwidi biex jistabbilixxi rekwiżiti ġodda ta’ kapital u ta’ likwidità li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tas-CRD/CRR?

Le. Il-BĊE jiċċara fil-Gwidi li din tkun perċezzjoni żbaljata, peress li l-kunċett ta’ riżerva ta’ ġestjoni ma jistabbilix rekwiżiti ġodda ta’ kapital/likwidità ogħla mill-valuri minimi legali eżistenti. Il-kunċett ta’ riżerva ta’ ġestjoni sempliċiment jiddeskrivi l-fatt li l-istituzzjonijiet normalment joperaw ’il fuq mir-rekwiżiti minimi superviżorji fuq inizjattiva tagħhom stess, sempliċiment minħabba li altrimenti ma jkunux jistgħu jsibu l-kontropartijiet, il-klijenti, l-impjegati u l-investituri li jeħtieġu biex isegwu l-mudell tan-negozju tagħhom. Madankollu, il-Gwidi jistiednu lill-istituzzjonijiet biex jivvalutaw b’mod espliċitu l-livell ta’ kapital/likwidità li jeħtieġu individwalment għal kull wieħed mix-xenarji vvalutati. Meta jiddeterminaw, fejn rilevanti, riżervi ta’ ġestjoni konkreti, huma mħeġġa li jiġġustifikawhom. Dan isegwi l-ispirtu ġenerali tal-ICAAP, fis-sens li l-istituzzjonijiet għandhom ikunu konxji bis-sħiħ tar-riskji li qed jiffaċċjaw u għandhom jimmaniġġjawhom b’mod attiv.

Il-banek huma meħtieġa jistabbilixxu riżervi ta’ ġestjoni biex ikunu eliġibbli għall-proċeduri rapidi ta’ tnaqqis tal-kapital?

Le. Ir-riżervi ta’ ġestjoni huma għodod tal-ġestjoni interna tar-riskju tal-banek u mhumiex ivvalutati fil-kuntest tal-proċessi ta’ tnaqqis tal-kapital tal-BĊE. Biex jikkwalifikaw għall-ipproċessar rapidu, il-banek iridu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti għat-tip rispettiv ta’ tnaqqis, kif ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE u speċifikat ulterjorment fil-mudelli rapidi. Fejn applikabbli, il-kriterji rapidi jiffukaw fuq il-marġni ta’ manuvra reali ’l fuq mill-valuri minimi superviżorji, iżda mhux fuq ir-riżervi ta’ ġestjoni interna. L-applikazzjonijiet għal tnaqqis fil-kapital li ma jissodisfawx il-kriterji rapidi xorta jistgħu jiġu approvati skont il-proċedura normali.

X’inhuma x-xenarji avversi fil-perspettiva normattiva?

Il-Gwidi ma jiddeskrivux xenarji avversi konkreti skont il-perspettiva normattiva, minħabba li dawn huma mistennija li jkunu proporzjonati mal-attivitajiet kummerċjali tal-istituzzjonijiet, l-ambjenti operattivi, il-profili tar-riskju u, konsegwentement, il-vulnerabbiltajiet, li kollha huma differenti ħafna minn istituzzjoni għal oħra. Il-Gwidi jiċċaraw skont il-Prinċipju 7 li “Il-firxa ta’ xenarji avversi hija mistennija li tkopri b’mod adegwat tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku u xokkijiet finanzjarji, vulnerabbiltajiet rilevanti speċifiċi għall-istituzzjoni, skoperturi għal kontropartijiet ewlenin, u kombinamenti plawżibbli ta’ dawn”.

Fir-rigward tal-livell ta’ severità li mistenni jkun il-bażi ta’ xenarji avversi, il-Gwidi jiċċaraw fir-rigward tal-Prinċipju 7 li l-BĊE jifhem il-kelma “avvers” bħala li tfisser stress sever: “Il-livell ta’ severità huwa mistenni li jikkorrispondi għal żviluppi li huma plawżibbli, iżda severi mill-perspettiva tal-istituzzjoni daqs kwalunkwe żvilupp li jista’ jiġi osservat matul sitwazzjoni ta’ kriżi fis-swieq, u jkopri fatturi jew oqsma li huma l-aktar rilevanti għall-adegwatezza tal-kapital/għal-likwidità tal-istituzzjoni”.

