- Intervista
“Il-kriżi attwali hija sejħa għall-attenzjoni”
Intervista ma’ Andrea Enria, President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, Supervision Newsletter
13 ta' Mejju 2020
Andrea Enria, il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, jiddiskuti kif il-banek Ewropej qed jaħdmu matul il-kriżi COVID-19, jekk humiex qed jużaw miżuri ta’ taffija superviżorji mħabbra riċentement, x’riskji hemm għal quddiem u dan kollu xi jfisser għall-Ewropa.
Kif inhuma sejrin il-banek Ewropej s’issa fis-sitwazzjoni attwali?
Hemm tendenza li din il-kriżi titqabbel ma’ dik tal-2008. Iżda filwaqt li l-eżitu fiż-żewġ każijiet huwa tnaqqis ekonomiku qawwi, ir-rwol u l-pożizzjoni tal-banek huma differenti. L-ewwel nett, il-banek daħlu fil-kriżi attwali f’sura ferm aħjar milli kienu minn dik ta’ qabel – mhux l-inqas grazzi għar-riformi regolatorji estensivi matul l-aħħar għaxar snin. It-tieni nett, din id-darba, il-banek ma humiex is-sors tal-problema, għalkemm għad għandhom rwol kruċjali f’dan – il-kapaċità tagħhom li jassorbu t-telf u jkomplu jsellfu lill-ekonomija hija essenzjali għal rkupru mgħaġġel wara li jintemmu l-miżuri ta’ tbegħid soċjali.
S’issa, il-banek issodisfaw ir-rwol tagħhom. Ir-riżultati tal-istħarriġ ta’ self mill-banek ippubblikat fl-aħħar ta’ April juru li l-banek irnexxielhom jakkomodaw żieda sinifikanti fid-domanda għas-self, speċjalment self fuq medda qasira ta’ żmien jew teħid minn linji ta’ kreditu impenjati biex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-inventarji u l-kapital tax-xogħol (ċirkolanti) f’negozji żgħar u korporazzjonijiet. S’issa, dan seħħ mingħajr issikkar sinifikanti tal-istandards ta’ kreditu meta mqabbla mal-kriżijiet tal-passat. Dan jirrifletti r-reżiljenza msaħħa tal-banek. Madankollu, b’ħarsa ’l quddiem, bilfors li ċerti riskji jimmaterjalizzaw. B’mod prinċipali, hekk kif l-ekonomija togħtor, il-kwalità tal-assi sejra għall-agħar. Dan ser jagħmel pressjoni ’l isfel fuq id-dħul mill-imgħax u pressjoni ’l fuq fuq indebolimenti ta’ kreditu. X’aktar ukoll li l-banek ser jaraw telf relatat mar-riskju tas-suq. F’dan l-isfond, ħadna numru ta’ miżuri biex ngħinu lill-banek jappoġġjaw l-ekonomija.
Tabilħaqq, int ħabbart serje ta’ miżuri ta’ taffija tal-banek b'reazzjoni għall-pandemija tal-koronavirus (COVID-19). Hemm evidenza li l-miżuri qed jibbenefikaw lill-ekonomija reali?
L-għan ewlieni tal-miżuri kollha tagħna huwa li niżguraw li nżommu l-banek f’pożizzjoni li jassorbu t-telf u jkomplu jsellfu lill-ekonomija. B'konformità mat-tfassil tar-riformi regolatorji stabbiliti wara l-aħħar kriżi finanzjarja, ħeġġiġna lill-banek biex jibbenefikaw mill-bafers tal-kapital u tal-likwidità tagħhom – wara kollox, il-bafers għalhekk qegħdin hemm. Għaldaqstant, dawk il-banek li attwalment jagħmlu użu mill-bafers ikunu qed jaġixxu b'mod responsabbli. Fl-istess ħin, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tagħna l-banek qed jipproteġu l-kapital tagħhom billi jżommu dividendi u jipposponu xiri lura ta’ ishma. Barra minn hekk, ir-riskju tal-kreditu qed jittaffa permezz tal-appoġġ pubbliku lill-ekonomija, li jgħin lill-kumpaniji fl-inkwiet u li jnaqqas l-effett ta’ xokk fuq in-naħa tad-domanda. B’mod partikolari, il-garanziji tal-gvern fuq self bankarju huma mistennija jaħdmu sew flimkien ma’ miżuri superviżorji ta’ taffija. Fl-aħħar nett, il-politika monetarja kkontrollat b’mod effettiv żieda fl-ispejjeż tal-finanzjament u t-telf tas-suq mill-investimenti tal-bonds.
