Il-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Valutazzjoni fl-2017
Is-SREP għal banek sinifikanti
Rekwiżiti tal-kapital
B'mod ġenerali, l-ammont ta’ kapital ta’ Ishma Komuni ta' Grad 1 (CET1) li l-banek taħt superviżjoni diretta huma mistennija li jkollhom, kif determinat mis-SREP, se jkun ġeneralment stabbli mill-2017 sal-2018. Dan jibqa’ fuq medja ta' madwar 10% tal-assi totali peżati għar-riskju. Madankollu, l-ammont ivarja bejn banek individwali, fejn uħud kellhom bżonn li jżommu kapital addizzjonali u oħrajn kienu jeħtieġu jżommu inqas.
- Is-SREP 2017 enfasizza l-isfidi kontinwi għall-banek f’termini ta’ profitabilità u adegwatezza kapitali. Minkejja l-fatt li l-proporzjonijiet ta’ self improduttiv naqsu matul l-aħħar sena, in-numru ta' banek bi proporzjonijiet għoljin ta’ NPLs fiż-żona tal-euro jibqa' sostanzjali. Barra minn hekk, il-perijodu kontinwu ta' rati tal-imgħax baxxi jagħmel pressjoni fuq il-marġni tar-rati tal-imgħax li jaffettwa l-profitabilità tal-banek.
- Is-SREP 2017 sab ukoll li ħafna banek għadhom qed jiffaċċjaw sfidi f'termini ta’ ġestjoni tar-riskju, partikolarment fl-oqsma tal-infrastruttura, l-aggregazzjoni tad-dejta u l-kapaċitajiet tar-rappurtar.
Matul is-SREP, is-superviżur mhux biss jiddefinixxi r-rekwiżiti tal-kapital tal-banek, imma jista’ jiddeċiedi wkoll li jimponi miżuri addizzjonali fuq il-banek, inklużi miżuri ta’ likwidità u miżuri kwalitattivi.