X’inhi d-definizzjoni ta’ kapital intern u ta’ likwidità interna?

Id-definizzjoni ta’ kapital intern hija mistennija li tkun konsistenti mal-kunċett tal-adegwatezza tal-kapital ekonomiku u mal-kwantifikazzjonijiet tar-riskju intern tal-istituzzjoni. Il-kunċett tal-adegwatezza tal-kapital ekonomiku huwa kunċett intern immirat biex jiżgura – skont il-perspettiva ekonomika – li r-riżorsi finanzjarji (kapital intern) tal-istituzzjoni jippermettulha tkopri r-riskji tagħha u żżomm il-kontinwità tal-operazzjonijiet tagħha fuq bażi kontinwa.

Ta’ min jinnota li l-ammonti ta’ kapital intern u regolatorju jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti, minħabba l-kunċetti differenti li fuqhom huma bbażati d-definizzjonijiet. Dan huwa dovut għall-fatt li l-kapital intern huwa mistenni li jirrifletti l-valur ekonomiku tal-istituzzjoni, filwaqt li l-kapital regolatorju huwa bbażat primarjament fuq definizzjonijiet regolatorji, iżda ġeneralment jista’ jkun fih ukoll suppożizzjonijiet kontabilistiċi. Skont is-sitwazzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni u l-istandards kontabilistiċi applikabbli, il-valuri ekonomiċi diverġenti mill-valuri kontabilistiċi jistgħu jikkawżaw differenzi sinifikanti.

L-istess jgħodd għall-kwantifikazzjoni tar-riskji fejn il-fehma normattiva tivvaluta l-impatti tar-riskji kollha fuq il-proporzjonijiet regolatorji, u b’hekk issegwi r-regoli kontabilistiċi u d-definizzjonijiet regolatorji. Għall-kuntrarju, il-perspettiva ekonomika tivvaluta kif l-univers tar-riskji li għalihom l-istituzzjoni hija materjalment esposta jista’ jkollu impatt fuq il-valur ekonomiku tagħha. Ir-riskji tal-firxa tal-krediti għal pożizzjonijiet li mhumiex irreġistrati fil-valur ġust huma eżempju tipiku ta’ riskji li huma mistennija li jiġu ttrattati b’mod differenti skont iż-żewġ perspettivi.

Id-definizzjoni ta’ riżervi ta’ likwidità interni hija mistennija li tkun konsistenti mal-kunċett tal-adegwatezza tal-likwidità ekonomika u l-kwantifikazzjonijiet tar-riskju intern tal-istituzzjoni. Il-kunċett tal-adegwatezza tal-likwidità ekonomika huwa kunċett intern immirat biex jiżgura, skont il-perspettiva ekonomika, li r-riżorsi finanzjarji (likwidità interna) tal-istituzzjoni jistgħu jkopru r-riskji u l-flussi ta’ ħruġ mistennija, u jżommu l-kontinwità tal-operazzjonijiet tagħha fuq bażi kontinwa. Hawnhekk, għal darb’oħra, suppożizzjonijiet u kunċetti sottostanti differenti jistgħu jwasslu għal differenzi kbar fl-ammont ta’ likwidità disponibbli u f’sorsi ta’ finanzjament stabbli.

Il-kapital intern jista’ jinkludi dejn subordinat?

Għal strumenti kapitali tal-Grad 2/strumenti ta’ dejn subordinat, normalment ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni fid-dokument dwar il-kundizzjonijiet li tistipula li dawn jassorbu t-telf f’xenarji għajr il-likwidazzjoni. Il-pożizzjonijiet ta’ self subordinat se jitħallsu lura lid-detenturi tad-dejn fl-istat ta’ kontinwazzjoni, skont il-kundizzjonijiet/it-termini tal-ħruġ.