Hemm numru ta’ stimi tal-kapaċità tas-self maħluqa b’dawn il-miżuri, speċjalment meta jitqiesu fl-effetti li jsaħħu lil xulxin. L-istimi kollha jindikaw impatt potenzjali sinifikanti ħafna. Iżda għadu kmieni wisq biex ngħid kemm il-banek ikunu attwalment lesti li jespandu l-karti tal-bilanċ tagħhom. Dan se jiddependi essenzjalment fuq il-parteċipanti tas-suq – investituri, aġenziji ta’ klassifikazzjoni u analisti tas-suq – li ma tingħatax valutazzjoni negattiva lill-banek li fil-fatt jużaw il-bafers tal-kapital u tal-likwidità tagħhom. Skont ir-riżultati tal-istħarriġ tas-self, il-banek jistennew żieda fid-domanda għall-kreditu fit-tieni semestru tal-2020 u jipprevedu li dan se jintlaħaq bi tnaqqis tal-istandards ta’ kreditu.
Għandi nindika wkoll hawnhekk li l-miżuri li ħabbarna – b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-bafers tal-kapital u tal-likwidità – ser jibqgħu fis-seħħ sakemm ikun hemm bżonn. Fi kliem ieħor, ladarba s-sitwazzjoni titjieb, mhux ser induru fuq il-banek f’daqqa waħda; se nippermettu r-ritorn gradwali ħafna għal-livelli ta’ likwidità u kapital ta’ qabel il-kriżi.
Tara riskji għoljin jew riskji li għadhom jistgħu joħorġu fis-settur bankarju?
Naturalment, fi kriżi bħal din, hemm ħafna riskji li f’daqqa waħda jsiru rilevanti. Ir-riskju tal-likwidità huwa ta’ spiss l-ewwel wieħed. Iżda, bis-saħħa tal-miżuri tal-politika monetarja tal-BĊE, is-sitwazzjoni tidher pjuttost stabbli bħalissa.
Hemm, madankollu, riskji oħra li jistgħu jimmaterjalizzaw fi stadju aktar tard, għalhekk għadna m’aħniex qed naraw l-impatt sħiħ tal-kriżi fuq il-banek. Ngħidu aħna r-riskju tal-kreditu, li huwa wieħed mill-aktar riskji prominenti f’dan it-tnaqqis fl-attività ekonomika. Aħna nassumu li, pereżempju, żieda fis-self improduttiv tibda biss tkun viżibbli fl-aħħar tat-tieni jew it-tielet trimestru ta’ din is-sena – għalhekk f'madwar xahar sa erba’ xhur. L-iskala ġenerali tad-deterjorament fil-kwalità tal-assi tiddependi b’mod ġenerali fuq kemm tkun fonda u twila r-riċessjoni, u fil-mument għad hemm firxa wiesgħa ta’ xenarji possibbli li jistgħu jimmaterjalizzaw.
B’ħarsa ’l quddiem, kif ser tivvaluta l-impatt tal-kriżi attwali u l-vulnerabilità tal-banek?
Aħna nimmonitorjaw kontinwament l-istat tal-banek, ovvjament, u qegħdin f'kuntatt mill-qrib ma’ dawn kollha. Fl-istess ħin, qed inwettqu analiżi tal-vulnerabilità tal-banek, waqt li nqisu x-xenarji differenti u x-xokkijiet ipotetiċi. Din l-analiżi ser tagħtina fehim tajjeb dwar kif il-kriżi tista’ tħalli impatt fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek, fejn jinsabu l-akbar riskji u x’jista’ jsir biex jittaffew.
Xi banek ewlenin tal-Istati Uniti raw tnaqqis sinifikanti fil-profitti tagħhom għall-ewwel semestru tal-2020 minħabba provvedimenti ogħla għal telf ta’ self. Peress li l-banek Ewropej b'mod ġenerali jagħmlu inqas profitt u mhumiex ikkapitalizzati tajjeb daqs il-banek tal-Istati Uniti, temmen li l-banek Ewropej bnew biżżejjed bafers biex jissieltu l-kriżi?
Banek ewlenin tal-Istati Uniti tassew żiedu materjalment provvedimenti dwar it-telf ta’ kreditu miżjud fl-ewwel trimestru tal-2020. Dan jirrifletti wkoll bidliet meħtieġa fir-regoli tal-kontabilità, li l-banek taż-żona tal-euro bdew jimplimentaw fl-2018.
