Infurzar
Jekk bank sinifikanti jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali jew mal-miżuri adottati taħt il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) biex jindirizza n-nuqqas ta’ konformità, il-BĊE jista' jimponi miżuri ta’ infurzar u sanzjonijiet effiċjenti, proporzjonati u dissważivi.
Miżuri ta’ infurzar huma mfassla biex iġiegħlu lill-banek taħt superviżjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti fid-deċiżjonijiet jew ir-regolamenti superviżorji Dawn il-miżuri jistgħu jiġu imposti biss fil-każ ta’ ksur kontinwu.
X'miżuri ta’ infurzar jista' jimponi l-BĊE?
Pagamenti perjodiċi ta' penali
Il-miżuri ta’ infurzar pekunarji direttament disponibbli għall-BĊE huma l-hekk imsejħa “pagamenti perjodiċi ta’ penali” (PPPs). Il-bank ikkonċernat għandu jħallas ammont ta’ kuljum - sa 5% tal-fatturat medju ta' kuljum tiegħu – għal kull jum li jkompli l-ksur matul perjodu massimu ta’ 6 xhur.
Miżuri ta’ infurzar oħrajn
Il-BĊE jista’ japplika wkoll il-miżuri ta’ infurzar disponibbli fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni nazzjonali fl-Istat Membru parteċipanti relevanti. Jista’ wkoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) biex jadottaw miżuri ta' infurzar purament nazzjonali.
Prinċipju ta' proporzjonalità
Fl-eżerċizzju tal-poteri ta’ infurzar tiegħu l-BĊE huwa ggwidat mill-prinċipji ta' effettività u ta' proporzjonalità.
Stħarriġ amministrattiv
Deċiżjonijiet tal-BĊE li jimponu miżuri ta' infurzar jistgħu jiġu mistħarrġa mill-Bord Amministrattiv ta' Reviżjoni fuq talba tal-bank ikkonċernat.