Konsegwentement, wara s-suppożizzjoni ta’ kontinwazzjoni sottostanti għall-aspettattivi tal-ICAAP tal-BĊE, l-istrumenti kapitali tal-Grad 2, inkluż b’mod partikolari d-dejn subordinat, jistgħu ġeneralment jiġu skontati bħala li jassorbu r-riskju fi stat ta’ kontinwazzjoni. Għaldaqstant, dawn l-istrumenti ġeneralment mhumiex mistennija li jiffurmaw parti mill-kapital intern. Madankollu, l-istituzzjoni għandha l-għażla li tiġġustifika għaliex din il-loġika mhijiex rilevanti f’każ partikolari.

Il-livell ta’ severità tax-xenarji avversi fil-perspettiva normattiva tal-ICAAP mhuwiex għoli wisq għall-iskopijiet tal-“ippjanar” tal-kapital?

F’xenarji avversi skont il-perspettiva normattiva, l-istituzzjoni hija mistennija tassumi żviluppi eċċezzjonali, iżda plawżibbli bi grad adegwat ta’ severità f’termini tal-impatt tagħhom fuq il-proporzjonijiet kapitali regolatorji tagħha, b’mod partikolari l-proporzjon CET1. Il-livell ta’ severità huwa mistenni li jikkorrispondi għal żviluppi li huma plawżibbli, iżda severi mill-perspettiva tal-istituzzjoni daqs kwalunkwe żvilupp li jista’ jiġi osservat matul sitwazzjoni ta’ kriżi fis-swieq, fil-fatturi jew fl-oqsma li huma l-aktar rilevanti għall-adegwatezza tal-kapital tal-istituzzjoni.

Naturalment, l-istituzzjonijiet mhumiex mistennija li “jippjanaw” għal xenarji bħal dawn. Madankollu, huma mistennija jħejju għal każ plawżibbli li fih jistgħu jimmaterjalizzaw. “Ippjanar” f’dak is-sens ma għandux jinftiehem bħala li għandu l-għan li jidħol f’ċirkostanzi avversi. Minflok, l-“ippjanar” huwa maħsub li jkun dwar “it-tħejjija” u “l-kapaċità li jiġu evitati” avvenimenti ta’ stress futuri sabiex tiġi evitata sottokapitalizzazzjoni f’dawk iċ-ċirkostanzi avversi.

Huwa mistenni li l-istituzzjonijiet iwettqu wkoll ittestjar tal-istress fil-perspettiva ekonomika tal-ICAAP?

Il-livell ta’ konservattiviżmu li fuqu huma bbażati l-kwantifikazzjonijiet tar-riskju fil-perspettiva ekonomika diġà huwa mistenni li jkun għoli ħafna u għalhekk għandu jkopri wkoll avvenimenti rari ħafna. Skont il-metodoloġija ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju użata, dan huwa rifless, pereżempju, f’livelli għoljin ta’ fiduċja. Dan iqajjem il-mistoqsija jekk huwiex mistenni ttestjar tal-istress addizzjonali fil-perspettiva ekonomika.

It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija doppja: minn naħa waħda, il-kwantifikazzjonijiet tar-riskju fil-perspettiva ekonomika mhumiex mistennija li jkunu soġġetti għal ittestjar tal-istress permezz ta’ xenarji avversi (stress pluriannwali), bħalma huwa l-każ fil-perspettiva normattiva. Madankollu, peress li l-ICAAP jenħtieġ li jkopri żviluppi futuri, l-istituzzjonijiet huma mistennija jivvalutaw is-sensittivitajiet tal-kwantifikazzjonijiet tar-riskju tagħhom għal żviluppi ekonomiċi futuri potenzjali li ma jinqabdux mid-data użata għall-kwantifikazzjoni tar-riskju.

Bħala eżempju, il-prezzijiet tal-akkomodazzjoni fl-Istati Uniti żdiedu kontinwament fuq perjodu twil ħafna ta’ żmien qabel il-bidu tal-kriżi fl-2008. Il-metodoloġiji ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju purament retrospettivi użati b’mod wiesa’ mill-industrija ssuġġerew li din ix-xejra dewwiema qatt ma tinbidel, u dan jimplika li ż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni kienet tfisser li s-self ipotekarju ma kien jinvolvi l-ebda riskju ta’ kreditu. Meta t-tendenza nbidlet, l-istorja wriet li din il-konklużjoni kienet żbaljata.

Kwistjoni simili tista’ tiġi osservata meta, pereżempju, l-istituzzjonijiet jibbażaw fuq mudelli tal-valur fir-riskju (VaR) biex jikkwantifikaw ir-riskju tas-suq tagħhom. Wara perjodu twil ta’ prezzijiet tas-suq tal-istokks stabbli/li qed jogħlew, l-użu, pereżempju, tal-kunċett ta’ simulazzjoni storika għall-kwantifikazzjoni tal-VaR jirriżulta f’ċifri ta’ riskju baxxi ħafna. Fir-realtà, madankollu, ix-xejriet dejjem jistgħu jinbidlu b’tali mod li l-passat maqbud mill-mudelli jista’ materjalment jissottovaluta r-riskju veru. Fiż-żewġ każijiet, anke livell estremament għoli ta’ fiduċja jirriżulta f’sottovalutazzjoni fundamentali tar-riskji.

Għalhekk, programm komprensiv, sod u konservattiv ta’ ttestjar tal-istress li jħares ’il quddiem fis-sens ta’ valutazzjoni ta’ parametri differenti huwa mistenni għall-perspettiva ekonomika wkoll, peress li dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat li r-riskji ma jiġux sottovalutati u li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jżommu livelli adegwati ta’ kapital, anke minn perspettiva ekonomika. Skont il-kunċett ta’ “informazzjoni reċiproka” bejn iż-żewġ perspettivi tal-ICAAP, l-istituzzjonijiet huma mistennija jużaw ukoll ix-xenarji avversi tal-perspettiva normattiva meta jivvalutaw l-adegwatezza kapitali tagħhom skont il-perspettiva ekonomika.

Ta’ min jinnota li xi drabi, it-terminu “ittestjar tal-istress” jintuża bħala sinonimu għat-testijiet tal-istress pluriennali tat-tip EBA. Dan mhuwiex dak li hu mfisser f’dan il-kuntest. Il-Gwida tal-ICAAP tgħid b’mod ċar li l-BĊE ma jistenniex li l-istituzzjonijiet jipproduċu projezzjonijiet pluriennali tas-sitwazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital ekonomiku tiegħu billi, pereżempju, jipproġettaw mudell ta’ fattur ta’ sena għal 3 snin oħra.

X’inhu l-livell mistenni ta’ konservattiviżmu fil-kwantifikazzjonijiet tar-riskju fil-perspettiva ekonomika?

Il-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet tal-kwantifikazzjoni tar-riskju użati taħt il-perspettivi ekonomiċi u normattivi huma mistennija li jkunu robusti, stabbli biżżejjed, sensittivi għar-riskju u konservattivi sabiex jikkwantifikaw it-telf li jista’ jirriżulta, anki f’ċirkostanzi rari.

Fil-fehma tal-BĊE, f’ICAAP sod, il-livell ġenerali ta’ konservattiviżmu skont il-perspettiva ekonomika huwa, ġeneralment, tal-inqas fuq l-istess livell mal-livell sottostanti tal-metodoloġiji ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju tal-mudelli interni tal-Pilastru 1. Minflok wieħed wieħed, il-livell ġenerali tal-konservatiżmu huwa ddeterminat mill-kombinament tas-suppożizzjonijiet u mill-parametri sottostanti. “Kombinament” f’dak is-sens tfisser li l-approċċi jistgħu jkunu konformi ma’ din il-gwida, minkejja ċerti parametri individwali, pereżempju, il-livell ta’ fiduċja tal-mudelli ta’ kapital ekonomiku jkun inqas konservattiv milli fil-Pilastru 1. Madankollu, f’każijiet bħal dawn, l-istituzzjonijiet huma mistennija juru kif dawn is-suppożizzjonijiet inqas konservattivi jiġu kkumpensati, sabiex ikunu, flimkien, mill-inqas fuq l-istess livell mal-livell ta’ konservattiviżmu sottostanti għall-Pilastru 1.

