Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tirrakkomanda politika prudenti għad-dividendi u tħabbar rieżami tar-remunerazzjoni varjabbli

29 ta' Jannar 2015

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel l-10 a.m. CET tal-Ħamis 29 ta’ Jannar 2015
  • Il-banek għandhom jadottaw politika konservattiva meta jiġu biex iqassmu d-dividendi u jqisu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji attwali diffiċli

  • Il-banek b’nuqqas ta’ kapital residwu wara l-evalwazzjoni komprensiva tal-2014 m’għandhomx iqassmu dividendi

  • Il-banek għandhom ikomplu jsaħħu l-bażi kapitali tagħhom biex jilħqu r-rekwiżiti tal-kapital għall-2019

  • Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tħabbar li se teżamina r-remunerazzjoni varjabbli tal-banek

Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE llum ħarġet rakkomandazzjoni lill-banek dwar il-politika tat-tqassim tad-dividendi għas-sena finanzjarja 2014 bħala parti mill-għan tagħha li ssaħħaħ is-sigurtà u s-solidità tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro. Il-BĊE nnotifika lill-banek ukoll li r-remunerazzjoni varjabbli se tiġi rieżaminata bir-reqqa fix-xhur li ġejjin.

Ir-rakkomandazzjonijiet dwar id-dividendi joħorġu mill-evalwazzjoni komprensiva, ir-rieżami profond tal-karti tal-bilanċ tal-banek il-kbar li sar dan l-aħħar u li kellu l-għan li jsaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fis-settur bankarju. Ir-rakkomandazzjonijiet qegħdin joħorġu fl-ambitu ta’ klima makroekonomika u finanzjarja diffiċli li tqiegħed pressjoni fuq il-profitabilità tal-banek u l-kapaċità tagħhom li jġemmgħu l-kapital.

Danièle Nouy, il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, qalet: “Il-banek għandhom jibbażaw il-politika tagħhom dwar id-dividendi fuq ipotesijiet konservattivi u prudenti sabiex, wara li jkunu ħallsu xi dividendi, xorta jkunu jistgħu jkopru r-rekwiżiti attwali kollha tagħhom ta’ kapital u jħejju lilhom infushom biex jissodisfaw standards ta’ kapital li jkunu iżjed esiġenti.”

Il-BĊE kiteb direttament lill-banek sinifikanti biex jagħtihom rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-ħlas ta’ dividendi fl-2015 għas-sena finanzjarja 2014. Il-BĊE talab ukoll lis-superviżuri nazzjonali biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet għall-banek inqas sinifikanti, li huma suġġetti għas-superviżjoni diretta tagħhom.

Il-banek diġà huma mitluba jżommu ċerti livelli ta’ kapital skont ir-Regolament u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD IV). Fl-istess ħin, jeħtiġilhom ikomplu jħejju ruħhom għall-applikazzjoni f’waqtha u sħiħa tad-Direttiva CRD IV (wara li jgħaddu d-dispożizzjonijiet tranżitorji) sal-1 ta’ Jannar 2019.

Il-BĊE għalhekk adotta metodu bbażat fuq ir-riskju billi għamel distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ banek:

  • Banek li diġà jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kapital sa mill-31 ta’ Diċembru 2014 u li diġà laħqu l-proporzjonijiet totali ta’ kapital (ir-rekwiżiti ta’ Jannar 2019) għandhom iqassmu d-dividendi b’mod konservattiv sabiex ikomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha anki jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji jmorru għall-agħar.

  • Banek li diġà jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kapital sa mill-31 ta’ Diċembru 2014 iżda li għad m’għandhomx proporzjonijiet totali ta’ kapital (ir-rekwiżiti ta’ Jannar 2019) għandhom ukoll iqassmu d-dividendi b’mod konservattiv, iżda biss jekk it-triq lejn il-proporzjonijiet totali mitluba tkun assigurata.

  • Banek li wara l-evalwazzjoni komprensiva tal-2014 instab li kellhom nuqqas ta’ kapital residwu jew li ma kellhomx ir-rekwiżiti ta’ kapital mitluba, m’għandhomx, bi prinċipju, iqassmu dividendi.

Il-banek li l-politika tagħhom dwar id-dividendi ma tkunx konformi mar-rakkomandazzjoni tal-BĊE għandhom jagħtu aktar informazzjoni u jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom bid-dettalji. Għandhom ukoll jgħaddu lill-BĊE il-pjanijiet tagħhom biex jissodisfaw il-proporzjonijiet totali ta’ kapital mitlub minnhom. Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE mbagħad tevalwa din l-informazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tieħu deċiżjonijiet individwali bħala parti mill-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (“Deċiżjoni SREP”).

Il-BĊE nnotifika b’mod separat lill-banek li se jeżamina bir-reqqa l-politika tagħhom dwar ir-remunerazzjoni varjabbli. F’din l-evalwazzjoni, il-BĊE se jqis il-pożizzjoni tal-kapital tal-banek, billi r-remunerazzjoni varjabbli għandha tkun konsistenti mal-kapaċità ta’ bank li jżomm bażi soda ta’ kapital.

Għal aktar tagħrif tista’ ċċempel lil Uta Harnischfeger (+49 69 1344 6321).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)