Xi jfisser meta bank ikun se jfalli jew aktarx ifalli?
14 ta’ Ġunju 2017
Hemm erba’ raġunijiet għaliex bank jista’ jiġi dikjarat li jkun se jfalli jew aktarx ifalli:
- ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni mis-superviżur
- ikollu iżjed obbligazzjonijiet milli assi
- ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu fid-data dovuta
- ikun jeħtieġlu sostenn finanzjarju pubbliku straordinarju
Bank jiġi dikjarat li jkun se jfalli jew aktarx ifalli meta sseħħ jew x’aktarx isseħħ waħda mill-kundizzjonijiet imsemmijin hawn fuq.
Għaliex hemm bżonn tittieħed azzjoni speċjali jekk bank jiġi dikjarat li se jfalli jew aktarx ifalli?
Il-falliment ta’ bank jitqies ġeneralment b’importanza kbira minħabba s-sehem essenzjali li għandhom il-banek fl-ekonomija. Jipprovdu servizzi importanti ħafna għan-nies u l-kumpaniji, bħal joffru kreditu, jaċċettaw depożiti u jipproċessaw ħlasijiet. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li dawn is-servizzi jkomplu jingħataw fil-każ li bank ifalli.
Barra minn hekk, is-sistema finanzjarja hija integrata ferm. Il-kriżi finanzjarja reċenti wriet kemm il-problemi fis-settur finanzjarju jinfirxu malajr u b’saħħa jekk ma jittiħdux passi effikaċi.
X’jiġri meta bank jiġi dikjarat li se jfalli jew aktarx ifalli?
Meta bank jiġi dikjarat li se jfalli jew aktarx ifalli, jaqa’ f’idejn il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni – l-awtorità riżolutorja għal banek sinifikanti taħt is-superviżjoni Bankarja Ewropea kif ukoll għal banek inqas sinifikanti transkonfinali. Il-Bord jiddeċiedi jekk jidħolx l-interess pubbliku fir-riżoluzzjoni tal-bank (jekk le, il-bank jiġi likwidat) u liema miżuri ta’ riżoluzzjoni għandhom japplikaw.
L-għanijiet ewlenin ta’ riżoluzzjoni huma:
- li tinżamm il-parti sistemikament importanti tan-negozju tal-bank (il-parti li jekk tfalli tista’ toħloq kriżi finanzjarja)
- li jitħarsu d-depożitanti
- li jiġi garantit li l-funzjonijiet kritiċi jkomplu joperaw
- li jiġi evitat tħarbit fis-suq
Il-BĊE, li għandu f’idejh is-superviżjoni diretta ta’ madwar 120 bank sinifikanti, jikkoopera mill-qrib mal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni matul il-proċess kollu ta’ riżoluzzjoni.
Bord Uniku ta’ RiżoluzzjoniL-ewwel pass – Ippjanar tal-irkupru u r-riżoluzzjoni
L-ippjanar huwa komponent essenzjali tar-riżoluzzjoni effettiva tal-banek li jiġu dikjarati li se jfallu jew aktarx ifallu.
Kull sena, il-banek jintalbu jħejju pjanijiet ta’ rkupru li jiġu valutati mis-superviżur tagħhom (il-BĊE fil-każ tal-banek sinifikanti). Il-pjanijiet ta’ rkupru jispeċifikaw is-sitwazzjonijiet li jistgħu jseħħu jekk bank isib ruħu f’diffikultajiet finanzjarji, u jistipulaw l-azzjonijiet li l-bank jista’ jieħu biex ikompli jopera u hekk jiġi evitat falliment. Bank f’diffikultajiet finanzjarji jista’, ngħidu aħna, jiġbor kapital addizzjonali, inaqqas is-self pjanat jew ibigħ assi.
Il-pjan ta’ riżoluzzjoni, min-naħa l-oħra, huwa tip ta’ testment ħaj li jfassal kif bank jista’ jtemm l-operazzjonijiet tiegħu jekk jiġi deċiż li ma jkunx iżjed vijabbli. L-għan huwa li jiġi stabbilit liema huma l-funzjonijiet kritiċi tal-bank, jiġu identifikati u indirizzati xi ostakli għar-risolvibbiltà tiegħu u tibda t-tħejjija għall-possibbiltà ta’ riżoluzzjoni. L-awtorità riżolutorja hija responsabbli għat-tħejjija tal-pjan ta’ riżoluzzjoni għal kull bank skont it-tagħrif mogħti mill-bank u s-superviżur, li jiġi konsultat ukoll fil-proċess.
It-tieni pass – Il-bank jidħol f’riżoluzzjoni
Wara deċiżjoni li bank ikun se jfalli jew aktarx ifalli, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jqis jekk ikunx hemm miżuri alternattivi mis-settur privat li jistgħu jittieħdu biex il-bank ma jfallix fi żmien raġonevoli, u jekk ikunx fl-interess pubbliku li r-riżoluzzjoni tkompli (flok ma l-bank jiġi likwidat skont il-proċedimenti normali tal-insolvenza). Fi kliem ieħor, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jqis jekk il-falliment ta’ bank jistax, ngħidu aħna, jikkawża nuqqas ta’ stabbiltà finanzjarja jew tfixkil fis-suq.
Jekk il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jistabbilixxi li ma jkunx hemm miżuri alternattivi prattiċi mis-settur privat u li r-riżoluzzjoni tkun l-aħjar alternattiva fl-interess pubbliku, jista’ jadotta skema ta’ riżoluzzjoni.
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jista’ jħaddem bosta għodod differenti ta’ riżoluzzjoni:
- jistgħu jinbiegħu partijiet mill-bank
- jistgħu jiġu trasferiti partijiet mill-bank lil struttura temporanja (“bank pont”) biex jiġi żgurat li jinżammu s-servizzi bankarji għall-klijenti
- ċerti assi u obbligazzjonijiet jistgħu jiġu trasferiti lil bank “ħażin” (bank għal assi ħżiena)
- l-obbligazzjonijiet tal-bank jistgħu jitħassru jew jitnaqqsu permezz ta’ proċedura ta’ salvataġġ intern (bail-in)
X’jiġri jekk ikolli depożitu ma’ bank li jiġi dikjarat li se jfalli jew aktarx ifalli?
L-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti huma sistemi f’kull Stat Membru tal-UE li jirrimborżaw lid-depożitanti jekk il-bank tagħhom ifalli u d-depożiti tagħhom ma jibqgħux disponibbli. Id-depożiti sa €100,000 huma mħarsin. Il-banek kollha għandhom ikunu membri ta’ skemi bħal dawn u jħallsu kontribuzzjonijiet għall-fond tagħhom.
Kunsill Ewropew – Skemi ta’ garanzija tad-depożiti