Mistoqsijiet li jsiru sikwit ...
... dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku
Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) huwa qafas ġdid għas-superviżjoni bankarja fl-Ewropa. Jiġbor fih il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti tal-Unjoni Ewropea. L-għanijiet ewlenin tiegħu huma li:
- jiżgura li s-sistema bankarja Ewropea tkun sigura u b'saħħitha;
- isaħħaħ l-integrazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja fl-Ewropa.
Il-MSU huwa pass importanti fil-mixja lejn unjoni bankarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Mekkaniżmu superviżorju tassew Ewropew idgħajjef ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani nazzjonali. Dan jgħin biex is-settur bankarju tal-Ewropa jerġa' jirbaħ il-fiduċja ta' kulħadd.
Il-kriżi finanzjarja reċenti wriet kemm il-problemi fis-settur finanzjarju ta' pajjiż jistgħu jinfirxu malajr u bis-saħħa f'pajjiż ieħor, l-aktar f'unjoni monetarja, u kif dawn il-problemi jistgħu jolqtu direttament liċ-ċittadini fil-pajjiżi kollha.
Minbarra l-bażi legali, hemm bosta raġunijiet għaliex il-BĊE ħa f'idejh il-kompitu ġdid tas-superviżjoni bankarja:
- Indipendenza – Il-BĊE, bħala istituzzjoni indipendenti tal-Unjoni Ewropea, jiggarantixxi superviżjoni bankarja minn perspettiva Ewropea. Dan idgħajjef il-ħolqa negattiva ta' tagħrif li jgħaddi bejn is-sovrani nazzjonali u l-banek.
- Kompetenza – Il-BĊE diġà għandu l-kompetenza meħtieġa biex janalizza l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji. Għalhekk għandu l-mezzi u, flimkien mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, il-kapaċità teknika biex iwettaq dan il-kompitu diffiċli.
- Separazzjoni tal-kompiti – Il-prinċipji organizzattivi ddefiniti fl-atti legali rilevanti jiżguraw li l-BĊE jwettaq is-superviżjoni indipendentement mill-politika monetarja.
Ir-Regolament Qafas dwar il-MSU jistabbilixxi l-istruttura legali għall-kooperazzjoni mas-superviżuri nazzjonali, magħrufin ukoll bħala awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Jirregola r-relazzjonijiet bejn il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali u fih regoli li japplikaw direttament għall-banek.
Ġew stabbiliti għadd ta' dispożizzjonijiet biex il-BĊE jkun jista' jinżamm demokratikament responsabbli għall-kompiti superviżorji tiegħu. Fosthom hemm:
- rappurtar regolari lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, l-Eurogrupp u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti;
- verifika mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;
- kontroll legali mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
L-aspetti prattiċi tal-eżerċizzju ta' responsabbiltà demokratika huma koperti bi Ftehim Interistituzzjonali bejn il-BĊE u l-Parlament Ewropew u Memorandum ta' Qbil bejn il-BĊE u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Responsabbiltà
Il-kompiti superviżorji u dawk tal-politika monetarja jitwettqu b'mod indipendenti u l-korpi deċiżjonali tal-BĊE jiddiskutu kwistjonijiet marbutin mal-politika monetarja u mas-superviżjoni f'laqgħat separati.
Barra minn hekk, is-separazzjoni organizzattiva tal-membri tal-persunal li jagħtu kontribut dirett għall-kompiti tal-politika monetarja sservi biex jiġu evitati konflitti ta' interess li jista' jkun hemm.
... dwar ix-xogħol ta' tħejjija
Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku beda jiffunzjona fl-4 ta' Novembru 2014.
Fil-15 ta' Ottubru 2013 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta formalment ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku wara negozjati mal-Parlament Ewropew. Ir-Regolament MSU mbagħad daħal fis-seħħ wara li ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont ir-Regolament MSU, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku kellu jkun operattiv għalkollox sa sena wara li jkun daħal fis-seħħ ir-Regolament.
Twaqqfu u ġew integrati strutturi organizzattivi ġodda fl-organizzazzjoni kollha kemm hi. Sar żvilupp ukoll fil-proċeduri interni u ġew impjegati aktar membri tal-persunal biex iwettqu l-kompiti ġodda.
L-evalwazzjoni komprensiva kienet il-"verifika tas-saħħa finanzjarja" tal-banek sinifikanti fiż-żona tal-euro u fil-pajjiżi parteċipanti. Kienet magħmula minn żewġ pilastri komplementari:
- l-analiżi tal-kwalità tal-assi (asset quality review – AQR);
- it-test tal-istress.
- trasparenza – il-partijiet kollha konċernati għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-kundizzjoni tal-banek tagħhom;
- korrezzjoni – il-problemi li jiġu identifikati għandhom jiġu korretti jekk u fejn ikun meħtieġ;
- tisħiħ ta' fiduċja – il-partijiet kollha konċernati għandu jkollhom ċertezza li l-banek ikunu essenzjalment b'saħħithom u ta' min jafdahom.
