Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jieħu f’idejh ir-responsabbiltà għas-superviżjoni bankarja taż-żona tal-euro

4 ta' Novembru 2014
  • Il-BĊE se jieħu f’idejh is-superviżjoni tal-banek fiż-żona tal-euro−

  • Se jaħdem mill-qrib mas-superviżuri nazzjonali

  • Iċ-ċaqliqa hija parti ewlenija mill-unjoni bankarja

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ħa f’idejh ir-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-banek taż-żona tal-euro, wara fażi preparatorja ta’ sena li kienet tinkludi eżami bir-reqqa tal-karti tal-bilanċ u s‑saħħa tal-akbar banek fiż-żona tal-euro.

Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) huwa sistema ġdida ta’ superviżjoni bankarja li tiġbor fiha l-BĊE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti. L-għanijiet ewlenin tagħha huma li tikkontribwixxi għas-sigurtà u s-saħħa tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Ewropa filwaqt li tiżgura superviżjoni konsistenti.

Il-BĊE se jieħu f’idejh is-superviżjoni diretta ta’ 120 grupp ta’ banek sinifikanti, li jirrappreżentaw 82% (skont l-assi) tas-settur bankarju taż-żona tal-euro. Għall-bqija tat-3,500 bank, il-BĊE se jistabbilixxi u jissorvelja wkoll l-istandards superviżorji u se jaħdem mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fis-superviżjoni ta’ dawn il-banek.

Il-President tal-Bord Superviżorju Danièle Nouy qalet: “Sar ħafna xogħol ta’ tħejjija qabel il-BĊE ħa f’idejh is-superviżjoni bankarja. Issa għandna l-opportunità unika li niżviluppaw kultura ta’ superviżjoni li hija tassew Ewropea u li tkompli tibni fuq l-aqwa prattika tas-superviżuri miż-żona tal-euro kollha.”

Il-Viċi President tal-Bord Superviżorju Sabine Lautenschläger, li hija wkoll membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, qalet: “Is-superviżjoni bankarja fil-livell Ewropew se ttejjeb u ssaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li tiżgura li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet fir-rekwiżiti superviżorji li jridu jiġu sodisfatti mill-banek.”

Il-BĊE qiegħed jieħu f’idejh il-kompiti superviżorji li ngħatawlu bis‑saħħa tar-Regolament MSU sena wara li dan daħal fis-seħħ. Matul is-sena li għaddiet sar ħafna xogħol ta’ tħejjija, fosthom it-tlestija tal-evalwazzjoni komprensiva, il-verifika tas-saħħa tal-akbar banek kif ukoll l-adozzjoni tal-atti legali li jiddefinixxu kif jaħdem il-MSU u t-twaqqif ta’ strutturi ġodda ta’ governanza fil-BĊE.

Illum bdiet tiffunzjona wkoll websajt ġdida,  www.bankingsupervision.europa.eu, iddedikata għall-kompitu tas-Superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jċempel lil Ronan Sheridan (+49 69 1344 7416).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja
Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)