Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jistabbilixxi t-tariffi superviżorji totali għall-2016

28 ta' April 2016
  • It-tariffi superviżorji tal-banek se jlaħħqu €404 miljun għall-2016
  • 129 bank sinifikanti se jħallsu 88.4%; 3,200 bank inqas sinifikanti se jħallsu 11.6%
  • It-tariffi jirriflettu analiżi bir-reqqa tal-esperjenza tal-BĊE fl-ewwel sena ta’ kompiti superviżorji

Il-BĊE kkalkula li l-ispejjeż totali marbutin mal-kompiti tas-superviżjoni prudenzjali tas-sistema bankarja għall-2016 se jkunu €404 miljun. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 23.9% fuq l-ammont invojsjat fl-2015.

In-nefqa tikkonsisti primarjament fl-ispejjeż diretti mġarrbin mid-direttorati ġenerali tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE u s-Segretarjat tal-Bord Superviżorju biex jagħmlu xogħolhom. Wara analiżi bir-reqqa tal-esperjenza fl-ewwel sena li ħa f’idejh il-kompiti superviżorji, il-BĊE ddeċieda li kellu bżonn iżid ir-riżorsi superviżorji tiegħu. Jekk ma’ dan jiżdiedu l-azzjonijiet f’oqsma speċifiċi li jeħtieġu iktar attenzjoni superviżorja, l-ispejjeż biex jiġu implimentati l-prijoritajiet superviżorji stabbiliti fil-bidu tal-2016 ikomplu jogħlew.

Fl-2016 jinħtieġu l-ekwivalenti ta’ 160 membru tal-istaff full-time oħra biex jaħdmu fis-superviżjoni bankarja. L-impjiegi f’dan il-qasam se jkomplu jiżdiedu fl-2017, għalkemm mhux daqs din is-sena. Il-ħtieġa ta’ staff ġdid iġġib magħha wkoll żieda fl-ispejjeż fejn jidħol il-bini. Hemm spejjeż oħra marbutin mal-involviment tal-BĊE biex isir it-test tal-istress ta’ kull sentejn tal-Awtorità Bankarja Ewropea, kif ukoll mar-rieżami speċifiku ta’ mudelli interni.

Il-BĊE ilu minn Novembru 2014 ikabbar l-istrutturi organizzattivi tiegħu skont kalkoli prudenti ħafna ta’ kemm jeħtieġ riżorsi, u qies ukoll li dawn setgħu jinbidlu maż-żmien. In-nefqa superviżorja annwali totali tal-BĊE hija mistennija tistabbilizza ruħha fi żmien medju.

It-tariffi individwali ta’ kull bank jiġu stabbiliti skont l-importanza u l-profil tar-riskju tal-bank permezz ta’ fatturi tariffarji annwali mibgħutin mill-banek kollha taħt superviżjoni bid-data ta’ referenza tal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel. It-tariffa superviżorja tiġi stabbilita fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Din hija s-somma tal-komponent tariffarju minimu għall-banek kollha, li jirrifletti 10% tal-ammont li għandu jiġi rkuprat, u l-komponent tariffarju varjabbli biex jiġu allokati l-bqija tad-90% tal-ispejjeż. Għall-banek sinifikanti żgħar b’assi totali anqas minn €10 biljun, il-komponent tariffarju minimu jonqos bin-nofs.

Il-banek se jirċievu l-avviż tariffarju individwali f’Ottubru 2016.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Ronan Sheridan (+49 69 1344 7416).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)