Minkejja dan, huwa veru li l-banek tal-Istati Uniti dan l-aħħar għamlu ferm aktar profitt mill-pari tagħhom taż-żona tal-euro. U fi kriżi, il-profittabilità solida hija l-ewwel linja ta’ difiża. Filwaqt li l-banek taż-żona tal-euro jista’ jkun li qed jaqgħu lura, huma xorta għamlu profitti matul il-biċċa l-kbira ta’ snin mill-kriżi finanzjarja. Aktar importanti minn hekk, huma żiedu l-bafers tal-kapital u tal-likwidità tagħhom, u dawn huma l-linja ta’ difiża fundamentali kontra kwalunkwe kriżi. Għall-quddiem, profittabilità baxxa tista’ tfisser li l-banek taż-żona tal-euro jista’ jkollhom bżonn aktar żmien biex jerġgħu jimlew il-bafers tagħhom wara l-kriżi. Imma kif għidt, ser nagħtuhom żmien biżżejjed biex jagħmlu dan. Fl-istess ħin, se nkomplu nagħmlu pressjoni fuq il-banek biex iħaffu l-bidliet meħtieġa biex jerġgħu jġibu livelli aktar sostenibbli ta’ profittabilità. Dan jirrikjedi punt fokali ġdid tal-mudelli ta’ negozju tagħhom, miżuri aktar effettivi biex itejbu l-effiċjenza fl-infiq u enfażi akbar fuq l-użu ta’ teknoloġiji ġodda.
Fil-fehma tiegħek, għaliex il-banek ma użawx il-bafers tal-likwidità tagħhom b’mod aktar wiesa’?
Għadu kmieni wisq biex issir valutazzjoni. Fl-ewwel ftit ġimgħat tal-miżuri tal-lockdown, kien hemm pressjoni fuq il-pożizzjonijiet tal-likwidità tal-banek. Dan kien immexxi b’mod partikolari mill-użu sinifikanti ta’ linji ta’ kreditu impenjati u minn ċerta pressjoni fuq il-fondi tas-suq tal-flus u l-maniġers tal-assi maħluqa bid-deterjorament tal-kundizzjonijiet fis-suq tal-karta kummerċjali, li l-banek għenu biex jindirizzaw. Madankollu, il-banek ibbenefikaw mill-pożizzjoni ta’ politika monetarja akkomodanti tal-BĊE, li jista' jkun li indirettament ikkontribwiet għal żieda fil-bafers tal-likwidità tagħhom. B’mod iktar preċiż, il-programm ta’ xiri tas-settur pubbliku tejjeb il-valur tal-bonds miżmuma bħala assi likwidi ta’ kwalità għolja, u l-miżuri ta’ taffija tal-kollateral ippermettew lill-banek iwiegħdu strumenti addizzjonali sabiex jiksbu likwidità.
Madankollu, xi banek jistgħu joqogħdu lura milli jużaw il-bafers tal-likwidità tagħhom, speċjalment qrib iż-żmien tal-iżvelar tal-pożizzjonijiet ta’ likwidità tagħhom. Il-biża’ ewlieni tagħhom jidher li hu jekk ikunu tal-ewwel li jutilizzaw il-bafers tagħhom dan jista’ jiġi pperċepiti mis-swieq bħala sinjal ta’ dgħufija fil-konfront tal-pari tagħhom. Mela ħalli nirrepeti: il-bafers huma maħsuba biex jintużaw fi kriżi, u aħna se nkomplu nivvalutaw kemm il-banek huma lesti li jużaw dawn il-bafers. Sa fejn nistgħu nneħħu l-ostakoli rilevanti, ser nikkunsidraw li nagħmlu dan.
Inti rrakkomandajt li l-banek m’għandhomx iħallsu dividendi jew jixtru lura ishma u ħeġġiġt approċċ prudenti għar-rimunerazzjoni varjabbli. Il-banek u min imexxihom qed jisimgħu minnek?
