Kif jaħdmu l-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet bankarji?
Meta l-banek jingħaqdu flimkien, normalment jagħmlu dan b’wieħed minn żewġ modi: permezz ta’ fużjoni jew permezz ta’ akkwiżizzjoni.
X’inhu r-rwol tal-BĊE f’dan kollu?
Aħna s-superviżur ewlieni għall-akbar banek fiż-żona tal-euro. Aħna ma ngħidux lill-banek biex jingħaqdu jew biex jixtru banek oħra. Iżda jekk jiddeċiedu li jagħmlu dan, aħna niċċekkjaw li l-pjan tagħhom huwa wieħed sikur u li huma qed isegwu r-regoli. Aħna niżguraw li l-bank il-ġdid jew il-bank akbar jitmexxa tajjeb u għandu biżżejjed flus u għandu pjan ta’ negozju sostenibbli.
Jekk fużjoni tinvolvi banek sinifikanti, inħarsu lejn il-pjan u jeħtieġ li ngħidu iva qabel ma din il-fużjoni tkun tista' ssir. It-timijiet lokali jiċċekkjaw il-fużjonijiet li jinvolvu banek iżgħar, iżda għad għandna rwol jekk tkun meħtieġa liċenzja bankarja ġdida jew jekk xi ħadd jixtri parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti.
X'inhuma r-riskji meta l-bank li jkun għadu kif ġie ffurmat ikun kbir ħafna?
Gruppi akbar normalment joħolqu ekonomiji ta’ skala, li huma ta’ benefiċċju għas-settur bankarju. Għal din ir-raġuni, aħna nappoġġaw il-konsolidazzjoni fis-settur bankarju, sakemm il-gruppi li jirriżultaw jibqgħu sikuri u faċli biex jiġu ġestiti jekk jinqalgħu l-problemi. Il-banek internazzjonali l-kbar iridu jżommu flus żejda f’każ li jsibu ruħhom f’diffikultà, pereżempju f’każ li jiġu ddikjarati li qed ifallu jew li x’aktarx ifallu. Kull bank irid ikun “riżolvibbli” – fi kliem ieħor, għandu jkun hemm pjan ċar għall-għeluq ta’ bank jekk ikun meħtieġ, mingħajr ma jinħolqu problemi akbar.
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jistabbilixxi r-regoli dwar l-ammont ta’ flus li l-banek iridu jwarrbu għal xenarji bħal dawn. Dan jgħin biex jipproteġi s-sistema jekk xi ħaġa tmur ħażin.
X'għandek tiftakar?
Fil-qosor, ix-xogħol tagħna huwa li niżguraw li l-banek jibqgħu sikuri meta jkun hemm fużjonijiet jew akkwisti. Kemm jekk żewġ banek jingħaqdu flimkien kif ukoll jekk bank wieħed jixtri ieħor, aħna nagħmlu kontrolli bir-reqqa qabel ma nagħtu l-kunsens tagħna. L-għan tagħna huwa li niżguraw li s-sistema bankarja tkun b'saħħitha, stabbli u li ssegwi r-regoli.