L-evalwazzjoni, li bdiet f'Ottubru 2013 u damet għaddejja tnax-il xahar, kopriet l-akbar 130 bank fiż-żona tal-euro. Kienet pass importanti fit-tħejjija tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u kellha tliet għanijiet ewlenin: Evalwazzjoni komprensiva
... dwar is-superviżjoni bankarja
Minn Novembru 2014 il-BĊE daħal responsabbli b'mod esklużiv għall-kompiti ewlenin li għandhom x'jaqsmu mas-superviżjoni prudenzjali tal-banek. Għandu s-setgħa, fost affarijiet oħra, li:
- jagħti jew jirtira l-awtorizzazzjoni tal-banek kollha li jinsabu fil-pajjiżi parteċipanti;
- jevalwa kif isir l-akkwist u l-bejgħ ta' investimenti fil-banek;
- jiżgura li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti prudenzjali kollha stipulati fir-regolamenti bankarji tal-Unjoni Ewropea u jistabbilixxi, fejn ikun meħtieġ, rekwiżiti prudenzjali aktar għoljin għall-banek biex iħares l-istabbiltà finanzjarja.
Pajjiżi taż-żona tal-euro
Il-pajjiżi taż-żona tal-euro jipparteċipaw awtomatikament.
Kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro
L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jużawx l-euro bħala l-munita tagħhom jistgħu wkoll jagħżlu li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku billi s-superviżuri nazzjonali tagħhom jidħlu f'"kooperazzjoni mill-qrib" mal-BĊE.
Kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fil-MSU
Għal dawk il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li ma jipparteċipawx u l-pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea, il-BĊE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali rilevanti jistgħu jikkonkludu memorandums ta' qbil li jfissru kif se jikkooperaw fit-twettiq tal-kompiti superviżorji.
Gruppi bankarji li jiġbru fihom għadd ta' banek individwali jitqiesu bħala istituzzjoni waħda.
Superviżjoni diretta
Il-BĊE qiegħed jagħmel superviżjoni diretta fuq 109 bank sinifikanti li jirrappreżentaw kważi 82% tal-assi bankarji totali fil-pajjiżi parteċipanti.
Superviżjoni indiretta
Il-BĊE qiegħed jagħmel superviżjoni indiretta fuq banek inqas sinifikanti fil-pajjiżi parteċipanti, li jgħoddu madwar 2,600. Madankollu, il-BĊE jista' jiddeċiedi f'kull ħin li jieħu f'idejh is-superviżjoni diretta ta' kwalunkwe wieħed minn dawn il-banek sabiex jiżgura li l-istandards għoljin ta' superviżjoni jiġu applikati b'mod konsistenti.
Reġistru ta' banek suġġetti għas-superviżjoni direttaId-deċiżjoni jekk bank jitqiesx sinifikanti jew le tiddependi:
- mid-daqs;
- mill-importanza għall-ekonomija tal-pajjiż fejn ikun lokalizzat jew għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;
- mill-importanza tal-attivitajiet transkonfinali tiegħu;
- minn jekk ikunx talab jew ħa assistenza finanzjarja diretta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jew mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja.
F'kull pajjiż parteċipanti, bħala minimu, it-tliet banek l-aktar sinifikanti ġeneralment se jkunu suġġetti għas-superviżjoni diretta tal-BĊE, hu x'inhu d-daqs tagħhom.
Int imħeġġeġ tirrapporta lill-BĊE kull suspett ta' ksur tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea li għandu x'jaqsam mal-kompiti superviżorji tal-BĊE. Dan jgħodd għal kwalunkwe ksur li allegatament isir mill-banek suġġetti għas-superviżjoni, mis-superviżuri nazzjonali jew mill-BĊE nnifsu. It-tagħrif kollu li jingħata jiġi ttrattat b'mod strettament kunfidenzjali.
Irrapporta ksur
Kompiti bħall-ħarsien tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jidħlu fil-kompetenza nazzjonali. Kull ksur tal-liġi relatat ma' dawn l-oqsma għandu jiġi rrappurtat lis-superviżur nazzjonali.
Awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ħarsien tal-konsumatur
... dwar aspetti organizzattivi
Bord Superviżorju
Biex jiġi żgurat li l-kompiti superviżorji u l-kompiti li għandhom x'jaqsmu mal-politika monetarja jkunu separati, il-Bord Superviżorju jippjana u jwettaq il-kompiti superviżorji tal-BĊE. Il-Bord jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet superviżorji li jitressqu quddiem il-Kunsill Governattiv tal-BĊE biex jiġu adottati.
Oqsma tax-xogħol ġodda
It-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku ġab miegħu tibdil fl-istruttura organizzattiva eżistenti tal-BĊE, inkluż il-ħolqien ta' oqsma tax-xogħol ġodda. Twaqqfu erba' Direttorati Ġenerali ġodda u Segretarjat apposta biex jieħdu ħsieb is-superviżjoni bankarja.
Servizzi komuni
Il-funzjonijiet u s-servizzi eżistenti tal-BĊE qegħdin jipprovdu appoġġ addizzjonali lill-MSU. Fost dawn hemm it-teknoloġija tal-informatika (IT), ir-riżorsi umani, il-baġit, l-istatistika, il-komunikazzjoni, is-servizzi legali u l-amministrazzjoni.
Struttura organizzattiva tal-BĊE
Il-Bord Superviżorju, bl-għajnuna ta' Kumitat ta' Tmexxija, jippjana u jwettaq il-kompiti superviżorji tal-BĊE. Il-Bord jagħmel xogħol ta' tħejjija u jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Jekk il-Kunsill Governattiv, li huwa l-korp deċiżjonali ewlieni tal-BĊE, ma joġġezzjonax għall-abbozzi ta' deċiżjonijiet proposti mill-Bord Superviżorju, dawn jitqiesu li jkunu ġew adottati. Is-superviżjoni ta' kuljum tal-istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti ssir mit-Timijiet Superviżorji Konġunti ( Joint Supervisory Teams – JSTs).
Min jieħu d-deċiżjonijiet
Kompożizzjoni
It-Timijiet Superviżorji Konġunti huma wieħed mir-riżultati ewlenin tal-kooperazzjoni bejn il-BĊE u s-superviżuri nazzjonali. Għal kull bank sinifikanti nħoloq tim magħmul minn membri tal-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti involuti fis-superviżjoni tal-bank u minn membri tal-persunal tal-BĊE. It-tim huwa kkoordinat mill-BĊE bl-assistenza ta’ subkoordinaturi mis-superviżuri nazzjonali.
Kompiti
It-Timijiet Superviżorji Konġunti jwettqu s-superviżjoni kontinwa tal-banek sinifikanti. Il-kompiti ewlenin tagħhom huma li jagħmlu l-analiżi tar-riskji tal-entità jew grupp taħt superviżjoni u li jipproponu l-programm superviżorju u l-azzjonijiet superviżorji xierqa.
L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, magħrufin ukoll bħala awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jaħdmu flimkien mill-qrib mal-BĊE. Iħejju u jimplimentaw id-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE. Jagħmlu wkoll superviżjoni diretta fuq il-banek inqas sinifikanti fil-pajjiżi parteċipanti li ma jkunux taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE. Madankollu, il-BĊE jista' jiddeċiedi f'kull ħin li jieħu f'idejh is-superviżjoni diretta ta' kwalunkwe wieħed minn dawn il-banek sabiex jiżgura li l-istandards għoljin ta' superviżjoni jiġu applikati b'mod konsistenti.
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma responsabbli wkoll għall-ħarsien tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li mhumiex fl-ambitu tar-responsabbilitajiet superviżorji tal-BĊE.
... dwar il-ħarsien tal-konsumatur
Il-BĊE għandu f'idejh is-superviżjoni tal-banek fiż-żona tal-euro u fil-pajjiżi li jagħżlu li jipparteċipaw. Kompiti bħall-ħarsien tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ma jidħlux fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tal-BĊE u għalhekk l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jibqgħu responsabbli għalihom.
Jekk ikollok xi lment dwar il-bank tiegħek, għandek tikkuntattjah direttament jew tindirizza l-ilment tiegħek lill-awtorità responsabbli għall-ħarsien tal-konsumatur f'pajjiżek.
Awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ħarsien tal-konsumatur
Le. Minħabba rekwiżiti legali, il-BĊE mhuwiex awtorizzat jgħaddi informazzjoni jew dejta dwar banek individwali suġġetti għas-superviżjoni.
Regolament MSU, Art. 27(1)
Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital IV, Art. 53 (1)-(3)
Jekk jogħġbok ikkuntattja direttament lill-bank tiegħek.
Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku għandu s-setgħa jitlob lill-banek iżommu aktar flus fir-riżerva bħala lqugħ ta' sigurtà fil-każ ta' problemi. Il-MSU jista' jagħti jew jirtira l-liċenzji tal-banek u, f'xi każijiet, jissanzjona l-banek jekk jiksru r-regolamenti. Il-MSU għandu l-għan li jsaħħaħ il-banek u jagħmilhom jifilħu aktar għal skossi esterni, bħal kriżijiet finanzjarji, u b'hekk jgħin biex il-banek ikunu f'saħħithom u l-flus li tkun faddalt ikunu fis-sod.
Jekk ikollok mistoqsijiet oħra, tista' tikteb hawn info@ecb.europa.eu jew iċċempel +49 69 1344 1300.