Iva, qegħdin jisimgħu. Minn €35 biljun f’dividendi li kienu ppjanati li jitħallsu, nistennew li aktar minn €27 biljun jinżammu bħala kapital fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Tħassar ukoll xiri lura ta’ ishma ppjanat. U nistennew li l-banek jikkunsidraw bis-serjetà s-sejħa tagħna għal moderazzjoni estrema fuq remunerazzjoni varjabbli. Għalhekk il-banek aġixxew b’mod responsabbli, u dan ser jifforma r-reputazzjoni tagħhom fil-futur. Fi kriżi bħal din, il-banek għandhom jippreservaw kull euro ta’ kapital li jista’ jintuża biex jassorbi t-telf u biex ikomplu jsellfu lill-ekonomija. Jiena konxju sew li banek b'saħħithom għandhom bżonn ikunu attraenti għal investituri potenzjali, u jiena konxju wkoll li fluss regolari ta’ dividendi fil-banek taż-żona tal-euro kien fattur importanti għall-investituri fl-ekwità, billi l-profittabilità tibqa’ persistentement baxxa. Imma nemmen li l-preservazzjoni tal-kapital f’dan il-mument hija wkoll fl-interess fit-tul tal-investituri. U nixtieq ntenni li din hija miżura eċċezzjonali u temporanja, li tittratta sitwazzjoni eċċezzjonali u temporanja.
Kien hemm xi tħassib li jista’ jkollna nqisu wkoll restrizzjonijiet oħra, inklużi strumenti addizzjonali ta’ Grad 1. Biex inkunu ċari: m’aħniex qed nippjanaw li nagħmlu restrizzjonijiet fuq il-ħlas ta’ tali strumenti. Ir-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti għal dawn l-istrumenti jiġu attivati awtomatikament biss jekk il-banek jilħqu ċerti livelli ta’ kapital, kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni – iżda mil-lum, il-banek għad għandhom bafers sinifikanti biex jużaw qabel ma jilħqu dak il-punt.
Il-kriżi ekonomika hija mistennija li terġa’ żżid il-livelli tas-self improduttiv (NPL) mill-ġdid. Il-banek Ewropej ser jerġgħu lura fejn kienu ħames snin ilu? Dan kif se jiġi indirizzat?
Tassew, l-ekonomija taż-żona tal-euro hija mbassra li tonqos anki aktar milli matul l-aħħar kriżi finanzjarja. Għalhekk, huwa probabbli li self improduttiv se jiżdied sostanzjalment – minkejja l-miżuri kollha ta’ appoġġ li jkunu ttieħdu. U dan ma jkunx ir-riżultat ta’ prattiki fqar ta’ ġestjoni tar-riskju fil-banek, iżda ta’ xokk simmetriku u eżoġenu. Għalhekk, l-impatt jista’ jkun imdaqqas fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, mhux biss fi ftit. Iżda l-banek huma ċertament iktar reżiljenti milli kienu fl-2008. Il-volumi tal-NPL fi tmiem l-2019 kienu kważi nofs dawk li kienu ħames snin ilu. Il-maġġoranza l-kbira tal-banek b’livelli għoljin ta’ NPL issodisfaw il-miri tagħhom ta’ tnaqqis tal-NPL għall-2019, u ħafna banek sebquhom. Is-superviżuri huma wkoll ippreparati ferm aħjar. Wara kollox, ħadna ħafna żmien biex indaħħlu fis-seħħ politiki biex nittrattaw self improduttiv.
Mill-bidu tal-kriżi kurrenti, urejna flessibilità wkoll fir-rigward ta’ self improduttiv. Iżda filwaqt li huwa importanti li l-banek jiġu megħjuna jassorbu t-tnaqqis kurrenti, huwa daqstant importanti li jkomplu jidentifikaw u jiġġestixxu b'mod korrett kwalunkwe deterjorazzjoni fil-kwalità tal-assi u jirrappurtaw lura lilna b’dan, f’konformità mar-regoli eżistenti u l-Gwida tal-BĊE dwar self improduttiv. Dan huwa essenzjali għalina sabiex tinżamm stampa ċara u preċiża tar-riskji fis-settur bankarju.
Fi kwalunkwe każ, huwa kruċjali li l-banek iħejju tajjeb għaż-żieda mistennija fl-għadd ta’ debituri f’diffikultà u self improduttiv. Jekk dan ma jsirx, dan mhux biss ixekkel l-irkupru ekonomiku iżda jaffettwa wkoll l-profittabilità u l-kwalità tal-assi tal-banek. Għalhekk, inħeġġeġ lill-banek kollha biex jiżguraw li huma mħejjija fl-oqsma ewlenin tal-ġestjoni tan-NPL, li jkollhom politiki adegwati u ċari għall-identifikazzjoni u l-kejl tar-riskju tal-kreditu, li l-persunal tagħhom ikollu l-għarfien u l-għodod biex jiġġestixxu b’mod effettiv iż-żieda f’każijiet ta’ arranġamenti (workout) NPL, li hemm governanza b’saħħitha fis-seħħ – b’monitoraġġ adegwat u frekwenti tar-riskju li qed jevolvi – u li s-sistemi tal-IT huma tajbin għall-iskop.
