Il-fatturi tariffarji huma dejta dwar bank jew grupp bankarju taħt superviżjoni li tintuża għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali.
It-tariffa superviżorja annwali li għandha titħallas minn kull bank jew grupp bankarju taħt superviżjoni tiġi stabbilita bl-allokazzjoni tal-ispejjeż annwali totali għal kull kategorija – sinifikanti jew inqas sinifikanti – lill-banek individwali u l-gruppi bankarji abbażi tal-“fatturi tariffarji” tagħhom.
Il-fatturi tariffarji jirreferu għad-daqs u l-profil tar-riskju ta’ bank, inklużi l-assi ppeżati għar-riskju, li jitkejlu bil-valur totali tal-assi u bl-espożizzjoni totali għar-riskju rispettivament. Fil-każ ta’ gruppi bankarji, jiġu kalkolati fl-ogħla livell ta’ konsolidament u jingħataw piż ugwali.
Meta tiġi kalkolata t-tariffa superviżorja annwali ta’ banek jew gruppi bankarji klassifikati bħala inqas sinifikanti minħabba “ċirkostanzi partikolari”, l-assi totali jiġu limitati għal massimu ta’ €30 biljun, i.e. il-limitu speċifikat għall-kriterju tad-daqs li jintuża fl-evalwazzjoni tas-sinifikanza.
Is-somma tal-assi totali u s-somma tal-espożizzjoni totali għar-riskju għal kull katergorija jiġu pubblikati fil-websajt tal-BĊE.
Il-biċċa l-kbira tad-debituri tariffarji mhumiex meħtieġa jissottomettu formoli separati għall-ġbir tal-fatturi tariffarji, billi l-BĊE jerġa’ juża dejta superviżorja tar-rappurtar finanzjarju (FINREP) u r-rappurtar komuni (COREP) li tkun ġiet irrappurtata permezz ta' awtoritajiet kompetenti nazzjonali (NCAs).
Żewġ kategoriji ta’ banek xorta waħda għandhom jipprovdu l-fatturi tariffarji tagħhom permezz ta’ proċess ta’ ġbir separat: (i) gruppi li jeskludu ammonti ta’ assi u/jew ammonti ta’ espożizzjoni għar-riskju ta’ sussidjarji fi Stati Membri mhux parteċipanti; u (ii) friegħi stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu minn Stati Membri mhux parteċipanti li mhumiex soġġetti għar-Regolament FINREP tal-BĊE.
Biex jiġi żgurat proċess ta’ ġbir bla xkiel, jeħtieġ li jiġi stabbilit liema gruppi b’sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew f’pajjiżi terzi bi ħsiebhom jeskludu l-ammonti ta’ assi u/jew ta’ espożizzjoni għar-riskju mill-fatturi tariffarji tagħhom.
Biex tinnotifika lill-BĊE dwar l-intenzjoni li teskludi assi, ammonti ta’ espożizzjoni għar-riskju jew it-tnejn, qed jiġi stabbilit proċess onlajn li se jiġi komunikat lid-debituri tariffarji meta jkun disponibbli. Jekk tixtieq tikkomunika l-intenzjoni li teskludi ammonti ta’ assi u/jew ta’ espożizzjoni għar-riskju, jekk jogħġbok imla l-formola tan-notifika u ibgħatha bl-email lil SSM-fee-enquiries@ecb.europa.eu.
In-notifika għandha tasal għand il-BĊE sat-30 ta’ Settembru tas-sena kkonċernata, biex il-BĊE u l-NCAs ikunu jafu jekk għandhomx jistennew jew le dejta tal-fatturi tariffarji mill-grupp permezz tal-proċess ta’ ġbir separat deskritt hawn taħt.
Jekk ma tasal ebda notifika bħal din, jitqies li l-grupp ma jixtieqx inaqqas il-kontribuzzjoni tas-sussidjarji li mhumiex fil-MSU, u terġa’ tintuża d-dejta FINREP/COREP disponibbli fil-BĊE.
Notifika tal-intenzjoni li jiġu esklużi l-fatturi tariffarji
Id-debituri tariffarji għandhom jissottomettu l-fatturi tariffarji lis-superviżur nazzjonali tagħhom sal 11 ta’ Novembru, jew sal-jum tax-xogħol li jkun imiss jekk il-11 ta’ Novembru ma jkunx jum tax-xogħol.
Id-data ta’ referenza hi l-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel, minbarra fejn:
Il-BĊE jippubblika dejta dwar fatturi tariffarji għall-entitajiet kollha sal-15 ta’ Jannar tal-perijodu tariffarju sussegwenti. B’hekk id-debituri tariffarji jkollhom 15-il jum tax-xogħol biex jissottomettu kwalunkwe kumment u/jew dejta emendata. Wara dan, il-fatturi tariffarji jintużaw fil-kalkolu tat-tariffi superviżorji individwali. Id-debituri tariffarji jiġu notifikati meta d-dejta tal-fatturi tariffarji tkun disponibbli għall-kummenti permezz tad-dettalji ta’ kuntatt ipprovduti lill-BĊE.
Jekk debitur tariffarju jonqos milli jipprovdi d-dejta tal-fatturi tariffarji, jew jekk fattur tariffarju ma jkunx disponibbli għall-BĊE jew id-debitur tariffarju ma jkunx issottometta dejta riveduta jew modifiki jew korrezzjonijiet tad-dejta fil-ħin, il-BĊE għandu juża l-informazzjoni disponibbli għalih biex jiddetermina l-fatturi tariffarji neqsin. Jekk il-fatturi tariffarji ma jiġux ipprovduti, dan jitqies bħala ksur tar-Regolament tal-BĊE dwar it-tariffi superviżorji u jista’ jwassal għal sanzjonijiet.
Ta’ min jinnota li d-dejta FINREP u COREP, li hi l-bażi għad-determinazzjoni tal-fatturi tariffarji, tista’ tibidel retrospettivament. Madankollu, għal skopijiet tariffarji, ladarba d-dejta tkun intużat għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja għal perijodu tariffarju, emendi futuri ma jiġux ikkunsidrati u ma jsir ebda kalkolu ġdid tat-tariffi superviżorji.