Debitur tariffarju
It-tariffa superviżorja hija l-ammont li kull bank suġġett għas-superviżjoni jħallas fis-sena lill-BĊE, sabiex dan jiffinanzja l-ispejjeż marbutin mal-kompiti u r-responsabbiltajiet superviżorji tiegħu.
Il-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament effikaċi u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) kollu, i.e. għall-banek sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu u għall-banek inqas sinifikanti taħt is-superviżjoni indiretta tiegħu. Il-banek kollha taħt superviżjoni għalhekk huma obbligati jħallsu.
Dan jinkludi:
- il-banek kollha stabbiliti fil-pajjiżi li jipparteċipaw fis-superviżjoni bankarja Ewropea
- friegħi stabbiliti fil-pajjiżi li jipparteċipaw fis-superviżjoni bankarja Ewropea
- Kriterji li jistabbilixxu s-sinifikanza
- Superviżuri nazzjonali
Min iħallas u kemm?
It-tariffa superviżorja tal-BĊE hija marbuta mad-daqs u l-profil ta’ riskju ta’ bank, i.e. mal-istatus superviżorju tiegħu.
Banek sinifikanti
Il-banek sinifikanti huma suġġetti għas-superviżjoni diretta tal-BĊE u għalhekk huma mitluba jħallsu tariffa superviżorja iktar għolja lill-BĊE.
Banek inqas sinifikanti
Il-banek inqas sinifikanti huma suġġetti għas-superviżjoni diretta tas-superviżur nazzjonali rilevanti tagħhom u għalhekk iħallsu tariffa superviżorja iżgħar lill-BĊE.
Debitur tariffarju
Min hu d-debitur tariffarju?
Id-debitur tariffarju jservi bħala punt ta’ kuntatt mal-BĊE għall-komunikazzjoni kollha marbuta mat-tariffa superviżorja annwali.
- Fil-każ ta’ entità singola li ma tkunx parti minn grupp bankarju, l-entità stess tkun id-debitur tariffarju.
- Fil-każ ta’ grupp ta’ entitajiet taħt superviżjoni, il-membri tal-grupp għandhom jinnominaw entità waħda biex taġixxi bħala debitur tariffarju f’isem il-grupp kollu.
Kif jiġi nominat debitur tariffarju għal grupp bankarju?
L-istituzzjonijiet kollha li jħallsu t-tariffa u li huma parti minn grupp bankarju għandhom jinnominaw bank wieħed biex jaġixxi ta’ debitur tat-tariffa f’isem il-grupp kollu u jħallas it-tariffa.
Il-gruppi bankarji jinnominaw debitur tariffarju billi jibagħtu notifika ffirmata lill-BĊE bil-posta jew posta elettronika. Din in-notifika tkun valida biss jekk:
- tagħti l-isem tal-grupp kopert bin-notifika;
- tkun iffirmata mid-debitur tariffarju f’isem l-entitajiet kollha taħt superviżjoni tal-grupp
Id-debituri tariffarji huma mitluba jibagħtu l-formola tagħhom sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru tas-sena kkonċernata sabiex jiġi żgurat proċess bla xkiel ta’ ħlas.
Fil-każ ta’ bidliet li jseħħu fi ħdan grupp bankarju, notifika ġdida tad-debitur dwar il-ħlas għandha tkun sottomessa lill-BĊE biss jekk ikun hemm tibdil li jirrigwarda:
- Il-kap tal-grupp
- id-debitur tariffarju attwali
X’inhu r-rwol tad-debitur tariffarju?
Id-debitur tariffarju hu:
- responsabbli biex jiżgura li jiġu pprovduti l-fatturi tariffarji meħtieġa għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji individwali
- il-punt ta’ kuntatt għall-komunikazzjoni kollha mill-BĊE dwar il-fatturazzjoni tat-tariffi superviżorji
- id-destinatarju u r-riċevitur tal-avviż tat-tariffa maħruġ mill-BĊE
- responsabbli legalment għall-ħlas tat-tariffa superviżorja fiż-żmien dovut
- responsabbli għall-ħlas tal-imgħax fuq ħlasijiet ta’ tariffi superviżorji li jkunu qabżu
Ir-Regolament dwar it-tariffi superviżorji jistabbilixxi aktar dettalji dwar min għandu jkun d-debitur tariffarju fil-każ ta' gruppi taħt superviżjoni, friegħi li jħallsu t-tariffi u istituzzjonijiet ta' kreditu li jħallsu t-tariffi.