Din il-kriżi se ġġib magħha l-konsolidament mixtieq fis-settur bankarju Ewropew?
L-ewwel nett, għad hemm il-ħtieġa ta’ konsolidament – dan ma nbidilx. Aħna xorta qed naraw kapaċità żejda li hija ta’ piż fuq il-profitti tal-banek u l-effiċjenza fl-ispejjeż tagħhom. Il-miżuri ta’ appoġġ straordinarji li ġew implimentati mill-banek ċentrali, mis-superviżuri u l-awtoritajiet fiskali huma maħsuba biex jappoġġjaw l-unitajiet domestiċi, in-negozji żgħar u l-korporazzjonijiet, biex ma jżommux ħajjin il-banek li daħlu fil-kriżi b’mudelli ta’ negozju mhux sodi u li qatt ma kienu vijabbli. Għal dawn il-banek, il-kriżi tista’ twassal għal ħtieġa ikbar għal azzjoni, u l-konsolidament jista’ tabilħaqq ikun parti mis-soluzzjoni. Iżda l-konsolidament jista’ jkun ukoll għodda għal banek sodi li jixtiequ jtejbu l-profittabilità tagħhom f’ambjent ta’ rata ta’ imgħax baxxa.
Bħala superviżuri, aħna se nkomplu nħeġġu lill-banek biex jikkunsidraw konsolidament biex titjieb is-sostenibbiltà. Aħna ser nivvalutaw kull proġett ta’ konsolidament li jinġieb għall-attenzjoni tagħna fuq il-mertu tiegħu stess u esklussivament skont raġunijiet prudenzjali tekniċi. Aħna impenjati wkoll li niċċaraw l-approċċ ġenerali tagħna għall-konsolidament u dalwaqt ser nipprovdu aktar ċarezza lill-banek u s-swieq.
Huwa f'idejn il-banek jiddeċidux jekk il-konsolidament domestiku għandux ikun preferibbli milli akkwisti transkonfinali. Madankollu hija ħasra li għad hemm tant ostakoli li jtellfu l-konsolidament transkonfinali. Dawn jinkludu liġijiet tat-taxxa, tal-kumpaniji u tal-insolvenza frammentati. Imbagħad hemm il-wirt ta’ miżuri ta' delimitazzjoni matul il-kriżi finanzjarja preċedenti, u l-ostakoli li fadal huma inkorporati fir-regoli prudenzjali li jipprevjenu l-ġestjoni tal-kapital u l-likwidità fil-grupp kollu fi ħdan l-unjoni bankarja. Biex tingħeleb ir-reżistenza ħalli jitneħħew dawn l-ostakli, neħtieġu xbieki tas-siġurtà tassew Ewropej, inkluż assigurazzjoni Ewropea għad-depożiti.
Fil-fehma tiegħek, din il-kriżi saħħet jew dgħajfet lill-unjoni bankarja?
Nisħaq li l-unjoni bankarja ħadmet tajjeb fil-kriżi. Is-superviżjoni bankarja Ewropea kienet kapaċi tirreaġixxi malajr ħafna u b'mod kompletament unifikat. Meta mqabbel mal-2008, dan huwa titjib kbir! Mela jekk xejn, il-kriżi attwali hija sejħa għall-attenzjoni: turi li għandna bżonn soluzzjonijiet Ewropej għall-problemi Ewropej. Din mhix idea ġdida, iżda, għal darb’oħra, ġiet ippruvata li hija vera.
Allura, għandna nlestu l-unjoni bankarja, l-aktar billi nistabbilixxu assigurazzjoni Ewropea ta’ depożiti. Din tibqa’ waħda mill-prijoritajiet ewlenin. Imma rridu mmorru aktar lil hinn minn hekk. Għandna nagħmluha aktar faċli għall-banek biex joperaw bejn il-fruntieri peress li dan jappoġġja il-qsim tar-riskji privati u jittejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għal servizzi bankarji bi prezz baxx u ta’ kwalità għolja; għandna bżonn li ntejbu u narmonizzaw il-kaxxa tal-għodda biex nittrattaw il-kriżijiet ta’ banek żgħar u ta’ daqs medju; u rridu nagħmlu s-settur finanzjarju aktar reżiljenti kontra xokkijiet speċifiċi għall-pajjiż. B’mod ġenerali, l-għan tagħna għandu jkun li titlesta l-unjoni bankarja fiċ-ċiklu istituzzjonali kurrenti, sal-2024.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja