Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

FAQ dwar l-SREP ta’ għada

Għaliex irrieżaminajna l-SREP?

Il-proċessi superviżorji tagħna qdewna tajjeb, iżda x-xenarju li fih noperaw qed jinbidel, b’bidliet strutturali, b’xokkijiet esterni u b’riskji ġodda li joħolqu ambjent ta’ inċertezza kbira. Biex inkomplu nwettqu l-mandat tagħna li nżommu l-banek tal-Ewropa sikuri, irrieżaminajna l-SREP biex niżguraw li dan jibqa’ adattat għall-iskop tiegħu u li l-proċessi superviżorji tagħna jkunu aktar effettivi u effiċjenti minn qatt qabel. Għalhekk, aħna qisna l-feedback, mir-rieżami tal-Grupp ta’ Esperti tal-SREP u minn rapport ippubblikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, dwar kif għandu jiġi ssimplifikat l-SREP.

X’immirajna li niksbu bir-rieżami tal-SREP?

L-azzjonijiet meħuda bħala riżultat tar-rieżami se jirriżultaw fi proċessi superviżorji aktar sempliċi u flessibbli u fi skeda iqsar tal-SREP. Għandhom ukoll l-għan li jrawmu u li jżommu kultura superviżorja li tiffoka b’mod aktar intenzjonat fuq ir-riskji ewlenin, tippromwovi ġudizzju kwalitattiv speċifiku għall-banek, u tħeġġeġ azzjoni b’saħħitha u f’waqtha meta jkun meħtieġ. Fl-aħħar nett, il-bidliet se jgħinuna nikkomunikaw b’mod aktar ċar mal-banek li nissorveljaw u nagħmlu l-ħidma tagħna aktar effiċjenti, trasparenti u prevedibbli.

Kif qed nibdlu l-SREP?

  • Ippjanar komprensiv: l-attivitajiet superviżorji tagħna se jirriflettu dejjem aktar u se jkunu relatati mal-prijoritajiet superviżorji stabbiliti kull sena mill-Bord Superviżorju. Dan se jgħin lis-superviżuri jippjanaw l-attivitajiet tagħhom matul is-sena, filwaqt li jqisu l-ambjent estern u r-riskji speċifiċi għall-banek.
  • Valutazzjoni pluriennali (MYA): abbażi tal-esperjenza pożittiva tagħna mal-MYA, li daħħalna għall-ewwel darba fiċ-ċikli ta’ valutazzjoni tal-SREP tal-2023 u tal-2024, aħna se nużaw bis-sħiħ dan l-approċċ għall-SREP fil-ġejjieni. Dan ifisser li se nkomplu nivvalutaw ir-riskji tal-banek b’mod olistiku, iżda t-timijiet tagħna se jipprijoritizzaw ftit moduli speċifiċi kull sena, filwaqt li jivvalutaw il-bqija f’punt aktar tard skont il-qafas ta’ tolleranza tar-riskju (RTF).
  • Sistema tal-valutazzjoni tar-riskji (RAS) flessibbli: ċerti valutazzjonijiet tar-riskju li mhumiex marbuta mal-pubblikazzjoni tar-rapporti finanzjarji annwali f’Marzu — inklużi l-valutazzjonijiet tal-mudelli tan-negozju, il-governanza interna u suġġetti kwalitattivi oħra — jistgħu jitlestew b’mod aktar flessibbli matul is-sena fid-diskrezzjoni tat-Tim Superviżorju Konġunt (JST). Dan se jippermetti aktar effiċjenza fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet kwantitattivi, filwaqt li jnaqqas ukoll it-tul tal-proċess ġenerali.
  • Proporzjonalita: dan il-prinċipju huwa inkorporat fis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE u se jiġi applikat dejjem aktar għall-SREP ġenerali. Aħna, pereżempju, se nissimplifikaw ir-rappurtar intern tagħna għal banek iżgħar.
  • Metodoloġiji superviżorji: il-metodoloġija tagħna għandha bażi soda, u se nagħmlu ħilitna biex niffukaw ir-reviżjonijiet futuri tagħna fuq ir-riskji emerġenti u fuq l-isforzi ta’ simplifikazzjoni. Pereżempju, bħalissa qed nirrevedu l-metodoloġija tar-rekwiżit tal-Pilastru 2 (P2R) biex din issir aktar sempliċi u trasparenti.
  • IT u għodod analitiċi: se nkomplu nibbażaw fuq teknoloġiji superviżorji biex nittrasformaw u nottimizzaw il-proċessi tagħna b’appoġġ mill-aktar innovazzjonijiet reċenti disponibbli.
  • Deċiżjonijiet ċari u konċiżi: se nnaqqsu t-tul tad-deċiżjonijiet tal-SREP billi niffokaw fuq tħassib superviżorju ewlieni, se niddeskrivu l-istenniji u ninkludu miżuri azzjonabbli fejn meħtieġ. Dan se jqassar ukoll l-iskeda ta’ żmien tal-SREP, peress li se jkun hemm bżonn ta’ inqas ħin għall-abbozzar, għar-rieżami legali u għat-traduzzjoni.

Se tbiddel il-mod kif tikkalkula r-rekwiżiti kapitali? Jekk iva, meta?

Irridu nagħmlu l-proċess tagħna għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti kapitali aktar effiċjenti. Il-P2R se jibqa’ ankrat mal-SREP u se jirrifletti l-fehma komprensiva tas-superviżuri dwar il-profil tar-riskju tal-bank. Il-metodoloġija riveduta tal-P2R se tgħaddi minn fażi ta’ ttestjar inizjali u mhux se tiġi implimentata qabel l-2026. Il-partijiet interessati u l-industrija se jiġu infurmati bil-bidliet potenzjali fil-ħin.

X’passi diġà ttieħdu?

Diġà ħadna passi biex intejbu l-proċessi superviżorji tagħna permezz tal-prijoritizzazzjoni. Pereżempju, fl-2023 daħħalna qafas ġdid ta’ tolleranza tar-riskju (RTF) u bdejna nimplimentaw valutazzjoni pluriennali għall-SREP. Mill-bidu tas-superviżjoni bankarja Ewropea fl-2014, aħna bbażajna dejjem aktar fuq l-aħjar prattiki u studji ta’ każijiet, u fl-2021 bdejna noħorġu ittra eżekuttiva bħala parti mid-deċiżjoni tal-SREP lill-banek biex tiġi żgurata trasparenza akbar dwar it-tħassib superviżorju. Fl-aħħar nett, issimplifikajna l-attivitajiet ta’ valutazzjoni komparattiva, u tejjibna l-ipproċessar u l-analiżi tad-data permezz tal-awtomatizzazzjoni tal-passi ripetittivi.

Xi jmiss?

Se nieħdu approċċ f’passi biex nimplimentaw il-bidliet fl-SREP matul iċ-ċiklu tal-2025, li jintemm f’Ottubru, u ċ-ċiklu tal-2026, li jintemm f’Settembru, li jirrifletti r-reviżjonijiet gradwali li se jiġu implimentati matul is-sentejn li ġejjin. Pereżempju, MYA, RAS flessibbli u deċiżjonijiet tal-SREP iqsar se jiġu introdotti fiċ-ċiklu tal-SREP tal-2025, filwaqt li l-metodoloġija l-ġdida tal-P2R se ssir applikabbli fiċ-ċiklu tal-2026.

Dan l-approċċ gradwali se jiżgura li l-bidliet ikunu kompatibbli mal-iskedi ta’ żmien ta’ proċessi relatati oħra u li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkunu involuti. Aħna se nimmonitorjaw il-progress u l-Bord Superviżorju se jirrifletti fuq l-iżviluppi u se jinkorpora t-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)