Superviżjoni u sorveljanza tal-LSI
Istituzzjonijiet inqas sinifikanti (LSIs) huma banek żgħar u ta’ daqs medju li huma taħt is-superviżjoni diretta tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) tagħhom, taħt is-sorveljanza tal-BĊE.
Hawn taħt għandek issib tweġibiet għal xi wħud mill-aktar mistoqsijiet frekwenti dwar is-superviżjoni u s-sorveljanza tal-LSI, li għandhom jgħinu biex jiffamiljarizzawk mas-suġġett.
Sommarju dwar l-organizzazzjoni tas-sorveljanza u s-superviżjoni tal-LSI, l-attivitajiet imwettqa mill-BĊE u l-ANK kif ukoll l-istruttura u s-sitwazzjoni tar-riskju tas-settur tal-LSI fl-Ewropa jistgħu jinkisbu mir-rapport dwar is-superviżjoni u s-sorveljanza tal-LSI.
Rapport ta’ superviżjoni tal-LSI 2022X’jiddetermina s-sinifikat ta’ bank?
L-entitajiet taħt superviżjoni kollha huma awtomatikament ikklassifikati bħala inqas sinifikanti.
Dawn isiru sinifikanti – u għalhekk jaqgħu taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE – biss jekk jissodisfaw mill-inqas wieħed mill-kriterji stabbiliti fir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Segwi l-links ta’ hawn taħt biex issir taf aktar dwar dawn il-kriterji.
Min jissorvelja l-LSIs?
L-LSIs huma taħt superviżjoni diretta mill-ANK rispettivi tagħhom u taħt superviżjoni indiretta mill-BĊE, filwaqt li istituzzjonijiet sinifikanti (SIs) huma taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE.
Biex tara jekk bank huwiex ikklassifikat bħala SI jew LSI – u għalhekk min jissorveljah – tista’ tikkonsulta l-lista tal-BĊE ta’ entitajiet taħt superviżjoni. Il-BĊE janalizza s-sinifikat ta’ kull bank mill-inqas darba fis-sena.
Kif tiġi riflessa l-proporzjonalità fis-superviżjoni?
Il-prinċipju ta' proporzjonalità jiżgura li l-aspettattivi u r-rekwiżiti tas-superviżur jikkorrispondu għad-daqs, l-importanza sistemika u l-profil tar-riskju tal-banek taħt superviżjoni, u li r-riżorsi superviżorji jiġu allokati b’mod effiċjenti.
Il-MSU jirrappreżenta l-proporzjonalità fis-superviżjoni u s-sorveljanza b’diversi modi. Is-sistema ta’ klassifikazzjoni tiegħu hija mezz ewlieni biex tiġi żgurata proporzjonalità effettiva, u dan imbagħad jissarraf f’approċċi proporzjonati fir-rappurtar superviżorju u l-aspettattivi superviżorji (pereżempju relatati ma’ arranġamenti ta’ governanza u proċeduri ta’ awtorizzazzjoni), kif ukoll fl-intensità u l-ambitu tal-attivitajiet u l-valutazzjonijiet superviżorji ta’ kuljum. Is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-BĊE tiddistingwi bejn LSIs b’impatt għoli u dawk b’riskju għoli, iżda dan it-tip tal-aħħar jintuża biss internament għal skopijiet ta’ intensità superviżorja. Il-kriterji ta’ istituzzjoni żgħira u mhux kumplessa (SNCI) stabbiliti fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR) huma wkoll kruċjali biex tiġi żgurata l-proporzjonalità.
X’inhu SNCI?
Is-CRR II introduċa l-kunċett ta’ istituzzjoni żgħira u mhux kumplessa.
Biex tikkwalifika bħala waħda, istituzzjoni trid tissodisfa d-disa’ kriterji elenkati fl-artikolu rilevanti tas-CRR (Art. 4(1)(145)).
Huwa f’idejn il-banek li jiddeterminaw jekk humiex SNCIs, u fil-prinċipju għandhom jagħmlu dan fuq bażi kontinwa. L-LSIs huma mistennija li jgħarrfu lill-ANK tagħhom meta jkun hemm bidla fl-istatus tagħhom, jiġifieri meta jibdew jikkwalifikaw bħala SNCI, jew meta ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fis-CRR. Dan ma jipprekludix lill-ANK milli jiddeterminaw jekk il-banek taħt is-superviżjoni tagħhom għandhomx jitqiesu bħala SNCIs, f’konformità mal-kriterji rilevanti tas-CRR, u milli jikkomunikaw l-eżitu ta’ dawk id-determinazzjonijiet lill-banek inkwistjoni.
X’inhu meħtieġ għall-awtorizzazzjoni?
Il-BĊE huwa responsabbli għal-liċenzjar tal-banek kollha fil-MSU – jiġifieri, kemm SIs kif ukoll LSIs – f’kooperazzjoni mal-ANK rilevanti.
Aktar informazzjoni dwar l-AwtorizzazzjonijietIl-bank tiegħi għandu jħallas tariffi superviżorji?
Il-banek kollha taħt is-superviżjoni tal-BĊE, direttament jew indirettament, iridu jħallsu tariffi superviżorji annwali, li jiġu kkalkulati abbażi tal-importanza u l-profil tar-riskju ta’ bank.
Kollox dwar it-tariffi superviżorji