Fir-rigward tal-livell ta’ konservattiviżmu, il-Gwida tal-ICAAP tiċċara li, għalkemm huwa ġeneralment mistenni li l-ICAAP jintuża fit-teħid tad-deċiżjonijiet, mhuwiex mistenni li kull deċiżjoni kummerċjali tittieħed abbażi tal-ogħla livell ta’ konservattiviżmu.

Jistgħu jiġu applikati livelli differenti għal skopijiet differenti. Madankollu, l-istituzzjonijiet huma mistennija li jkunu jistgħu jerfgħu wkoll ir-riskji kkwantifikati abbażi ta’ livell għoli ħafna ta’ konservattiviżmu. Bħala eżempju, istituzzjoni tista’ tibbaża l-ipprezzar tad-derivattivi u, għalhekk, id-deċiżjoni li toffri jew tixtri ċerti prodotti fis-suq, fuq is-suppożizzjoni li dan is-suq mhux se jidħol f’sitwazzjoni ta’ kriżi. Madankollu, jenħtieġ li tkun f’pożizzjoni f’termini kemm tal-kapital disponibbli kif ukoll tal-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskju li tissopravivi kwalunkwe materjalizzazzjoni ta’ dak ir-riskju. Fl-eżempju speċifiku, dan ikun ifisser li jenħtieġ li tkun tista’ tassorbi kwalunkwe telf imġarrab minn dik it-tranżazzjoni tad-derivattivi anki jekk is-suq ikun daħal f’sitwazzjoni ta’ kriżi.

Il-validazzjoni indipendenti tal-aspetti kwantitattivi tal-ICAAP u tal-ILAAP tista’ titwettaq mill-funzjoni tal-awditjar intern?

Il-Gwidi jiddikjaraw l-aspettattiva li r-rieżamijiet interni jitwettqu b’mod komprensiv mit-tliet linji ta’ difiża, inklużi l-linji operatorji u l-funzjonijiet ta’ kontroll intern indipendenti (il-ġestjoni tar-riskju, il-konformità u l-awditjar intern), f’konformità mar-rwoli u mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. Sabiex tiġi żgurata sistema soda ta’ kontrolli u bilanċi, il-qasam (it-tieni linja ta’ difiża) li huwa responsabbli għall-iżvilupp u għall-validazzjoni ta’ metodoloġiji ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju jrid ikun qasam li huwa indipendenti mill-unitajiet tat-teħid tar-riskju (l-ewwel linja ta’ difiża). Barra minn hekk, huwa importanti li l-attivitajiet kollha fi ħdan l-istituzzjoni (inklużi dawk tat-tieni linja ta’ difiża) ikunu soġġetti għal rieżami regolari minn funzjoni oħra tal-awditjar intern kompletament indipendenti (it-tielet linja ta’ difiża), li tirrapporta direttament lill-korp maniġerjali.

Skont id-daqs u l-kumplessità tal-istituzzjoni, jistgħu jiġu adottati diversi soluzzjonijiet organizzattivi biex tiġi żgurata l-indipendenza bejn l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-metodoloġiji tal-kwantifikazzjoni tar-riskju. Madankollu, huwa mistenni li l-kunċetti li fuqhom huma bbażati d-diversi linji ta’ difiża jiġu rrispettati, jiġifieri l-validazzjoni indipendenti hija mistennija li titwettaq minn unità għajr il-funzjoni tal-awditjar intern bħala tali.

Għaldaqstant, l-attivitajiet ta’ validazzjoni, li huma mistennija li jitwettqu mill-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju (jiġifieri t-tieni linja ta’ difiża) huma mistennija li jkunu soġġetti għal rieżamijiet regolari mill-funzjoni tal-awditjar intern (jiġifieri t-tielet linja ta’ difiża). Huwa mistenni wkoll li l-awditjar intern jinkludi l-adegwatezza tal-metodoloġiji ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju fil-pjan tal-awditjar tiegħu.

Is-suppożizzjonijiet tal-LCR jirriflettu kundizzjonijiet ta’ stress. Projezzjoni tal-LCR f’xenarju avvers ma twassalx għal duplikazzjoni tal-istress fil-kalkolu?

Le. Il-projezzjonijiet tal-LCR għal xenarji avversi (jiġifieri f’kundizzjonijiet ta’ stress) isegwu eżattament id-dispożizzjonijiet rigward il-ponderazzjonijiet, ir-rati ta’ run-off, eċċ. fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61, jiġifieri l-mod kif jiġi kkalkolat l-LCR huwa dejjem l-istess. Madankollu, il-BĊE jistenna li l-istituzzjonijiet jiddeterminaw il-bilanċi pendenti tal-assi, l-obbligazzjonijiet u l-impenji barra l-karta tal-bilanċ li jidħlu fil-kalkolu tal-LCR matul perjodu ta’ kundizzjonijiet ta’ stress u mbagħad jimmultiplikaw dawk il-bilanċi bil-ponderazzjonijiet jew bir-rati run-off previsti fir-Regolament.

L-objettiv ta’ din l-aspettattiva huwa li l-istituzzjonijiet ikunu konxji tal-impatt li ċerti żviluppi futuri severi, iżda plawżibbli jista’ jkollhom fuq il-proporzjonijiet tal-LCR (li jkollhom jikkalkulaw ukoll fil-futur skont tali kundizzjonijiet). L-istituzzjonijiet huma mistennija janalizzaw l-eżiti ta’ dawn il-projezzjonijiet u jiddeċiedu jekk għandhomx bżonn jieħdu azzjoni biex iħejju għas-sitwazzjoni pproġettata jew jipprevjenuha.

Bħala eżempju, l-eżitu ta’ tali valutazzjoni jista’ jkun li l-LCR jinżel għal 60 %. Filwaqt li s-CRR jipprevedi li l-LCR jista’, xi drabi, jaqa’ taħt il-100 %, l-istituzzjoni xorta tkun mistennija twieġeb il-mistoqsija dwar jekk tkunx għadha tista’ ssegwi b’mod sostenibbli l-mudell tan-negozju tagħha b’LCR ta’ 60 % fiċ-ċirkostanzi li tkun assumiet fix-xenarju avvers rispettiv.

X’inhu l-perjodu ta’ żmien mistenni li jinqabad mill-pjan kapitali?

Il-Gwida tal-ICAAP tiddikjara li “Il-pjan kapitali huwa mistenni li jinkludi xenarji bażi u avversi u li jkopri orizzont li jħares ’il quddiem ta’ mill-inqas 3 snin”. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet huma mistennija jimplimentaw proċess ta’ ppjanar tal-kapital – spiss fl-ambitu tal-proċess regolari ta’ ppjanar pluriennali tiegħu – li jkopri l-perjodu ta’ żmien sħiħ ta’ mill-inqas 3 snin meta jkun qed jiġi approvat. L-istituzzjonijiet huma mistennija jiżguraw li l-pjan kapitali jiġi aġġustat matul is-sena jekk ikun għadda żmienu minħabba żviluppi reali. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet huma mistennija jgħaddu mill-proċess sħiħ tal-ippjanar tal-kapital, li jinvolvi l-funzjonijiet rilevanti kollha, bħad-dipartiment tal-ekonomija, ir-riskju, il-finanzi u l-oqsma tan-negozju, mill-inqas darba fis-sena.

ARA WKOLL

Sir af aktar dwar kontenut relatat