Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Qafas legali tal-BĊE

Bħala istituzzjoni tal-UE, il-BĊE jopera taħt regoli definiti b’mod ċar li jistgħu jinstabu fil-liġi primarja tal-Unjoni Ewropea (jiġifieri t-trattati) u fil-liġi sekondarja tal-Unjoni Ewropea (eż. regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet).

L-għanijiet u l-kompiti ġenerali tal-BĊE huma stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni bankarja ġew ikkonferiti lill-BĊE bir-Regolament MSU li jiddefinixxi wkoll il-kooperazzjoni tal-BĊE ma’ awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE li jieħdu sehem fis-superviżjoni bankarja Ewropea.

Fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu, il-BĊE japplika d-dritt bankarju Ewropew, partikolarment id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali. Huma jispeċifikaw ir-regoli li l-banek għandhom isegwu relatati, pereżempju, mal-kapital, il-ġestjoni tar-riskju jew il-governanza, u jiddefinixxu s-setgħat korrispondenti tal-awtoritajiet superviżorji. Huma kkumplimentati minn standards tekniċi dettaljati żviluppati mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

Id-dritt bankarju tal-UE

Kumpilazzjoni diġitali ta' atti legali

Il-BĊE ħoloq ġabra ta’ atti legali rilevanti tal-Unjoni dwar is-superviżjoni bankarja. Huma disponibbli bl-Ingliż u aċċessibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE permezz ta’ hyperlinks għall-portal EUR-Lex.

Esplora t-tliet volumi hawnhekk:

Il-kumpilazzjoni tiġi aġġornata f'intervalli regolari.

(Aġġornat l-aħħar: 21 ta' Diċembru 2023)

Atti legali tal-BĊE

Il-BĊE jadotta wkoll strumenti legali tiegħu stess sabiex jissodisfa l-mandat superviżorju tiegħu. Dawn jinkludu:

Regolamenti

Kruċjali fosthom hemm ir-Regolament Qafas tal-MSU li jistabbilixxi relazzjonijiet istituzzjonali u proċeduri fi ħdan is-superviżjoni bankarja Ewropea. Regolamenti oħra tal-BĊE jispeċifikaw kif il-BĊE juża l-għażliet jew id-diskrezzjonijiet disponibbli taħt id-dritt bankarju Ewropew, jew jimponi ċerti obbligi addizzjonali fuq banek sorveljati, eż. dwar il-ħlas ta’ tariffi superviżorji.

Deċiżjonijiet mingħajr indirizzati

Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jintużaw biex jimplimentaw dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt bankarju Ewropew, pereżempju dwar it-trattament prudenti tal-profitti. Jistgħu jispeċifikaw ukoll ċerti proċeduri interni tal-BĊE, bħal pereżempju jiddelegaw ċerti setgħat għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviżorji.

Deċiżjonijiet indirizzati lil banek individwali

Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jintużaw biex jimponu obbligi speċifiċi fuq bank, jew biex japprovaw talba magħmula minn bank. Jistgħu jkunu, pereżempju, deċiżjonijiet dwar l-ammont ta’ kapital regolatorju meħtieġ, jew li jawtorizzaw l-użu ta' mudell intern biex jiġu kkalkulati r-riskji finanzjarji. Jekk deċiżjoni jkollha effetti negattivi fuq il-bank li lilu tkun indirizzata, il-bank għandu d-dritt li jinstema’ u d-dritt li jitlob stħarriġ amministrattiv tad-deċiżjoni.

Linji gwida u struzzjonijiet

Il-BĊE jista’ jindirizza dawn l-istrumenti lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro biex jarmonizzaw l-approċċi superviżorji dwar kwistjonijiet speċifiċi. Istruzzjonijiet tal-BĊE jistgħu jinħarġu wkoll lill-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi oħra tal-UE li daħlu f'kooperazzjoni superviżorja mill-qrib mal-BĊE.

Linji gwida superviżorji

Rakkomandazzjonijiet

Il-BĊE normalment juża rakkomandazzjonijiet biex jarmonizza l-approċċi meħuda mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fir-rigward ta’ banek inqas sinifikanti. Jistgħu jipprovdu wkoll gwida superviżorja għal banek sinifikanti f'oqsma speċifiċi, eż. dwar il-politiki tagħhom ta’ ħlas ta’ dividendi.

Rakkomandazzjonijiet superviżorji

Opinjonijiet

Fir-rwol konsultattiv tiegħu l-BĊE joħroġ opinjonijiet biex jipprovdi kummenti dwar atti legali Ewropej jew nazzjonali proposti fil-qasam tas-superviżjoni bankarja.

Dritt nazzjonali

Bħala superviżur bankarju l-BĊE japplika wkoll dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, li jittrasponu jew jikkumplimentaw direttivi tal-UE fil-qasam tas-superviżjoni bankarja.

L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali japplikaw l-istess qafas legali bħall-BĊE, ikkumplimentati bl-istatuti u l-proċeduri tagħhom stess taħt id-dritt nazzjonali.

Informazzjoni addizzjonali fuq l-atti legali superviżorji tal-BĊE

Il-paġni kollha f’din it-taqsima

Il-Whistleblowing (l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta)